“Imlieli l-Vojt li Kelli f’Qalbi”
“GRAZZI minn qiegħ qalbi tar-rigal sabiħ tal-ktieb ‘Draw Close to Jehovah’ (Ersaq Qrib taʼ Jehovah). Imlieli l-vojt li kelli f’qalbi—il-bżonn li nħossni maħbuba u għażiża għal Jehovah. Issa qed inħossni ferm eqreb taʼ Jehovah u taʼ Ibnu l-għażiż. Irrid ngħid lil kulħadd dwar dan il-ktieb u nagħti kopja tiegħu lill-maħbubin tiegħi kollha.” Hekk ħassitha waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah dwar il-ktieb il-ġdid taʼ 320 paġna li ħareġ fil-Konvenzjonijiet Distrettwali “Proklamaturi Żelużi tas-Saltna” li saru matul l-2002/03. Ejja neżaminaw xi karatteristiċi taʼ dan il-ktieb il-ġdid u naraw għala ġie pubblikat.
Xi Karatteristiċi tal-Ktieb il-Ġdid
X’fih dan il-ktieb il-ġdid? Fih l-informazzjoni kollha preżentata fiż-żewġ artikli taʼ studju f’din il-ħarġa—u ferm iktar! Il-ktieb fih 31 kapitlu, u kull wieħed minnhom huwa twil daqs artiklu taʼ studju fit-Torri taʼ l-Għassa. Wara d-daħla u l-ewwel tliet kapitli, il-ktieb jinqasam f’erbaʼ sezzjonijiet, waħda għal kull wieħed mill-attributi kardinali taʼ Jehovah. Kull sezzjoni tibda b’ħarsa ġenerali dwar il-kwalità diskussa. Il-ftit kapitli taʼ wara jiddiskutu kif Jehovah juri dik il-kwalità. Kull sezzjoni fiha kapitlu dwar Ġesù. Għala? Għaliex Ġesù qal: “Min ra lili ra lill-Missier.” (Ġwanni 14:9) Ġesù, li hu riflessjoni perfetta taʼ Jehovah, jipprovdilna eżempji ċari tal-kwalitajiet t’Alla fl-azzjoni. Kull sezzjoni tikkonkludi b’kapitlu li jgħallimna kif għandna nimitaw lil Jehovah billi nuru l-kwalità li tkun qed tiġi kunsidrata. Fid-diskussjoni tiegħu dwar il-kwalitajiet taʼ Jehovah, dan il-ktieb il-ġdid jagħmel referenza għal kull ktieb li hemm fil-Bibbja.
Il-ktieb Draw Close to Jehovah fih ukoll xi karatteristiċi speċjali. Minn kapitlu 2 ’il quddiem, kull kapitlu fih kaxxa intitolata “Mistoqsijiet għall-Meditazzjoni.” L-iskritturi u l-mistoqsijiet li jingħataw m’humiex qegħdin hemm bħala reviżjoni tal-kapitlu. Minflok, huma mfasslin biex jgħinuk tuża l-Bibbja ħalli timmedita fil-fond dwar is-suġġett. Nissuġġerulek li taqra kull silta mill-Iskrittura bir-reqqa. Imbagħad aħseb sew dwar il-mistoqsija, u agħmel ħiltek biex tapplika dak li titgħallem personalment. Meditazzjoni bħal din tistaʼ tqanqallek qalbek u tgħinek tersaq dejjem iktar qrib taʼ Jehovah.—Salm 19:15 (19:14, NW).
Saret riċerka bir-reqqa biex isiru l-istampi sbieħ fil-ktieb Draw Close to Jehovah u dawn tħejjew bl-għan li jgħallmu u jimmotivaw. Is-sbatax-il kapitlu fihom stampi sbieħ, id-daqs taʼ paġna sħiħa, b’xeni Bibliċi.
Għala Ġie Pubblikat?
Il-ktieb Draw Close to Jehovah għala ġie pubblikat? Din il-pubblikazzjoni l-ġdida saret bl-iskop li tgħinna nsiru nafu lil Jehovah aħjar ħalli nkunu nistgħu nibnu relazzjoni persunali iktar b’saħħitha m’Alla tagħna.
Tistaʼ taħseb f’xi ħadd li jistaʼ jibbenefika mill-ktieb Draw Close to Jehovah, forsi xi ħadd li qed jistudja l-Bibbja jew saħansitra xi ħu jew oħt li huma inattivi? Xi ngħidu għalik—bdejt taqrah dan il-ktieb il-ġdid? Jekk le, għala ma tagħmilx skeda biex issib il-ħin ħalli tibda taqrah mill-iktar fis? Ħu l-ħin biex tirrifletti fuq dak li tkun qrajt. Jalla din il-pubblikazzjoni tgħinek tersaq eqreb t’Alla Jehovah, sabiex tipproklama l-aħbar tajba tas-Saltna tiegħu b’ferħ u żelu akbar!