Ishar Issa Iktar Minn Qatt Qabel!
“Ma għandniex norqdu bħall-oħrajn, iżda nishru u ngħixu bil-qjies [“noqogħdu b’għajnejna miftuħa,” “Saydon”].”—1 TESSALONIKIN 5:6.
1, 2. (a) X’tip taʼ bliet kienu Pompej u Erkolanu? (b) Ħafna mill-abitanti taʼ Pompej u Erkolanu liema twissija injoraw, u b’liema riżultat?
FL-EWWEL seklu taʼ l-Era Komuni tagħna, Pompej u Erkolanu kienu żewġt ibliet Rumani u sinjuri ħdejn il-Vessuvju. Għar-Rumani għonja, dawn kienu postijiet magħrufa għall-vaganzi. It-teatri tagħhom kienu jifilħu jesgħu udjenzi taʼ iktar minn elf ruħ, u f’Pompej kien hemm anfiteatru kbir li fih setaʼ joqgħod kważi r-raħal kollu. Dawk li għamlu xi tħaffir f’Pompej sabu 118-il ħanut tax-xorb u taverna, li xi wħud minnhom kienu jservu bħala postijiet fejn isir il-logħob taʼ l-ażżard jew il-prostituzzjoni. L-immoralità u l-materjaliżmu kont tarahom maʼ kullimkien, kif jixhdu xi pitturi taʼ fuq il-ħajt u fdalijiet oħra.
2 Fl-24 t’Awissu tas-sena 79 E.K., il-Vessuvju beda jiżbroffa. Ix-xjenzati li jistudjaw il-vulkani jemmnu li l-ewwel splużjoni, li tefgħet biċċiet tal-lava u rmied fuq iż-żewġt ibliet, probabbilment ma kinitx se twaqqaf lill-abitanti milli jaħarbu. Fil-fatt, ħafna milli jidher hekk għamlu. Iżda oħrajn li ma tawx importanza biżżejjed għall-periklu jew sempliċement injoraw is-sinjali taʼ twissija għażlu li jibqgħu hemm. Imbagħad madwar nofs il-lejl, valanga taʼ gassijiet jikwu, lava, u ġebel niżlet b’ħoss qawwi għal fuq Erkolanu, u fgat lir-residenti kollha li baqgħu fil-belt. Kmieni l-għada fil-għodu, valanga simili qatlet lil kulħadd f’Pompej. X’riżultat traġiku minħabba li ma tawx kas is-sinjali taʼ twissija!
It-Tmiem tas-Sistema t’Affarijiet Lhudija
3. Liema xebh hemm bejn il-qerda taʼ Ġerusalemm u dik taʼ Pompej u Erkolanu?
3 It-tmiem taʼ Pompej u Erkolanu ma kienx ikrah daqs il-qerda katastrofika taʼ Ġerusalemm disaʼ snin qabel, għalkemm din il-katastrofi ġabha l-bniedem. Deskritta bħala “wieħed mill-agħar assedji fl-istorja kollha,” huwa rapportat li kkaġunat il-mewt taʼ iktar minn miljun Lhudi. Madankollu, bħad-diżastru f’Pompej u Erkolanu, il-qerda taʼ Ġerusalemm ma seħħitx mingħajr twissija.
4. Liema sinjal profetiku ta Ġesù biex iwissi lis-segwaċi tiegħu li t-tmiem taʼ ċerta sistema t’affarijiet kien fil-qrib, u kif kellu l-ewwel twettiq fl-ewwel seklu?
4 Ġesù Kristu kien bassar il-qerda tal-belt, u pprofetizza x’kien se jiġri qabilha—affarijiet koroh bħal gwerer, ġuħ, terremoti, u ksur tal-liġi. Il-profeti foloz kellhom ikunu attivi, imma l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla kienet se tiġi pridkata mad-dinja kollha. (Mattew 24:4-7, 11-14) Waqt li l-kliem taʼ Ġesù għandu t-twettiq ewlieni tiegħu llum, dan twettaq fuq skala iżgħar lura f’dak iż-żmien. L-istorja turi li kien hemm ġuħ kbir fil-Lhudija. (Atti 11:28) L-istorjografu Lhudi Ġużeppi Flavju jirrapporta dwar terremot fl-inħawi taʼ Ġerusalemm ftit qabel ma nqerdet il-belt. Hekk kif qorob it-tmiem taʼ Ġerusalemm, taʼ spiss kienu jsiru rewwixti, gwerer interni fil-partiti politiċi Lhud, u massakri f’bosta bliet b’popolazzjoni mħallta taʼ Lhud u Ġentili. Madankollu, l-aħbar tajba tas-Saltna kienet qed tiġi pridkata “lill-ħlejjaq kollha taħt is-smewwiet.”—Kolossin 1:23.
