X’Tiftakar?
Ħadt gost taqra l-ħarġiet reċenti tat-Torri taʼ l-Għassa? Mela, ara jekk tistax twieġeb dawn il-mistoqsijiet li ġejjin:
• Kif nistgħu nibbenefikaw meta nitgħallmu dwar il-familja taʼ Safan?
Safan kien jaqdi bħala segretarju u kittieb għal Ġosija, Sultan taʼ Ġuda. Bħala raġel influwenti fis-Saltna, Safan appoġġa l-kampanja tas-Sultan biex iġedded il-qima vera. Tnejn minn ulied Safan baqgħu leali lejn Ġeremija. Iben ieħor u żewġ neputijiet ukoll użaw l-influwenza tagħhom biex jappoġġaw il-qima vera. Bl-istess mod, aħna għandna nużaw ir-riżorsi u l-influwenza tagħna biex nappoġġaw il-qima vera.—12/15, paġni 19-22.
• Irene Hochstenbach kif irnexxielha tegħleb difett fiżiku kbir u tkun tistaʼ taqdi lil Jehovah?
Meta kellha sebaʼ snin tilfet is-smigħ. Minkejja li hi truxa, tgħallmet tikkomunika m’oħrajn u issa tivvjaġġa mar-raġel tagħha (indokratur li jivvjaġġa) hekk kif hu jaqdi f’kongregazzjonijiet ġewwa l-Olanda.—1/1, paġni 23-6.
• Liema żewġ għajnuniet ġodda għall-istudju ħarġu fil-konvenzjonijiet distrettwali “Proklamaturi Żelużi tas-Saltna”?
Kristjani madwar id-dinja ħadu gost ħafna meta rċivew il-ktieb Qim lill-Uniku Alla Veru, li sar bl-għan li jiġi studjat maʼ wħud ġodda li diġà jkunu studjaw il-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Il-ktieb ġdid l-ieħor kien Draw Close to Jehovah (Ersaq Qrib Lejn Jehovah), li jiffoka fuq il-kwalitajiet taʼ Jehovah u kif Hu jittratta magħna. Juri wkoll kif aħna nistgħu nimitawh billi nuru l-kwalitajiet tiegħu. —1/15, paġni 23-4.
• Xi jfisser Proverbji 12:5: “Ħsibijiet il-ġusti skond is-sewwa”?
Il-ħsibijiet stess tan-nies sewwa huma tajbin moralment u huma mmirati lejn dak li hu sewwa u ġust. Ladarba t-tajbin huma mqanqlin mill-imħabba lejn Alla u lejn sħabhom il-bnedmin, l-intenzjonijiet tagħhom huma tajbin.—1/15, paġna 30.
• X’jistaʼ jgħin biex persuna tikkultiva ħarsa bilanċjata lejn ix-xogħol?
Huwa tajjeb li nitħarrġu mit-tfulija biex nistmaw ix-xogħol. Il-Bibbja tħeġġiġna biex ikollna etika tajba tax-xogħol, u nevitaw l-għażż. (Proverbji 20:4) Tħeġġeġ ukoll lil Kristjani biex ma jsirux preokkupati bix-xogħol. Għandna nirrikonoxxu li s-servizz lejn Alla għandu jkollu l-aqwa post fil-ħajjiet tagħna. (1 Korintin 7:29-31) Barra minn hekk, il-Kristjani veri huma fiduċjużi li Alla mhux se jitlaqhom.—2/1, paġni 4-6.
• Fejn jissemma l-ewwel artal fil-Bibbja?
Dan insibuh f’Ġenesi 8:20, fejn jirreferi għall-artal li bena Noè meta ħareġ mill-arka wara d-Dilluvju. Iżda, x’aktarx li Kajjin u Abel użaw l-artali meta għamlu l-offerti tagħhom. (Ġenesi 4:3, 4)—2/15, paġna 28.
• Xi Kristjani kif jistgħu jieħdu vantaġġ minn bidla fiċ-ċirkustanzi?
Xi wħud aċċettaw—jew ħolqu—bidliet fix-xogħol tagħhom li ppermettewlhom iqattgħu iktar ħin fil-ministeru. Oħrajn żiedu fil-ħin u daħlu għal iktar privileġġi fis-servizz t’Alla meta naqsulhom ir-responsabbiltajiet tal-familja, bħal meta t-tfal saru adulti u żżewġu.—3/1, paġni 19-22.
• L-eżempji taʼ Ġona u l-appostlu Pietru kif jgħinuna naraw lill-oħrajn kif jarahom Jehovah?
Ilkoll nafu kemm Ġona u kemm Pietru kellhom nuqqasijiet fil-ħsibijiet tagħhom u fil-mod kif irreaġixxew fil-provi tal-fidi u taʼ l-ubbidjenza. Madankollu, Jehovah ra biċ-ċar kwalitajiet tajbin fit-tnejn li huma u baqaʼ jużahom fis-servizz tiegħu. Meta oħrajn joffenduna jew jiddiżappuntawna, nistgħu niffokaw fuq il-kwalitajiet tajbin tagħhom li forsi ġibduna lejhom fil-passat u fuq it-tajjeb li Alla jara fihom.—3/15, paġni 16-19.
• In numri tal-kapitli u l-versi fil-ktieb tas-Salmi għala huma differenti f’diversi traduzzjonijiet tal-Bibbja?
Hemm differenza bejn in-numri tal-kapitli u l-versi fil-ktieb oriġinali bil-lingwa Ebrajka u dawk tat-traduzzjoni għall-Grieg fis-Settanta. Traduzzjonijiet iktar reċenti jistgħu jkunu differenti, skond jekk humiex ibbażati fuq it-test Ebrajk jew fuq is-Settanta.—4/1, paġna 31.