L-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej Għandha Tifsir Kbir Għalik
GĦANDHA l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej xi tifsir sinifikanti u dejjiemi għalik? Biex insiru nafu dan, ejja l-ewwel naraw Ġesù Kristu nnifsu x’tifsira ta lil din il-ġrajja speċjali.
Fil-lejla taʼ l-14 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K., Ġesù laqqaʼ lit-12-il appostlu f’kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm biex jiċċelebraw il-festa tal-Qbiż li ssir kull sena. Wara li kienu kielu l-ikla tal-Qbiż, Ġuda t-traditur ħareġ mill-kamra biex imur jittradixxi lil Ġesù. (Ġwann 13:21, 26-30) Lil dawk il-11-il appostlu li baqgħu miegħu, Ġesù introduċielhom “l-ikla tal-Mulej.” (1 Korintin 11:20) Din tissejjaħ ukoll it-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù, ladarba Hu kkmanda lis-segwaċi tiegħu: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Din hija l-unika ġrajja li l-Kristjani huma kmandati biex ifakkruha.—1 Korintin 11:24.
F’ħafna pajjiżi n-nies jagħmlu monument jew jiddedikaw ġurnata taʼ festa speċjali biex ifakkru, jew jikkommemoraw, lil xi ħadd jew xi ħaġa sinifikanti. F’dan il-każ, Ġesù stabbilixxa ikla kommemorattiva—ikla bħala għajnuna għall-memorja, li kellha tgħin lid-dixxipli tiegħu biex jibqgħu jfakkru l-ġrajjiet ferm sinifikanti taʼ dik il-ġurnata tant importanti. Għal ġenerazzjonijiet tal-futur, din l-ikla tat-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù kellha tfakkar lil dawk li jikkommemorawha fit-tifsira profonda taʼ dak li hu għamel dak il-lejl, partikolarment fis-simboli li uża. Ġesù liema simboli, jew emblemi, uża, u dawn xi jfissru? Ejja neżaminaw ir-rakkont tal-Bibbja dwar dak li seħħ dak il-lejl fis-sena 33 E.K.
Tifsiriet Simboliċi Sagri
“Ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu, newwilhulhom u qal: ‘Dan hu [“ifisser,” “NW”] ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi.’”—Luqa 22:19.
Meta Ġesù ħa l-ħobż u qal “dan ifisser ġismi,” hu kien qed jindika li l-ħobż bla ħmira kien simbolu tal-ġisem fiżiku tiegħu bla dnub, li hu ta “għall-ħajja tad-dinja.” (Ġwann 6:51) Għalkemm xi traduzzjonijiet tal-Bibbja jgħidu “dan hu [Grieg, es·tinʹ] ġismi,” il-Greek-English Lexicon of the New Testament taʼ Thayer jgħid li dan il-verb taʼ spiss jingħata bħala “jfisser, jissinifika, jimplika.” Iġorr il-ħsieb taʼ li jirrappreżenta, jew li jissimbolizza.—Mattew 26:26.
L-istess japplika għall-inbid. Ġesù qal: “Dan il-kalċi huwa [“ifisser,” “NW”] il-Patt il-Ġdid b’demmi, id-demm li jixxerred għalikom.”—Luqa 22:20.
Fir-rakkont taʼ Mattew, Ġesù qal dan dwar il-kalċi: “Dan hu [“ifisser,” NW] demmi, id-demm tal-Patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet.” (Mattew 26:28, korsiv tagħna.) Ġesù kien qed juża l-inbid taʼ ġol-kalċi bħala rappreżentazzjoni, jew simbolu, taʼ demmu stess. Id-demm li hu xerred kellu jkun il-bażi taʼ “patt ġdid” għad-dixxipli midlukin bl-ispirtu, li kienu se jaħkmu bħala slaten u qassisin miegħu fis-sema.—Ġeremija 31:31-33; Ġwann 14:2, 3; 2 Korintin 5:5; Apokalissi 1:5, 6; 5:9, 10; 20:4, 6.