5, 6. (a) Liema kliem profetiku taʼ Ġesù twettaq fis-sena 66 E.K.? (b) Għala mietu daqshekk nies meta Ġerusalemm finalment waqgħet fis-sena 70 E.K.?
5 Fl-aħħar, fis-sena 66 E.K., il-Lhud irribellaw kontra Ruma. Meta Ċestju Gallu mexxa armata biex tassedja lil Ġerusalemm, is-segwaċi taʼ Ġesù ftakru fil-kliem taʼ Ġesù: “Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-eżerċti, tkunu tafu li l-qerda tagħha tkun waslet. Ħa jaħarbu mbagħad lejn il-muntanji dawk li jkunu fil-Lhudija u jitbiegħdu minnha dawk li jkunu ġo nofsha, u ma jerġgħux lura fiha dawk li jkunu fir-rabaʼ.” (Luqa 21:20, 21) Kien wasal iż-żmien biex jitilqu minn Ġerusalemm—imma kif? Ħabta u sabta, Gallu rtira t-truppi tiegħu, u b’hekk ta l-opportunità lill-Kristjani f’Ġerusalemm u fil-Lhudija biex jobdu l-kliem taʼ Ġesù u jaħarbu lejn il-muntanji.—Mattew 24:15, 16.
6 Erbaʼ snin wara, madwar iż-żmien tal-Qbiż, it-truppi Rumani ġew lura taħt il-Ġeneral Titu, li kien determinat li jtemm l-irvell Lhudi darba għal dejjem. L-armata tiegħu dawret lil Ġerusalemm u bniet “rampa,” u b’hekk kien impossibbli li xi ħadd jaħrab. (Luqa 19:43, 44) Minkejja t-theddida taʼ gwerra, il-Lhud minn madwar l-imperu Ruman kollu nġabru f’Ġerusalemm għall-Qbiż. Issa kienu maqbudin ġewwa. Skond Ġużeppi Flavju, dawn il-viżitaturi sfortunati fformaw il-maġġuranza tal-vittmi taʼ l-assedju Ruman.a Meta finalment waqgħet Ġerusalemm, wieħed minn kull sebaʼ Lhud inqered mill-Imperu Ruman. Il-qerda taʼ Ġerusalemm u t-tempju tagħha kienet tfisser it-tmiem taʼ l-istat Lhudi u tas-sistema reliġjuża tiegħu bbażata fuq il-Liġi Mosajka.b—Mark 13:1, 2.
7. Il-Kristjani leali għala baqgħu ħajjin meta nqerdet Ġerusalemm?
7 Fis-sena 70 E.K., il-Kristjani Lhud setgħu nqatlu jew ittieħdu lsiera man-nies kollha li kien fadal f’Ġerusalemm. Madankollu, skond l-evidenza storika, huma taw kas it-twissija taʼ Ġesù li ngħatat 37 sena qabel. Huma kienu abbandunaw il-belt u ma reġgħux lura.
Twissijiet f’Waqthom mill-Appostli
8. Pietru liema bżonn għaraf li kien hemm, u liema kliem taʼ Ġesù x’aktarx li kellu f’moħħu?
8 Illum, qerda li se teffettwa iktar nies tinsab fil-qrib. Din hija qerda li se ttemm din is-sistema sħiħa t’affarijiet. Sitt snin qabel il-qerda taʼ Ġerusalemm, l-appostlu Pietru ta parir urġenti u f’waqtu li japplika speċjalment għall-Kristjani taʼ żmienna: Ibqgħu għassa! Pietru ra l-bżonn li l-Kristjani jitqanqlu biex jużaw “id-dehen tajjeb” tagħhom (Saydon) ħalli ma jinjorawx “il-kmandament tal-Mulej,” Ġesù Kristu. (2 Pietru 3:1, 2) Hu u jħeġġeġ lill-Kristjani biex jibqgħu għassa, Pietru x’aktarx kellu f’moħħu dak li kien semaʼ lil Ġesù jgħid lill-appostli Tiegħu ftit jiem qabel Mewtu: “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt.”—Mark 13:33.
