LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 4/15 pp. 28-31
  • Jehovah Jimpurtah min-Nies Komuni

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah Jimpurtah min-Nies Komuni
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Interess t’Alla fin-​Nies Komuni
  • Interess fiż-​Żgħażagħ
  • Għajnuna biex Tieħu Ħsieb il-​Bżonnijiet Tiegħek
  • Saħħaħ ir-​Relazzjoni Tiegħek maʼ Jehovah
  • Jehovah Jimpurtah Minnek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Kif Tistaʼ Tersaq Qrib Lejn Alla
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • Saħħaħ l-Imħabba Tiegħek għal Ġeħova u għall-Aħwa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Int Prezzjuż Ħafna għal Ġeħova!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 4/15 pp. 28-31

Jehovah Jimpurtah min-​Nies Komuni

HEMM għalfejn inkunu straordinarji jew nispikkaw b’xi mod biex Alla jinnotana? Abraham Lincoln, is-​16-il president taʼ l-​Istati Uniti, ġie kwotat li qal: “Il-​Mulej jippreferi n-​nies li jidhru komuni. Għalhekk jagħmel ħafna minnhom.” Ħafna jħossu li huma nies ordinarji u li m’għandhom xejn speċjali. Il-​kelma ordinarju tistaʼ tinftiehem bħala li wieħed ikun “fqir, inferjuri.” B’mod simili, il-​kelma “komuni” tistaʼ tirreferi għal “xi ħadd li m’huwiex f’xi sitwazzjoni privileġġata, jew għandu xi pożizzjoni speċjali,” “li hu taħt il-​livelli ordinarji,” jew saħansitra “taʼ klassi baxxa.” Int il-​kumpanija taʼ min tippreferi? Taʼ min hu arroganti, stinat, u kburi? Mhux aħjar tkun maʼ min hu dħuli, umli, u ma jippretendihiex, xi ħadd li juri interess sinċier u kollu mħabba fl-​oħrajn?

Peress li llum l-​abbuż emozzjonali u t-​twaqqigħ għaċ-​ċajt huma komuni fid-​dinja, xi wħud isibuha diffiċli biex jemmnu li Alla huwa interessat fihom personalment. Qarrej taʼ din ir-​rivista kiteb: “Jien trabbejt ġo familja li ma tantx urietni mħabba. Kienu dejjem iwaqqgħuni għaċ-​ċajt, jinkuni, u jidħqu bija. Għalhekk, minn meta kont żgħir dejjem ħassejtni ma niswa għal xejn. Il-​passat ħallieli sentimenti qawwija li l-​għeruq tagħhom huma tant fil-​fond li meta nkun għaddej minn xi inkwiet tgħidx kemm jiskuraġġuni.” Madankollu, għandek raġunijiet biex temmen li Alla jinteressah fin-​nies komuni b’mod individwali.

L-​Interess t’Alla fin-​Nies Komuni

Is-​Sultan David kiteb: “Kbir il-​Mulej, taʼ min ifaħħru bil-​bosta, bla tarf il-​kobor tiegħu.” (Salm 145:3) Madankollu, dan ma jżommx lil Jehovah milli jieħu ħsiebna bl-​imħabba u bil-​mogħdrija. (1 Pietru 5:7) Per eżempju, is-​salmista stqarr: “Qrib il-​Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.”—Salm 34:19 (34:​18, NW).

L-affarijiet li jiġbdu l-​attenzjoni tan-​nies tad-​dinja, bħalma huma s-​sbuħija fiżika, il-​prestiġju, jew l-​għana, m’humiex importanti għal Alla. Il-​Liġi li Alla ta lil Iżrael kienet turi kemm kellu interess kollu mogħdrija fil-​foqra, l-​orfni, ir-​romol, u l-​barranin. Alla qal lill-​Iżraelin, li huma nfushom kienu ġew trattati bi ħruxija fl-​Eġittu: “La taħqarx il-​barrani, u la tgħakksux . . . La taħqrux l-​armla jew l-​iltim; għax jekk taħqruhom, u huma jsejjħuli, jien żgur nismagħha l-​għajta tagħhom.” (Eżodu 22:​20-23 [22:​21-24, NW]) Iktar minn hekk, il-​profeta Isaija esprima l-​fiduċja tiegħu f’Alla li jieħu ħsieb lill-​umli meta qal: “Għax inti kenn għall-​imsejken, kenn għall-​fqir fid-​dwejjaq tiegħu, kenn fl-​irwiefen u dell fis-​sħana. Għaliex l-​infiħ tas-​setgħanin bħax-​xita tħabbat maʼ ħajt.”—Isaija 25:4.

