“Ishru!”
“Dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”—Mark 13:37.
1, 2. (a) X’tagħlima ħa wieħed raġel dwar li jgħasses l-affarijiet tiegħu? (b) Mit-tixbiha taʼ Ġesù dwar wieħed ħalliel, x’nitgħallmu dwar li nishru?
JUAN kien iżomm l-affarijiet taʼ valur tiegħu d-dar. Kien jerfagħhom taħt soddtu—fl-opinjoni tiegħu l-iktar post protett fid-dar. Madankollu, lejl wieħed, waqt li hu u martu kienu reqdin daħal ħalliel fil-kamra tas-sodda. Milli jidher il-ħalliel kien jaf eżatt fejn kellu jfittex. Inkiss inkiss ħa kull ħaġa prezzjuża li kien hemm taħt is-sodda kif ukoll il-flus li Juan kien ħalla fil-kexxun tal-komodina tiegħu. L-għada fil-għodu Juan skopra li kien insteraq. Qatt ma se jinsa t-tagħlima li ħa minn din l-esperjenza qarsa: Min ikun rieqed ma jistax joqgħod għassa maʼ l-affarijiet tiegħu.
2 Dan huwa minnu anki f’sens spiritwali. Ma nistgħux ngħassu t-tama u l-fidi tagħna jekk norqdu. Għaldaqstant, Pawlu ħeġġeġ: “Ma għandniex norqdu bħall-oħrajn, iżda nishru u ngħixu bil-qjies.” (1 Tessalonikin 5:6) Biex juri kemm huwa vitali li nishru, Ġesù uża t-tixbiha taʼ ħalliel. Hu ddeskriva l-ġrajjiet li kienu se jwasslu għall-miġja tiegħu bħala Mħallef, u mbagħad wissa: “Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl kellu jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan taʼ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.” (Mattew 24:42-44) Ħalliel ma javżax minn qabel meta jkun ġej. Hu jittama li jasal meta ħadd ma jkun qed jistennieh. B’mod simili, bħalma qal Ġesù, it-tmiem taʼ din is-sistema se jiġi ‘f’siegħa li qatt ma nistgħu nobsru.’
“Ishru, Żommu Sħiħ fil-Fidi”
3. Meta Ġesù uża t-tixbiha tal-qaddejja li kienu qed jistennew lil sidhom jiġi lura minn tieġ, kif wera l-importanza taʼ li nishru?
3 Fil-kliem imniżżel fl-evanġelju taʼ Luqa, Ġesù qabbel lill-Kristjani maʼ qaddejja li qed jistennew lil sidhom jiġi lura minn tieġ. Iridu jibqgħu moħħhom hemm ħalli meta jasal ikunu mqajmin, lesti biex jilqgħuh. B’mod simili Ġesù qal: “Qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.” (Luqa 12:40) Xi wħud li ilhom jaqdu lil Jehovah għal snin sħaħ jistgħu jitilfu s-sens t’urġenza rigward iż-żminijiet li ngħixu fihom. Għandhom mnejn saħansitra jikkonkludu li t-tmiem jistaʼ jkun għadu fil-bogħod. Iżda dan il-mod taʼ ħsieb jistaʼ jwassalna biex indawru l-attenzjoni tagħna ’l bogħod mill-affarijiet spiritwali u nitfgħuha fuq miri materjali, aljenazzjonijiet li jistgħu jġagħluna nonogħsu spiritwalment.—Luqa 8:14; 21:34, 35.
4. Liema konvinzjoni se timmotivana biex nibqgħu għassa, u Ġesù kif urieh dan?
4 Nistgħu nieħdu tagħlima oħra mit-tixbiha taʼ Ġesù. Għalkemm il-qaddejja ma kinux jafu f’liema siegħa kien se jasal sidhom, milli jidher kienu jafu f’liema lejl. Kien ikun diffiċli li jibqgħu mqajmin il-lejl kollu li kieku ħasbu li sidhom setaʼ jiġi f’xi lejl ieħor. Imma le, kienu jafu f’liema lejl kien ġej, u dan tahom motivazzjoni qawwija biex jishru. B’mod pjuttost simili, il-profeziji tal-Bibbja juru b’mod ċar li aħna qed ngħixu fiż-żmien tat-tmiem; imma ma jgħidulniex il-jum jew is-siegħa meta ġej dan it-tmiem. (Mattew 24:36) It-twemmin tagħna li t-tmiem ġej jgħinna nishru, iżda jekk inkunu konvinti li l-jum taʼ Jehovah huwa verament fil-qrib se jkollna motivazzjoni bil-wisq iktar qawwija biex noqogħdu għassa.—Sofonija 1:14.
5. Kif nistgħu nwieġbu għat-tħeġġiġ taʼ Pawlu biex ‘nishru’?
5 Meta Pawlu kien qed jikteb lill-Korintin, hu ħeġġiġhom: “Ishru, żommu sħiħ fil-fidi.” (1 Korintin 16:13) Iva, il-fatt li nishru huwa konness maʼ li nżommu sħiħ fil-fidi Kristjana. Kif nistgħu nishru? Billi niksbu għarfien iktar profond tal-Kelma t’Alla. (2 Timotju 3:14, 15) Drawwiet tajbin taʼ studju persunali u attendenza regulari għal-laqgħat jgħinuna nsaħħu l-fidi, u l-fatt li nżommu l-jum taʼ Jehovah quddiem għajnejna huwa aspett importanti tal-fidi tagħna. Allura, li minn żmien għal żmien nirrivedu l-prova Skritturali li qed ngħixu qrib it-tmiem taʼ din is-sistema se jgħinna biex ma ninsewx il-veritajiet importanti dwar dan it-tmiem li ġej.a Huwa tajjeb ukoll li noqogħdu attenti għall-ġrajjiet fid-dinja li jwettqu l-profezija tal-Bibbja. Ċertu ħu mill-Ġermanja kiteb: “Kulmeta nara l-aħbarijiet—il-gwerer, it-terremoti, il-vjolenza, it-tinġis tal-pjaneta tagħna—dawn juruni biċ-ċar kemm qegħdin qrib it-tmiem.”
6. Ġesù kif ta eżempju tat-tendenza li jibda ġej in-ngħas spiritwali hekk kif jgħaddi ż-żmien?
6 F’Mark kapitlu 13, insibu rakkont ieħor taʼ meta Ġesù ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu biex jishru. Skond dan il-kapitlu, Ġesù jqabbel is-sitwazzjoni tagħhom maʼ dik tal-qaddej tal-bieb li jistenna lil sidu jasal lura mis-safra tiegħu. Il-qaddej tal-bieb ma kienx jaf f’liema siegħa sidu kien ġej lura. Kellu biss joqgħod għassa. Ġesù rrefera għal erbaʼ sahriet differenti li matulhom is-sid setaʼ jasal. Ir-rabaʼ sahra kienet iddum minn madwar it-tlieta taʼ fil-għodu sa tlugħ ix-xemx. F’din l-aħħar sahra, il-qaddej tal-bieb setaʼ faċilment jinħakem min-ngħas. Huwa rapportat li s-suldati jikkunsidraw is-siegħa taʼ qabel tlugħ ix-xemx bħala l-aħjar ħin li fih jinqabad l-għadu għal għarrieda. B’mod simili, f’dan iż-żmien taʼ l-aħħar, meta f’sens spiritwali d-dinja taʼ madwarna tinsab rieqda fil-fond, għandna mnejn niffaċċjaw l-akbar ġlieda biex nishru. (Rumani 13:11, 12) Għaldaqstant, fit-tixbiha tiegħu, Ġesù ħeġġeġ darba wara l-oħra: “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru . . . Mela ishru . . . Dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”—Mark 13:32-37.
7. Liema periklu reali jeżisti, u b’dan f’moħħna, liema inkuraġġiment naqraw taʼ spiss fil-Bibbja?
7 Ħafna drabi matul il-ministeru tiegħu u wara l-irxoxt, Ġesù ħeġġeġ lil oħrajn biex joqogħdu għassa. Fil-fatt, kważi kulmeta l-Iskrittura tirreferi għat-tmiem taʼ din is-sistema t’affarijiet, insibu t-twissija taʼ li nishru jew nibqgħu mqajmin.b (Luqa 12:38, 40; Apokalissi 3:2; 16:14-16) B’mod ċar, in-ngħas spiritwali huwa periklu reali tassew. Ilkoll għandna bżonnhom dawn it-twissijiet!—1 Korintin 10:12; 1 Tessalonikin 5:2, 6.