9. (a) Liema attitudni perikoluża jistgħu jiżviluppaw xi wħud? (b) Għala attitudni xettika hija perikoluża b’mod partikulari?
9 Xi wħud illum, biex jirridikolaw, jistaqsu: “Fejn hi l-wegħda tal-miġja tiegħu?” (2 Pietru 3:3, 4) B’mod evidenti, dawn l-individwi jħossu li l-affarijiet qatt ma nbidlu tassew iżda għadhom l-istess bħalma dejjem kienu sa mill-ħolqien tad-dinja. Dan it-tip taʼ xettiċiżmu huwa perikoluż. Id-dubji jistgħu jdgħajfu s-sens t’urġenza tagħna, u jqanqluna biex bil-mod il-mod nibdew infittxu li nissodisfaw iżżejjed il-ġibdiet u x-xewqat tagħna. (Luqa 21:34) Minbarra dan, bħalma jinnota Pietru, dawn l-uħud li jwaqqgħu għaċ-ċajt jinsew id-Dilluvju taʼ żmien Noè, li qered sistema t’affarijiet mad-dinja kollha. Dakinhar tassew inbidlet id-dinja!—Ġenesi 6:13, 17; 2 Pietru 3:5, 6.
10. Pietru b’liema kliem jinkuraġġixxi lil dawk li forsi qed jitilfu l-paċenzja?
10 Pietru jgħin lill-qarrejja tiegħu jikkultivaw il-paċenzja billi jfakkarhom għala Alla spiss ma jaġixxix mill-ewwel. L-ewwelnett, Pietru jgħid: “Quddiem il-Mulej jum wieħed hu bħal elf sena, u elf sena bħal jum wieħed.” (2 Pietru 3:8) Peress li Jehovah jgħix għal dejjem, hu jistaʼ jikkunsidra l-fatturi kollha u jagħżel l-iktar ħin f’waqtu biex jaġixxi. Imbagħad, Pietru jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li Jehovah jixtieq li n-nies taʼ kullimkien jindmu. Il-paċenzja t’Alla tfisser salvazzjoni għal ħafna li jistgħu jinqerdu kieku Alla kellu jaġixxi malajr. (1 Timotju 2:3, 4; 2 Pietru 3:9) Madankollu, il-paċenzja taʼ Jehovah ma tfissirx li hu qatt m’hu se jaġixxi. “Jasal, tabilħaqq, jum il-Mulej bħal ħalliel,” jgħid Pietru.—Korsiv tagħna; 2 Pietru 3:10.
11. X’se jgħinna nibqgħu mqajmin spiritwalment, u dan kif se jgħinna bħallikieku ‘nħaffu’ l-jum taʼ Jehovah?
11 Ix-xebh li jagħmel Pietru hu taʼ min jinnotah. M’huwiex faċli taqbad lill-ħallelin, imma għassies li jibqaʼ mqajjem il-lejl kollu għandu iktar ċans li jinduna b’ħalliel minn wieħed li kultant tmur għajnu bih. Għassies kif jistaʼ jibqaʼ mqajjem? Jekk joqgħod jippassiġġa ’l hemm u ’l hawn jibqaʼ iktar attent milli jekk joqgħod bil-qiegħda l-lejl kollu. B’mod simili, il-fatt li nibqgħu attivi spiritwalment se jgħinna biex bħala Kristjani nibqgħu mqajmin. B’hekk, Pietru jħeġġiġna biex nibqgħu beżlin ‘b’ħajja qaddisa u tajba.’ (2 Pietru 3:11) Din ix-xorta t’attività se tgħinna nibqgħu ‘nħabirku għall-miġja taʼ Jum il-Mulej.’ Il-kelma Griega mogħtija bħala ‘nħabirku’ tistaʼ tiġi tradotta b’mod letterali bħala ‘li nħaffu’ dan il-jum. (2 Pietru 3:12) Huwa minnu li ma nistgħux nibdlu l-iskeda taʼ Jehovah. Il-jum tiegħu se jasal fil-waqt li ħejja hu. Iżda ż-żmien minn issa sa dakinhar se jidher li jkun għaddej iktar malajr jekk ikollna ħafna x’nagħmlu fis-servizz tiegħu.—1 Korintin 15:58.