Matul il-​ministeru tiegħu, Ġesù Kristu, li hu “x-​xbieha” eżatta t’Alla, wera lid-​dixxipli bl-​eżempju tiegħu kif juru interess ġenwin fin-​nies komuni. (Lhud 1:3) Meta ra l-​folol li “kienu mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj” Ġesù “tħassarhom.”—Mattew 9:36.

Innota wkoll x’tip taʼ nies għażel Ġesù biex ikunu l-​appostli tiegħu—irġiel li ġew deskritti bħala “sempliċi u bla tagħlim.” (Atti 4:13) Wara l-​mewt taʼ Ġesù, is-​segwaċi tiegħu bdew jistiednu lil kull xorta taʼ nies biex jisimgħu l-​Kelma t’Alla. L-​appostlu Pawlu kiteb li kwalunkwe wieħed “li ma jemminx” kif ukoll xi ħadd “sempliċi” setaʼ jidħol fil-​kongregazzjoni Kristjana u jsir jemmen. (1 Korintin 14:​24, 25) Minflok ma jagħżel lil dawk li d-​dinja tammirahom għax iżommu l-​livelli tagħha, Alla jagħżel ħafna nies sempliċi u ordinarji għas-​servizz tiegħu. L-​appostlu Pawlu qal: “Araw x’intom, li Alla sejjħilkom; għax m’humiex ħafna fostkom li huma għorrief skond il-​qjies tad-​dinja, m’humiex ħafna s-​setgħana, m’humiex ħafna n-​nobbli. Imma Alla għażel in-​nies boloh għad-​dinja biex iħawwad l-​għorrief; għażel id-​dgħajfa tad-​dinja biex iħawwad il-​qawwija; għażel il-​mistmerra mid-​dinja, u n-​nies li ma huma xejn, biex iġib fix-​xejn ’il dawk li huma xi ħaġa. Hekk ebda bniedem ma jkun jistaʼ jiftaħar quddiem Alla.”—1 Korintin 1:​26-29.

Bl-istess mod illum, Alla juri interess sinċier fina. Hija r-​rieda t’Alla li “l-​bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-​verità.” (1 Timotju 2:4) Jekk Alla tant ħabb lill-​bnedmin li bagħat lil Ibnu fuq l-​art biex imut għalina, m’għandniex għalfejn inħossu li m’aħniex maħbubin jew li ma niswew għal xejn. (Ġwann 3:16) Ġesù Kristu wera lis-​segwaċi tiegħu kemm hu importanti li jittrattaw saħansitra lill-​inqas wieħed minn ħuthom spiritwali bħallikieku qed jittrattaw lil Ġesù personalment. Hu qal: “Kull ma għamiltu maʼ wieħed mill-​iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.” (Mattew 25:40) Minkejja l-​mod kif tħares lejna d-​dinja, jekk inħobbu l-​verità, aħna speċjali f’għajnejn Alla.

Dan hu kif ħassu Francisco,a tifel Brażiljan bla missier, wara li żviluppa relazzjoni persunali m’Alla. Hu jispjega: “Il-​fatt li sirt naf lil Jehovah u lill-​organizzazzjoni tiegħu għenni negħleb l-​inċertezza u l-​mistħija tiegħi. Tgħallimt li Jehovah jinteressah personalment minn kull wieħed u waħda minna.” Jehovah sar verament Missier għal Francisco.

Interess fiż-​Żgħażagħ

Jehovah jieħu interess ġenwin fiż-​żgħażagħ mhux biss bħala grupp iżda wkoll bħala individwi. M’għandniex xi ngħidu, kemm jekk aħna żgħar u kemm jekk kbar, qatt ma rridu nippretendu li aħna xi ħaġa iktar milli aħna verament. Madankollu, għandu mnejn li jkollna xi talenti u kwalitajiet li Alla jistaʼ juża fil-​futur. Jehovah jaf fejn għandna nirfinaw u x’taħriġ għandna bżonn sabiex inkunu nistgħu nużaw l-​abbiltajiet tagħna bis-​sħiħ. Per eżempju, innota r-​rakkont fl-​1 Samwel kapitlu 16. F’għajnejn il-​profeta Samwel il-​kandidati prospettivi l-​oħra kienu jidhru iktar kwalifikati biex isaltnu fuq Iżrael milli kien David, l-​iżgħar iben taʼ Ġesse. Għalhekk, Jehovah kellu jispjega għala għażel lil David bħala s-​sultan futur taʼ Iżrael: “Tħarisx lejn is-​sura tiegħu, jew it-​tul taʼ persuntu, għax jien diġà warrabtu [lil ħu David li kien akbar]. Għax il-​Mulej ma jarax bħalma jara l-​bniedem, dak biss li jidher fl-​għajn, imma l-​qalb.”—1 Samwel 16:7.

