Ibbenefika mill-Istudju tal-Ktieb Ersaq Qrib Lejn Jehovah
1 Fil-Konvenzjoni Distrettwali “Proklamaturi Żelużi tas-Saltna” fraħna ħafna meta rċivejna l-ktieb Ersaq Qrib Lejn Jehovah. Ħafna qraw il-ktieb mill-ewwel. Bla dubju, ħafna oħrajn tqanqlu biex jagħmlu dan minħabba l-iskrittura tas-sena taʼ l-2003: “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.”—Ġak. 4:8.
2 F’Marzu se nibdew nikkunsidraw Ersaq Qrib Lejn Jehovah fl-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni. Kif nistgħu nibbenefikaw kemm nifilħu mill-istudju? Il-preparazzjoni hija essenzjali. Kull kapitlu se jiġi diskuss f’ġimagħtejn u kull ġimgħa tistaʼ tgħid se nistudjaw ftit paragrafi. Dan se jħalli biżżejjed ħin biex tkun tistaʼ tagħti kummenti mill-qalb ibbażati fuq l-istudju u l-meditazzjoni tiegħek fuq il-materjal. Iktar minn hekk, matul il-ġimgħat li fihom se nkunu qed nirrivedu l-aħħar parti tal-kapitlu, se jiġu kunsidrati inqas paragrafi ħalli jkun hemm biżżejjed ħin biex jintuża aspett speċjali tal-ktieb.
3 Minn kapitlu 2 ’il quddiem tistaʼ ssib il-kaxxa “Mistoqsijiet għall-Meditazzjoni” li se tidher ħdejn it-tmiem taʼ kull kapitlu. Wara li jikkunsidra l-aħħar paragrafu fil-kapitlu, l-indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb se jara li l-grupp jiddiskuti l-kaxxa. Hu se jħeġġeġ lill-membri tal-grupp biex jesprimu lilhom infushom, billi joħroġ il-punti tajbin tal-meditazzjoni tagħhom fuq l-Iskrittura. (Prov. 20:5) Barra l-mistoqsijiet provduti fil-kaxxa, xi drabi jistaʼ jqajjem mistoqsijiet bħal dawn: “Din l-informazzjoni x’tgħidlek dwar Jehovah? Kif teffettwalek ħajtek? Kif tistaʼ tużaha biex tgħin lil ħaddieħor?” Il-mira tiegħu se tkun li jieħu kummenti mill-qalb, mhux biex jittestja lill-grupp dwar dettalji relattivament żgħar.
4 Il-ktieb Ersaq Qrib Lejn Jehovah huwa uniku. Għalkemm il-pubblikazzjonijiet kollha taʼ l-“ilsir leali u diskret” jigglorifikaw lil Jehovah, dan il-ktieb huwa dedikat kompletament għal diskussjoni dwar il-kwalitajiet taʼ Jehovah. (Mt. 24:45-47, NW) X’opportunità taʼ l-għaġeb hemm tistenniena! Se nibbenefikaw bil-kbir minn studju fil-fond dwar il-personalità taʼ Jehovah. Jalla l-istudju jgħinna biex iressaqna eqreb lejn Missierna tas-sema, u jalla nsiru iktar effettivi biex ngħinu lil oħrajn ħalli jagħmlu l-istess.