12. Kif nistgħu aħna bħala individwi nibbenefikaw mill-paċenzja taʼ Jehovah?
12 Għalhekk, dawk kollha li jħossu li l-jum taʼ Jehovah qed jiddawwar huma mħeġġin jagħtu kas il-parir taʼ Pietru biex jistennew bil-paċenzja ż-żmien li ħejja Jehovah. Tabilħaqq, nistgħu nużaw il-ħin li fadal bil-għaqal skond ma tippermetti l-paċenzja t’Alla. Per eżempju, nistgħu nkomplu nikkultivaw kwalitajiet Kristjani vitali kif ukoll naqsmu l-aħbar tajba maʼ ħafna iżjed nies li ma kinux jintlaħqu kieku kien mod ieħor. Jekk nishru, Jehovah se jsibna “fis-sliem, bla tebgħa u bla dnub” fit-tmiem taʼ din is-sistema t’affarijiet. (2 Pietru 3:14, 15) X’barka se tkun din!
13. Liema kliem taʼ Pawlu lill-Kristjani Tessalonikin huwa xieraq b’mod partikulari llum?
13 Pawlu, fl-ewwel ittra tiegħu lill-Kristjani Tessalonikin, ukoll jitkellem dwar il-bżonn li nishru. Hu jagħti l-parir: “Ma għandniex norqdu bħall-oħrajn, iżda nishru u ngħixu bil-qjies [“noqogħdu b’għajnejna miftuħa,” Saydon].” (1 Tessalonikin 5:2, 6) Ladarba l-qerda tas-sistema dinjija t’affarijiet kollha hija fil-qrib, kemm huwa bżonnjuż dan illum! L-aduraturi taʼ Jehovah jgħixu f’dinja mimlija apatija spiritwali, u dan jistaʼ jeffettwahom. Għaldaqstant, Pawlu jagħti l-parir: “Ejjew ngħixu bil-qjies [“nkunu għajnejna miftuħa,” Saydon], nilbsu l-kurazza tal-fidi u l-imħabba, u l-elmu tat-tama tas-salvazzjoni.” (1 Tessalonikin 5:8) Studju regulari tal-Kelma t’Alla u sħubija regulari maʼ ħutna fil-laqgħat se jgħinuna nsegwu l-parir taʼ Pawlu u nżommu s-sens t’urġenza tagħna.—Mattew 16:1-3.
Miljuni Jibqgħu Għassa
14. Liema statistiċi jindikaw li ħafna llum qed isegwu l-parir taʼ Pietru biex jibqgħu mqajmin?
14 Hemm ħafna llum li qed jagħtu kas l-inkuraġġiment ispirat biex jibqgħu mqajmin? Iva. Matul is-sena taʼ servizz 2002, quċċata taʼ 6,304,645 pubblikatur—3.1 fil-mija iktar mill-2001—taw evidenza li huma mqajmin spiritwalment billi qattgħu 1,202,381,302 sigħat jitkellmu m’oħrajn dwar is-Saltna t’Alla. Għal dawn l-uħud, din l-attività ma kinitx xi ħaġa li jiħduha ħafif ħafif. Kienet il-parti ċentrali taʼ ħajjithom. L-attitudni taʼ ħafna minnhom tidher fl-eżempju taʼ Eduardo u Noemi f’El Salvador.
15. Liema esperjenza minn El Salvador turi li ħafna qed jibqgħu mqajmin spiritwalment?
15 Xi ftit tas-snin ilu, Eduardo u Noemi taw kas il-kliem taʼ Pawlu: “Is-sura taʼ din id-dinja għad tgħaddi!” (1 Korintin 7:31) Huma ssimplifikaw ħajjithom u daħlu fil-ministeru full-time bħala pijunieri. Hekk kif għadda ż-żmien, ġew imberkin b’ħafna modi u saħansitra ħadu sehem fix-xogħol tas-circuit u tad-distrett. Minkejja li ffaċċjaw ħafna problemi serji, Eduardo u Noemi huma konvinti li ħadu d-deċiżjoni t-tajba meta ssagrifikaw il-kumdità materjali għas-servizz full-time. Ħafna mid-29,269 pubblikatur—inkluż 2,454 pijunier—f’El Salvador urew spirtu simili taʼ sagrifiċċju, u din hi raġuni waħda għala dak il-pajjiż kellu żjieda taʼ 2 fil-mija fin-numru taʼ pubblikaturi s-sena l-oħra.