L-inbid fil-kalċi jservi wkoll bħala tfakkira li d-demm imxerred taʼ Ġesù kellu jkun il-bażi għall-“maħfra tad-dnubiet,” u dan jagħmilha possibbli għal dawk li jieħdu minnu biex ikollhom is-sejħa għall-ħajja fis-sema bħala werrieta sħab maʼ Kristu. Wieħed jistaʼ jifhem li dawk li għandhom is-sejħa għas-sema—numru limitat—huma l-uniċi nies li jieħdu mill-ħobż u mill-inbid f’din l-okkażjoni.—Luqa 12:32; Efesin 1:13, 14; Lhud 9:22; 1 Pietru 1:3, 4.
Iżda, xi ngħidu għal dawk is-segwaċi taʼ Ġesù li m’humiex fil-patt il-ġdid? Dawn huma n-“nagħaġ oħra” tal-Mulej, li qed iħarsu ’l quddiem, mhux biex isaltnu maʼ Kristu fis-sema, imma biex igawdu l-ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna. (Ġwann 10:16; Luqa 23:43; Apokalissi 21:3, 4) Bħala “kotra kbira” taʼ Kristjani leali li qegħdin “lejl u nhar jaqduh [lil Alla] fit-tempju tiegħu,” huma ferħanin li jkunu osservaturi grati f’din l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej. Il-kliem u l-għemejjel tagħhom fil-fatt jiddikjaraw: “Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna li qiegħed fuq it-tron, u lill-Ħaruf.”—Apokalissi 7:9, 10, 14, 15.
Kulmeta?
“Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.”—Luqa 22:19.
Din l-okkażjoni kulmeta għandha tiġi ċelebrata sabiex tiġi preservata t-tifkira tal-mewt taʼ Kristu? Ġesù ma speċifikax. Madankollu, ladarba hu stabbilixxa l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej fl-14 taʼ Nisan, fil-lejla tal-Qbiż li l-Iżraelin kienu jiċċelebraw kull sena, jidher ċar li Ġesù ried li t-Tifkira taʼ mewtu kellha tiġi mfakkra bl-istess mod. Fil-waqt li l-Iżraelin kienu kull sena jiċċelebraw il-ħelsien tagħhom mill-jasar taʼ l-Eġittu, il-Kristjani kull sena jfakkru l-ħelsien tagħhom mill-jasar tad-dnub u l-mewt.—Eżodu 12:11, 17; Rumani 5:20, 21.
Ċertament li l-idea li kull sena tiġi ċelebrata kommemorazzjoni taʼ ġrajja sinifikanti hija xi ħaġa komuni. Per eżempju, ikkunsidra meta koppja jiċċelebraw l-anniversarju tat-tieġ tagħhom, jew meta pajjiż ifakkar xi ġrajja importanti fl-istorja tiegħu. Il-kommemorazzjoni ġeneralment issir darba fis-sena fl-anniversarju taʼ dik il-ġrajja. Interessanti li għal ħafna sekli wara Kristu, lil ħafna mill-hekk imsejħa Kristjani kienu jsibuhom bħala Kwartodeċimani, li tfisser “l-Uħud taʼ l-Erbatax,” għaliex kienu jfakkru l-mewt taʼ Ġesù darba fis-sena, fl-14 taʼ Nisan.
Sempliċi imma Sinifikanti Ferm
L-appostlu Pawlu spjega li kulmeta d-dixxipli taʼ Ġesù jiċċelebraw l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej, huma jkunu qed ikomplu ‘jxandru l-mewt tal-Mulej.’ (1 Korintin 11:26) Għalhekk, din il-kommemorazzjoni kellha tiffoka fuq l-irwol kruċjali li Ġesù, bil-mewt tiegħu, kellu fit-twettiq taʼ l-iskop t’Alla.