Jistgħu ż-​żgħażagħ illum ikollhom il-​fiduċja li Jehovah qed juri interess ġenwin fihom? Ikkunsidra lil Ana, mara żagħżugħa mill-​Brażil. Bħal ħafna żgħażagħ oħra, hi ħassitha inkwetata minħabba l-​korruzzjoni u l-​inġustizzja. Imbagħad missierha beda jieħu lilha u lil ħutha l-​bniet għal-​laqgħat Kristjani. Maż-​żmien, hi bdiet tieħu pjaċir b’dak li bdiet titgħallem dwar il-​Kelma t’Alla. Ana bdiet taqra l-​Bibbja flimkien maʼ xi pubblikazzjonijiet Kristjani u titlob lil Alla Jehovah. Bil-​mod il-​mod, żviluppat relazzjoni mill-​qrib m’Alla. Hi tispjega: “Kont nieħu gost immur bir-​rota fuq għolja qrib id-​dar tiegħi u hemm nosserva s-​sbuħija li tgħaxxqek taʼ nżul ix-​xemx. Tlabt lil Jehovah u rringrazzjajtu tal-​qalb tajba u l-​ġenerożità tiegħu, waqt li pprovajt nesprimi l-​imħabba tiegħi lejh. Il-​fatt li sirt naf lil Alla Jehovah u l-​iskopijiet tiegħu ġagħalni nħoss ċerta trankwillità u sens taʼ sigurtà.” Tipprova int issib il-​ħin biex tkun tistaʼ timmedita fuq kemm Jehovah jieħu ħsiebek bl-​imħabba?

Veru, l-​ambjent li ngħixu fih jistaʼ jagħmilhielna diffiċli biex ingawdu relazzjoni intima maʼ Jehovah. Ħu l-​eżempju taʼ Lidia. Meta fetħet qalbha maʼ missierha dwar xi ħaġa li tant kienet qed tinkwetaha, hu sempliċement ħeles minnha billi qalilha: “Tgħidx ħmerijiet!” Għalkemm fehmet li missierha rieda tinsa l-​problema, Lidia tgħid: “L-​istudju tal-​Bibbja tani dak kollu li kelli bżonn u ħafna iktar. Il-​personalità li tant tiġbdek taʼ Jehovah għamlitu l-​akbar ħabib tiegħi. Issa għandi Missier kollu mħabba, li jifhimni u li nistaʼ niftaħ qalbi miegħu u nurih b’dak kollu li jkun qed jinkwetani. Nistaʼ nqattaʼ sigħat sħaħ nitkellem maʼ l-​iktar Persuna importanti fl-​univers, u nħossni ċerta li hu se jismagħni.” Versi mill-​Bibbja bħal Filippin 4:​6, 7 għenuha tħoss li Jehovah iħobbha u qed jieħu ħsiebha. Din l-​iskrittura tgħid: “Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-​talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-​sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.”

Għajnuna biex Tieħu Ħsieb il-​Bżonnijiet Tiegħek

Jehovah jieħu interess fil-​qaddejja tiegħu kemm individwalment kif ukoll bħala kongregazzjoni mad-​dinja kollha. Aħna nistgħu nuru l-​imħabba tagħna għal Missierna tas-​sema billi nwarrbu ħin biex nitkellmu miegħu. Qatt m’għandna nuru nuqqas t’apprezzament lejn ir-​relazzjoni li għandna miegħu. David dejjem żamm f’moħħu r-​relazzjoni tiegħu maʼ Jehovah. Hu qal: “Triqatek, Mulej, għarrafni, il-​mogħdijiet tiegħek għallimni. Mexxini fis-​sewwa tiegħek u għallimni, għax int Alla tas-​salvazzjoni tiegħi. Għalik nixxennaq il-​jum kollu.”—Salm 25:​4, 5.

Jistaʼ jkun li hija xi ħaġa ġdida għalik li jkollok relazzjoni intima m’Alla. Kwalunkwe problema li jistaʼ jkollok, tistaʼ tkun fiduċjuż li l-​Iktar Għoli se jkun jistaʼ jgħinek, fi qbil mar-​rieda tiegħu. (1 Ġwann 5:​14, 15) Għalhekk, tgħallem kif titlob b’mod speċifiku, waqt li tikkunsidra ċ-​ċirkustanzi u l-​bżonnijiet tiegħek.