16. Liema attitudni wera ħu żagħżugħ mill-Kosta taʼ l-Avorju?
16 Fil-Kosta taʼ l-Avorju, l-istess attitudni ntweriet minn Kristjan żagħżugħ li kiteb lill-uffiċċju tal-fergħa: “Qed naqdi bħala qaddej ministerjali. Imma ma nistax ngħid lill-aħwa biex jaqdu bħala pijunieri waqt li jien stess miniex qed nagħtihom eżempju tajjeb. Allura ħallejt impjieg li jħalli qligħ tajjeb u issa qed naħdem għal rasi, u b’hekk għandi iktar ħin għall-ministeru.” Dan iż-żagħżugħ sar wieħed mid-983 pijunier li qed jaqdu fil-Kosta taʼ l-Avorju, pajjiż li rrapporta 6,701 pubblikatur is-sena l-oħra, żjieda taʼ 5 fil-mija.
17. Xhud żagħżugħa fil-Belġju kif uriet li l-preġudizzju ma beżżagħhiex?
17 L-intolleranza, il-preġudizzju, u d-diskriminazzjoni qed ikomplu jikkaġunaw il-problemi għall-24,961 pubblikatur tas-Saltna fil-Belġju. Xorta waħda, huma żelużi u m’humiex imbeżżgħin. Meta xhud taʼ 16-il sena semgħet li x-Xhieda taʼ Jehovah ġew deskritti bħala setta waqt lezzjoni dwar it-twemmin fl-iskola, hi talbet il-permess biex titkellem dwar il-ħarsa tax-Xhieda taʼ Jehovah. Billi użat il-vidjo Jehovah’s Witnesses—The Organization Behind the Name (Ix-Xhieda taʼ Jehovah—L-Organizzazzjoni wara l-Isem) u l-browxer Ix-Xhieda taʼ Jehovah—Min Huma?, setgħet tispjega min huma verament ix-Xhieda. L-informazzjoni ġiet milqugħa tajjeb ħafna, u l-ġimgħa taʼ wara l-istudenti ngħataw test li l-mistoqsijiet kollha tiegħu kienu dwar ir-reliġjon Kristjana tax-Xhieda taʼ Jehovah.
18. X’evidenza hemm li l-problemi ekonomiċi m’aljenawx lill-pubblikaturi fl-Arġentina u l-Możambik milli jaqdu lil Jehovah?
18 Il-biċċa l-kbira mill-Kristjani jkollhom jiffaċċjaw problemi serji matul dawn l-aħħar jiem. Xorta waħda, huma jipprovaw ma jaljenawx rashom. Minkejja l-problemi ekonomiċi magħrufa li hemm fl-Arġentina, dan il-pajjiż irrapporta quċċata ġdida taʼ 126,709 Xhieda s-sena l-oħra. Fil-Możambik il-faqar għadu mifrux maʼ kullimkien. Madankollu, 37,563 irrapportaw li ħadu sehem fix-xogħol taʼ l-għoti taʼ xiehda, żjieda taʼ 4 fil-mija. Il-ħajja hija diffiċli għal ħafna fl-Albanija, u madankollu dan il-pajjiż irrapporta żjieda mill-aħjar taʼ 12 fil-mija, u laħaq il-quċċata taʼ 2,708 pubblikaturi. B’mod ċar, l-ispirtu taʼ Jehovah ma jiġix imfixkel minn kundizzjonijiet diffiċli meta l-qaddejja tiegħu jpoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel.—Mattew 6:33.
19. (a) X’juri li għad hemm ħafna nies bħal nagħaġ li huma bil-ġuħ għall-verità tal-Bibbja? (b) Liema huma xi dettalji oħra mir-rapport annwali li juru li l-qaddejja taʼ Jehovah qed jibqgħu mqajmin spiritwalment? (Ara t-tabella f’paġni 12-15.)
19 Il-medja taʼ kull xahar taʼ 5,309,289 studju tal-Bibbja li ġew rapportati s-sena l-oħra mad-dinja kollha turi li għad hemm ħafna nies bħal nagħaġ li għandhom il-ġuħ għall-verità tal-Bibbja. Mill-quċċata l-ġdida taʼ 15,597,746 li attendew għall-Mafkar, il-maġġuranza għadhom mhux qed jaqdu lil Jehovah b’mod attiv. Jalla jkomplu jikbru fl-għarfien u fl-imħabba, kemm għal Jehovah u kemm għall-aħwa kollha. Huwa eċċitanti li tara l-“kotra l-kbira” taʼ “nagħaġ oħra” jkomplu jkunu produttivi hekk kif jaqdu lill-Ħallieq “lejl u nhar . . . fit-tempju tiegħu” fi sħubija maʼ ħuthom il-midlukin bl-ispirtu.—Apokalissi 7:9, 15; Ġwann 10:16.