Il-fedeltà taʼ Ġesù Kristu sal-mewt ivvindikat lil Alla Jehovah bħala l-Ħallieq kollu għerf u mħabba u bħala s-Sovran ġust. Kuntrarju għal dak li sostna Satana u kontra taʼ Adam, Ġesù wera li huwa possibbli li bniedem jibqaʼ leali lejn Alla, saħansitra taħt l-eħrex pressjonijiet.—Ġob 2:4, 5.
L-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej tgħinna wkoll nippreservaw bil-gratitudni t-tifkira taʼ l-imħabba li tissagrifika lilha nfisha li wera Ġesù. Minkejja l-provi ħorox, Ġesù baqaʼ ubbidjenti b’mod perfett lejn Missieru. B’hekk, hu setaʼ joffri l-ħajja umana u perfetta tiegħu biex tpatti għall-prezz enormi tad-dnub taʼ Adam. Bħalma spjega Ġesù nnifsu, hu ġie “biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.” (Mattew 20:28) Għalhekk, dawk kollha li jkollhom fidi f’Ġesù jistaʼ jkollhom dnubiethom maħfurin u jirċievu ħajja taʼ dejjem fi qbil maʼ l-iskop oriġinali taʼ Jehovah għall-umanità.—Rumani 5:6, 8, 12, 18, 19; 6:23; 1 Timotju 2:5, 6.a
Dan jenfasizza wkoll kemm Jehovah wera tjubija abbundanti u qalb tajba mhix mistħoqqa meta hu pprovda s-salvazzjoni taʼ l-umanità. Il-Bibbja tistqarr: “B’dan dehret l-imħabba taʼ Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih. U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun taʼ tpattija għal dnubietna.”—1 Ġwann 4:9, 10.
Iva, kemm hi ċelebrazzjoni meraviljuża din it-Tifkira! Sempliċi u prattiku biżżejjed biex jiġi mfakkar mad-dinja kollha f’diversi ċirkustanzi differenti, imma fl-istess ħin simboliku biżżejjed li jkompli jkun tfakkira sinifikanti għal perijodu twil taʼ żmien.
It-Tifsira Tiegħu Għalik
Il-mewt li Sidna Ġesù Kristu offra bħala sagrifiċċju swiet prezz enormi kemm lilu u kemm lil Missieru, Jehovah. Bħala bniedem perfett, Ġesù ma kienx taħt il-kundanna tal-mewt li writna lkoll kemm aħna. (Rumani 5:12; Lhud 7:26) Setaʼ baqaʼ jgħix għal dejjem. Ħadd ma setaʼ jiħodlu ħajtu, lanqas bil-forza, jekk hu stess ma kienx jippermettilu. Hu qal: “Ħadd ma jeħodhieli [ħajti], iżda jien nagħtiha minn rajja.”—Ġwann 10:18.
Madankollu, Ġesù minn rajh offra l-ħajja umana perfetta tiegħu bħala sagrifiċċju sabiex “b’mewtu jeqred is-setgħa taʼ dak li kellu l-mewt f’idejh, jiġifieri x-Xitan, u jeħles ’il dawk kollha li, minħabba fil-biżaʼ tal-mewt, kienu mjassrin għal għomorhom kollu.” (Lhud 2:14, 15) L-imħabba li tissagrifika lilha nfisha taʼ Kristu tidher ukoll fit-tip taʼ mewt li Ġesù ssottometta lilu nnifsu għaliha. Kien konxju sew tal-mod kif hu kien se jsofri u jmut.—Mattew 17:22; 20:17-19.
Din it-Tifkira tfakkarna wkoll fl-akbar espressjoni taʼ mħabba li qatt saret minn Missierna tas-sema, Jehovah. Kemm kien taʼ niket meta hu, li tant “jaf jagħder, u hu ħanin bil-bosta” semaʼ u ra s-“suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ” li Ġesù għamel fil-ġnien tal-Ġetsemani, il-mod kif ġie flaġellat bla ħniena, il-mod krudil kif ġie mdendel maʼ l-għuda, u l-mewta agonizzanti tiegħu li tant ħadet fit-tul. (Ġakbu 5:11; Lhud 5:7; Ġwann 3:16; 1 Ġwann 4:7, 8) Meta nirriflettu ftit fuq il-mewt taʼ Ġesù, anki issa wara dawn is-sekli kollha, nibdew inħossuna ferm imnikktin.
Meta toqgħod tqis, ara xi prezz għoli kellhom iħallsu Alla Jehovah u Ġesù Kristu għalina l-midinbin! (Rumani 3:23) Kull ġurnata li tgħaddi nħabbtu wiċċna mar-realtà kiefra tan-natura midinba tagħna u taʼ l-imperfezzjonijiet tagħna. Madankollu, fuq il-bażi tal-fidi fis-sagrifiċċju li Ġesù ħallas bħala fidwa, aħna nistgħu nitolbu maħfra lil Alla. (1 Ġwann 2:1, 2) Dan jagħmilha possibbli għalina li nersqu lejn Alla u jkollna kuxjenza safja. (Lhud 4:14-16; 9:13, 14) Barra minn hekk, aħna jistaʼ jkollna l-prospett li ngħixu fuq art magħmula ġenna għall-eternità kollha. (Ġwann 17:3; Apokalissi 21:3, 4) Dawn il-barkiet u ħafna oħrajn huma kollha riżultat taʼ l-aqwa att taʼ sagrifiċċju li Ġesù wettaq meta ssagrifika lilu nnifsu.
Nuru Apprezzament għall-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej
L-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej hija bla dubju turija li ma bħalha tal-“grazzja bla qjies taʼ Alla.” U l-provvediment tas-sagrifiċċju taʼ fidwa li għamel għalina Alla Jehovah—li sar possibbli permezz taʼ l-imħabba li tissagrifika lilha nfisha taʼ Ġesù—huwa tabilħaqq ‘don li ma jitfissirx bil-kliem.’ (2 Korintin 9:14, 15) Ma tħossx li l-mod kif Alla jesprimi t-tjubija tiegħu permezz taʼ Ġesù Kristu jqanqal fik sens profond u dejjiemi taʼ gratitudni u apprezzament?
Aħna fiduċjużi li hekk tħossok. Għalhekk, nixtiequ minn qalbna nistidnuk biex tiltaqaʼ max-Xhieda taʼ Jehovah li se jikkommemoraw it-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù. Din is-sena din se taħbat l-Erbgħa, 16 t’April, wara nżul ix-xemx. Ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-lokalità fejn toqgħod jieħdu gost li jgħidulek il-ħin u l-post eżatt taʼ din il-ġrajja hekk importanti.
[Nota taʼ taħt]
a Għal diskussjoni iktar dettaljata dwar il-fidwa, jekk jogħġbok ara l-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 6]
“DAN HU ĠISMI” JEW “DAN IFISSER ĠISMI” LIEMA?
Meta Ġesù qal, “il-bieb tan-nagħaġ huwa jien” u, “Jiena d-dielja vera,” ħadd minn dawk li semgħuh ma ħaseb li kien xi bieb jew xi dielja. (Ġwann 10:7; 15:1, korsiv tagħna.) Bl-istess mod, meta l-Bibbja tgħid: “Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid,” ma nikkonkludux li l-kalċi huwa letteralment il-patt il-ġdid. Mela anki meta qal li l-ħobż ‘kien’ ġismu, ma jistaʼ jkun hemm l-ebda dubju li l-ħobż kien ifisser, jew jissimbolizza, ġismu. B’hekk kif tgħid it-traduzzjoni taʼ Charles B. Williams: “Dan jirrappreżenta ġismi.”—Korsiv tagħna; Luqa 22:19, 20.
[Stampa f’paġna 5]
Il-ħobż bla ħmira u l-inbid huma simboli xierqa tal-ġisem bla dnub taʼ Ġesù u tad-demm li hu xerred
[Stampa f’paġna 7]
It-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù hija tfakkira taʼ l-imħabba kbira li wrew Alla Jehovah u Ġesù Kristu