Tliet Appostli li Ma Setgħux Jishru
8. Fil-ġnien tal-Ġetsemani, tlieta mill-appostli taʼ Ġesù kif irreaġixxew għat-talba tiegħu biex jishru?
8 Biex nibqgħu mqajmin irid ikollna iktar minn sempliċement intenzjonijiet tajbin, bħalma naraw mill-eżempju taʼ Pietru, Ġakbu, u Ġwanni. Dawn kienu tlett irġiel spiritwali li segwew lealment lil Ġesù u kellhom affezzjoni profonda lejh. Minkejja dan, fil-lejl taʼ l-14 taʼ Nisan, 33 E.K., ma rnexxilhomx jishru. Meta telqu mill-kamra taʼ fuq fejn kienu ċċelebraw il-Qbiż, it-tliet appostli marru maʼ Ġesù fil-ġnien tal-Ġetsemani. Hemmhekk Ġesù qalilhom: “Għandi ruħi mnikkta għall-mewt; ibqgħu hawn u ishru miegħi.” (Mattew 26:38) Ġesù tliet darbiet talab bil-ħrara lil Missieru tas-sema, u tliet darbiet mar lura ħdejn ħbiebu, imma sabhom reqdin.—Mattew 26:40, 43, 45.
9. Wisq probabbli, l-appostli għalfejn qabadhom in-ngħas?
9 Dawn l-irġiel leali għala ddiżappuntaw lil Ġesù f’dak il-lejl? Raġuni waħda kienet l-għeja fiżika. Kien tard bil-lejl, x’aktarx wara nofs il-lejl, u “għajnejhom kienu tqal bin-ngħas.” (Mattew 26:43) Xorta waħda, Ġesù qal: “Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef.”—Mattew 26:41.
10, 11. (a) Minkejja li kien għajjien, x’għen lil Ġesù biex jibqaʼ għassa fil-ġnien tal-Ġetsemani? (b) X’nistgħu nitgħallmu minn dak li ġara lit-tliet appostli meta Ġesù talabhom jishru?
10 Bla dubju, Ġesù wkoll kien għajjien f’dak il-lejl storiku. Madankollu, minflok ma raqad, hu qattaʼ dawk l-aħħar mumenti vitali taʼ libertà li kellu f’talb ħerqan. Ftit jiem qabel, hu kien ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu, u qalilhom: “Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kull ma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.” (Luqa 21:36; Efesin 6:18) Jekk nagħtu kas il-parir taʼ Ġesù u nsegwu l-eżempju mill-aħjar tiegħu fejn jidħol it-talb, is-suppliki tagħna lil Jehovah mill-qalb se jgħinuna nibqgħu mqajmin spiritwalment.
11 M’għandniex xi ngħidu, Ġesù fehem li dalwaqt kien se jiġi arrestat u kundannat għall-mewt, iżda d-dixxipli tiegħu kienu għadhom ma fehmuhx dan. Il-provi tiegħu kienu se jispiċċaw f’agunija estrema fuq iz-zokk tat-tortura. Ġesù kien wissa lill-appostli tiegħu dwar dawn l-affarijiet, imma ma kinux fehmu x’kien qed jgħid. Għalhekk, huma spiċċaw raqdu waqt li hu baqaʼ mqajjem jitlob. (Mark 14:27-31; Luqa 22:15-18) Bħall-appostli, ġisimna wkoll huwa dgħajjef u hemm affarijiet li għadna ma nafuhomx. Madankollu, jekk ma nifhmux l-urġenza taż-żminijiet li ngħixu fihom, nistgħu norqdu f’sens spiritwali. Huwa biss billi nżommu moħħna hemm li se nibqgħu mqajmin.
Tliet Kwalitajiet Vitali
12. Skond Pawlu liema tliet kwalitajiet huma konnessi maʼ li nżommu għajnejna miftuħa?
12 Kif nistgħu nżommu s-sens t’urġenza? Diġà rajna l-importanza tat-talb u l-bżonn li nżommu f’moħħna l-jum taʼ Jehovah. Minbarra dan, Pawlu jsemmi tliet kwalitajiet vitali li għandna nikkultivaw. Hu jgħid: “Aħna, li aħna wlied il-jum, ħa nkunu għajnejna miftuħa, lebsin il-kurazza tal-fidi u taʼ l-imħabba u l-elmu tat-tama tas-salvazzjoni.” (1 Tessalonkin 5:8, Saydon) Ejja nikkunsidraw fil-qosor l-irwol li għandhom il-fidi, it-tama, u l-imħabba biex nibqgħu mqajmin spiritwalment.
13. X’parti għandha l-fidi f’li żżommna moħħna hemm?
13 Irid ikollna fidi li ma titħarrikx li Jehovah jeżisti u li “hu jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.” (Lhud 11:6) L-ewwel twettiq tal-profezija taʼ Ġesù dwar it-tmiem, li seħħ fl-ewwel seklu, isaħħaħ il-fidi tagħna fit-twettiq akbar tal-profezija fi żmienna. U l-fidi tagħna żżommna nistennew bil-ħerqa l-jum taʼ Jehovah, waqt li aħna żguri li “[id-dehra profetika] tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!”—Ħabakkuk 2:3.
14. It-tama għala hija vitali biex nishru?
14 It-tama ċerta tagħna hi bħal “ankra tar-ruħ” li tgħinna nissaportu d-diffikultajiet anki jekk ikollna nistennew it-twettiq ċert tal-wegħdi t’Alla. (Lhud 6:18, 19) Margaret, oħt midluka bl-ispirtu li għandha ’l fuq minn 90 sena u tgħammdet iktar minn 70 sena ilu, tammetti: “Meta żewġi kien qed imut bil-kanċer fl-1963, ħassejt li kienet tkun xi ħaġa taʼ l-għaġeb li kieku t-tmiem kellu jasal malajr. Imma issa nirrealizza li kien ħsiebni primarjament fl-interessi tiegħi nnifsi. Dak iż-żmien ma konniex nobsru sa liema punt kien se jikber ix-xogħol mad-dinja kollha. Anki issa, għad hemm ħafna postijiet fejn ix-xogħol għadu fil-bidu. Għalhekk, ninsab kuntenta li Jehovah kien paċenzjuż.” L-appostlu Pawlu jiżgurana: “Is-sabar irawwem il-ħila, il-ħila t-tama. U din it-tama ma tqarraqx bina.”—Rumani 5:3-5.
15. L-imħabba kif se tqanqalna anki meta jkun jidher li ilna nistennew għal żmien twil?
15 L-imħabba Kristjana hija kwalità li tispikka għaliex hija l-motiv fundamentali għal dak kollu li nagħmlu. Aħna naqdu lil Jehovah għax inħobbuh, hi x’inhi l-iskeda tiegħu. L-imħabba għall-proxxmu tqanqalna nippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna, ikun kemm ikun twil iż-żmien li Alla jridna nagħmlu hekk u minkejja li mmorru fl-istess djar kemm-il darba. Bħalma kiteb Pawlu, “issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba.” (1 Korintin 13:13) L-imħabba tgħinna nibqgħu għaddejjin u tgħinna nkomplu nishru. “[L-imħabba] kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt.”—1 Korintin 13:7, 8.
“Żomm Sħiħ f’Dak li Għandek”
16. Minflok ma nnaqqsu l-pass, liema attitudni għandna nikkultivaw?
16 Aħna qed ngħixu fi żminijiet importanti ferm meta l-ġrajjiet tad-dinja jfakkruna l-ħin kollu li ninsabu fil-parti finali taʼ l-aħħar jiem. (2 Timotju 3:1-5) Issa mhux iż-żmien li nnaqqsu l-pass iżda li ‘nżommu sħiħ f’dak li għandna.’ (Apokalissi 3:11) Billi nkunu ‘meqjusin biex nagħtu ruħna għat-talb’ u nikkultivaw il-fidi, it-tama, u l-imħabba, se nkunu preparati fiż-żmien tal-prova. (1 Pietru 4:7) Għandna ħafna x’nagħmlu fil-ħidma tal-Mulej. Billi nħabirku f’għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla, jew f’ħajja tajba, se nibqgħu mqajmin kompletament.—2 Pietru 3:11.
17. (a) Għala m’għandniex niskuraġġixxu ruħna jekk kultant inġarrbu xi diżappunt? (Ara l-kaxxa f’paġna 21.) (b) Kif nistgħu nimitaw lil Jehovah, u liema barkiet hemm lesti għal dawk li jagħmlu dan?
17 “Sehmi hu l-Mulej,” kiteb Ġeremija, “għalhekk nittama fih. Tajjeb il-Mulej maʼ min jistennieh, mar-ruħ li tfittxu. Tajjeb min jistenna fis-skiet, is-salvazzjoni tal-Mulej.” (Lamentazzjonijiet 3:24-26) Xi wħud minna ilna nistennew għal ftit żmien biss. Oħrajn ilhom jistennew snin sħaħ biex jaraw is-salvazzjoni taʼ Jehovah. Madankollu, kemm huwa qasir dan il-perijodu taʼ stennija meta nqabbluh maʼ l-eternità li għandna quddiemna! (2 Korintin 4:16-18) U waqt li nistennew li jasal il-waqt taʼ Jehovah, nistgħu nikkultivaw kwalitajiet Kristjani essenzjali u ngħinu lil oħrajn jieħdu vantaġġ mill-paċenzja taʼ Jehovah u jħaddnu l-verità. Mela, jalla lkoll kemm aħna nibqgħu nishru. Ejja nimitaw lil Jehovah u nkunu paċenzjużi, u grati għat-tama li tana. U hekk kif nibqgħu moħħna hemm bil-fedeltà, jalla nżommu sħiħ mat-tama taʼ ħajja taʼ dejjem. Imbagħad, dawn il-wegħdi profetiċi żgur se japplikaw għalina: “[Jehovah] jerfgħek biex tikseb l-art; mbagħad tara l-ħżiena meqruda.”—Salm 37:34.
[Noti taʼ taħt]
a Jistaʼ jkun t’għajnuna li tirrivedi s-sitt linji taʼ evidenza li jindikaw li qed ngħixu fl-“aħħar tad-dinja” u li ġew enfasizzati f’paġni 12-13 tal-ħarġa taʼ It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Jannar, 2000.—2 Timotju 3:1.
b Meta jitkellem fuq il-verb Grieg tradott “ishru,” il-lessikografu W. E. Vine jispjega li dan ifisser letteralment li ‘tkeċċi n-ngħas,’ u “mhux biss jesprimi li wieħed ikun imqajjem, iżda juri kemm ikunu għassa dawk li jkollhom moħħhom konċentrat fuq xi ħaġa.”
Int Kif Twieġeb?
• Kif nistgħu nsaħħu l-konvinzjoni tagħna li t-tmiem taʼ din is-sistema huwa fil-qrib?
• X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempji taʼ Pietru, Ġakbu, u Ġwanni?
• Liema tliet kwalitajiet se jgħinuna nibqgħu għassa spiritwalment?
• Għala issa huwa ż-żmien li ‘nżommu sħiħ f’dak li għandna’?
[Kaxxa/Stampa f’paġna 21]
“Hieni Min [“Jibqa,” NW] Jistenna.”—Danjel 12:12.
Immaġina li għassies jissuspetta li ħalliel qed jippjana biex jisraq il-post li qed jgħasses hu. Meta jasal il-lejl, l-għassies joqgħod attent biex jara jismax l-iċken ħoss li jistaʼ jgħinu jinduna li hemm il-ħalliel. Siegħa wara l-oħra hu jistrapazza għajnejh u widnejh. Faċli nifhmu kif jistaʼ jallarma ruħu bi żball—bil-ħoss taʼ buffura riħ fis-siġar jew xi qattus li jaqleb xi ħaġa.—Luqa 12:39, 40.
Tistaʼ tiġri xi ħaġa simili lil dawk li qed ‘jistennew [“bil-ħerqa,” NW] id-dehra taʼ Sidna Ġesù Kristu.’ (1 Korintin 1:7) L-appostli ħasbu li Ġesù kien se ‘jerġaʼ jwaqqaf is-Saltna taʼ Iżrael’ ftit wara l-irxoxt tiegħu. (Atti 1:6) Snin wara, il-Kristjani f’Tessalonika kellhom jiġu mfakkrin li l-preżenza taʼ Ġesù kienet f’xi żmien fil-futur. (2 Tessalonikin 2:3, 8) Xorta waħda, il-fatt li dawk l-ewwel segwaċi taʼ Ġesù allarmaw ruħhom bi żball dwar il-jum taʼ Jehovah ma ġagħalhomx jabbandunaw it-triq li twassal għall-ħajja.—Mattew 7:13.
Fi żmienna, id-diżappunt minħabba li t-tmiem taʼ din is-sistema t’affarijiet jistaʼ jidher qed jiddawwar m’għandux iġagħalna naljenaw rasna. Għassies attent jistaʼ jallarma ruħu bi żball, iżda jaqbillu jibqaʼ għassa! Dak xogħlu. Dan japplika wkoll għall-Kristjani.
[Stampa f’paġna 18]
Konvint int li l-jum taʼ Jehovah huwa fil-qrib?
[Stampi f’paġna 19]
Il-laqgħat, it-talb, u d-drawwiet tajbin taʼ studju jgħinuna nibqgħu nishru
[Stampa f’paġna 22]
Bħal Margaret, jalla bil-paċenzja nibqgħu nishru b’mod attiv