Tagħlima minn Lot
20. X’nitgħallmu mill-eżempju taʼ Lot u martu?
20 M’għandniex xi ngħidu, anki l-qaddejja leali t’Alla jistgħu għal mument jitilfu s-sens t’urġenza tagħhom. Aħseb dwar Lot, in-neputi t’Abraham. Hu sar jaf minn żewġ anġli li ġew iżuruh li Alla kien wasal biex jeqred lil Sodoma u Gomorra. Din l-aħbar ma kinitx taʼ sorpriża għal Lot, “mifni kif kien ħtija taʼ l-imġiba bla rażan tal-ħżiena.” (2 Pietru 2:7) Xorta waħda, meta ż-żewġ anġli ġew biex joħorġuh ’il barra minn Sodoma, hu “beda jitnikker.” L-anġli kważi kellhom ikaxkruh flimkien mal-familja tiegħu ’l barra mill-belt. Imbagħad, il-mara taʼ Lot injorat it-twissija taʼ l-anġli biex ma tħarisx lura. Kellha tħallas qares għall-attitudni tagħha taʼ x’jimpurtani u li kollox jgħaddi. (Ġenesi 19:14-17, 26) “Ftakru fil-mara taʼ Lot!” wissa Ġesù.—Luqa 17:32.
21. Għala huwa vitali li nishru issa iktar minn qatt qabel?
21 Il-katastrofi taʼ Pompej u Erkolanu u l-ġrajjiet li seħħew fil-qerda taʼ Ġerusalemm, kif ukoll l-eżempju tad-Dilluvju taʼ żmien Noè u l-eżempju taʼ Lot, kollha juru l-importanza li nieħdu t-twissijiet bis-serjetà. Bħala l-qaddejja taʼ Jehovah aħna nagħrfuh is-sinjal taż-żmien tat-tmiem. (Mattew 24:3) Aħna nfridna mir-reliġjon falza. (Apokalissi 18:4) Bħall-Kristjani taʼ l-ewwel seklu għandna bżonn ‘nistennew b’ħerqa kbira l-miġja tal-Jum taʼ Alla.’ (2 Pietru 3:12) Iva, issa iktar minn qatt qabel irridu nishru! Liema passi nistgħu nieħdu, u xi kwalitajiet nistgħu niżviluppaw sabiex nishru? L-artiklu li jmiss se jikkunsidra dawn l-affarijiet.
[Noti taʼ taħt]
a X’aktarx li fl-ewwel seklu Ġerusalemm ma kellhiex iktar minn 120,000 abitant. Ewsebju jikkalkula li 300,000 resident mill-provinċja tal-Lhudija vvjaġġaw lejn Ġerusalemm għall-Qbiż tas-sena 70 E.K. Il-bqija tal-vittmi bilfors li ġew minn partijiet oħra taʼ l-imperu.
b M’għandniex xi ngħidu, mill-ħarsa taʼ Jehovah, il-patt il-ġdid tas-sena 33 E.K. ħa post il-Liġi Mosajka.—Efesin 2:15.
Kif Twieġeb?
• Liema żvilupp ippermetta li l-Kristjani Lhud jiskansaw il-qerda taʼ Ġerusalemm?
• Il-pariri fil-kitbiet taʼ l-appostli Pietru u Pawlu kif jgħinuna nibqgħu mqajmin?
• Illum min huma dawk li juru li jinsabu mqajmin kompletament?
• Liema tagħlima nieħdu mir-rakkont taʼ Lot u martu?
[Tabella f’paġna 12-15]
RAPPORT TAS-SENA TAʼ SERVIZZ GĦAL 2002 TAX-XHIEDA TAʼ JEHOVAH MADWAR ID-DINJA
Ara bound volume
[Stampa f’paġna 9]
Fis-sena 66 E.K., il-komunità Kristjana f’Ġerusalemm tat kas it-twissija taʼ Ġesù
[Stampi f’paġna 10]
Jekk il-Kristjani jibqgħu attivi, iktar ikunu jistgħu jibqgħu mqajmin