Fit-​talba li s-​Sultan Salamun offra meta inawgura t-​tempju, hu enfasizza kemm hu importanti li nagħrfu x’inhuma l-​bżonnijiet tagħna. Hu qal: “Meta jaqaʼ l-​ġuħ fuq l-​art, jitfaċċaw il-​pesta, l-​eħtrieq, it-​tinwir tas-​siġar, il-​ġradi u d-​dud tal-​farfett; meta l-​għadu tiegħu jagħlqu fl-​ibliet tiegħu fil-​pajjiż; meta jfeġġ xi flaġell jew mard; mqar jekk bniedem waħdu jonkella l-​poplu tiegħek kollu taʼ Iżrael, jitlob u jitkarrab bil-​ħniena; kull meta xi ħadd jistqarr il-​ġrieħi taʼ qalbu u n-​niket tiegħu . . .  ismaʼ int mis-​smewwiet . . . u aħfer, u agħti lil kulħadd skond imġibtu.” (2 Kronaki 6:​28-30) Tabilħaqq, int biss taf ‘il-​ġrieħi taʼ qalbek u n-​niket tiegħek.’ Allura, kemm hu vitali li tagħraf x’inhuma verament il-​bżonnijiet u x-​xewqat tiegħek. Jekk tagħmel hekk, “[Jehovah] jagħtik dak li tixtieq qalbek.”—Salm 37:4.

Saħħaħ ir-​Relazzjoni Tiegħek maʼ Jehovah

Jehovah, l-​għaxqa tiegħu hi li jħalli lin-​nies komuni jgawdu relazzjoni intima miegħu. Il-​Kelma tiegħu tassigurana: “Inkun għalikom missier u intom tkunu għalija wlied, subjien u bniet, jgħid il-​Mulej, li jistaʼ kollox.” (2 Korintin 6:18) Tassew, Jehovah u Ibnu jriduna nirnexxu u niksbu l-​ħajja taʼ dejjem. Kemm huwa inkuraġġanti li nkunu nafu li Jehovah se jgħinna nieħdu ħsieb ir-​responsabbiltajiet tagħna fil-​familja, fuq ix-​xogħol, u fil-​kongregazzjoni Kristjana!

Xorta waħda, aħna lkoll niffaċċjaw żminijiet diffiċli. Għandna mnejn inbatu minħabba nuqqas taʼ saħħa, problemi tal-​familja, pagi baxxi, jew xi ħaġa oħra. Forsi ma nkunux nafu kif se nkampaw maʼ xi prova jew sitwazzjoni diffiċli. Il-​pressjonijiet li dejjem jiżdiedu ġejjin, direttament jew indirettament, minn dak ix-​xellej mill-​agħar, Satana x-​Xitan, li qed jagħmel gwerra spiritwali kontra l-​poplu t’Alla. Madankollu, hemm xi ħadd li jifhimna u jgħinna nżommu relazzjoni tajba maʼ Jehovah. Dan m’hu ħadd ħlief Ġesù Kristu fil-​pożizzjoni elevata tiegħu fis-​smewwiet. Aħna naqraw: “Għax aħna ma għandniex qassis il-​kbir li ma jistax jagħder id-​dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-​dnub. Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-​tron tal-​grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-​grazzja li neħtieġu.”—Lhud 4:​15, 16.

Kemm iqawwilna qalbna li nkunu nafu li m’hemmx għalfejn inkunu famużi jew għonja biex ingawdu l-​favur t’Alla! Anki meta tkun għaddej minn sitwazzjoni diffiċli, kun bħas-​salmista li talab: “Jien, fqajjar u msejken, għandi ’l Sidi jaħseb fija. Int l-​għajnuna u l-​ħelsien tiegħi.” (Salm 31:​10-15 [31:​9-14, NW]; 40:18 [40:​17, NW]) Tistaʼ tibqaʼ ċert li Jehovah iħobb lin-​nies umli u ordinarji. Verament, aħna nistgħu ‘nixħtu fuqu l-​ħsibijiet kollha tagħna għax hu jaħseb fina.’—1 Pietru 5:7.

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

[Stampi f’paġna 29]

Ħafna mis-​segwaċi taʼ Ġesù kienu nies sempliċi u bla tagħlim

[Stampa f’paġna 30]

Il-​Kristjani jistinkaw biex ikollhom fidi b’saħħitha

[Stampi f’paġna 31]

M’hemmx għalfejn inkunu prominenti biex ingawdu l-​favur t’Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja