Żid maʼ l-Għarfien ir-Rażna
‘Żidu . . . maʼ l-għerf [“l-għarfien,” “NW”] ir-rażna.’ —2 PIETRU 1:5-8.
1. Ħafna mill-problemi tal-bnedmin huma riżultat taʼ liema nuqqas t’abbiltà?
WAQT kampanja kbira kontra l-abbuż tad-droga, żgħażagħ fl-Istati Uniti ġew imħeġġin: “Għid le għad-droga.” Kemm ikunu aħjar l-affarijiet kieku kulħadd sempliċement jgħid le mhux biss għall-abbuż tad-droga imma anki għax-xorb żejjed, għall-ħajja immorali jew bla għaqal, għall-prattiċi diżonesti fin-negozju, u għall-‘ġibdiet tal-ġisem’! (Rumani 13:14) Madankollu, min se jiċħad il-fatt li m’huwiex dejjem faċli li tgħid le?
2. (a) Liema eżempji Bibliċi juru li d-diffikultà li ngħidu le m’hix ġdida? (b) Dawn l-eżempji x’għandhom jinkuraġġuna nagħmlu?
2 Ladarba l-bnedmin imperfetti kollha jsibuha diffiċli li jeżerċitaw ir-rażna, aħna għandna nkunu interessati li nitgħallmu kif negħlbu kwalunkwe battalja persunali li nistgħu niffaċċjaw. Il-Bibbja tgħidilna dwar nies li fil-passat stinkaw biex jaqdu lil Alla imma li kultant kellhom diffikultà jgħidu le. Ftakar f’David u d-dnub t’adulterju tiegħu maʼ Batseba. Dan wassal għall-mewt tat-tifel tagħhom li ġie mnissel fl-adulterju u għall-mewt tar-raġel taʼ Batseba, li t-tnejn li huma kienu innoċenti. (2 Samwel 11:1-27; 12:15-18) Jew aħseb dwar l-appostlu Pawlu, li ammetta quddiem kulħadd: “M’iniex nagħmel it-tajjeb li rrid, imma qiegħed nagħmel il-ħażen li ma rridx.” (Rumani 7:19) Tħoss int kultant din l-istess frustrazzjoni? Pawlu kompla: “Skond il-bniedem taʼ ġewwa togħġobni l-liġi taʼ Alla; iżda nilmaħ fil-membri taʼ ġismi liġi oħra titqabad kontra l-liġi taʼ moħħi u tjassarni taħt il-liġi tad-dnub li hemm ġo ġismi. Msejken bniedem li jien! Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?” (Rumani 7:22-24) Eżempji Bibliċi għandhom isaħħulna d-determinazzjoni tagħna biex qatt ma naqtgħu qalbna u nċedu fil-battalja li għandna biex niksbu iktar rażna.
Ir-Rażna, Lezzjoni li Għandna Nitgħallmu
3. Spjega għalfejn ma nistgħux nistennew li jkun faċli li nikkultivaw ir-rażna.
3 Ir-rażna, li tinkludi li tkun kapaċi tgħid le, hija msemmija fit-2 Pietru 1:5-7 flimkien mal-fidi, il-virtù, l-għarfien, is-sabar, it-tjieba, il-ħbiberija taʼ l-aħwa, u l-imħabba. Ma nitwieldu bl-ebda waħda minn dawn il-kwalitajiet. Iridu jiġu kultivati. Sabiex nuruhom b’mod sinifikanti rridu d-determinazzjoni u l-isforz. Għalhekk, għandna aħna nistennew li se jkun iktar faċli li nikkultivaw ir-rażna?
4. Ħafna għala jħossu li m’għandhomx problema biex juru r-rażna, imma dan x’jindika?
4 Veru, miljuni taʼ nies forsi jħossu li m’għandhomx problema biex juru r-rażna. Jgħixu kif iridu huma u, jafu jew ma jafux, huma jaġixxu fi qbil max-xewqat tal-ġisem imperfett tagħhom u ftit li xejn iqisu l-konsegwenzi—fuqhom stess jew fuq oħrajn. (Ġuda 10) Il-fatt li n-nies m’humiex kapaċi jew lesti li jgħidu le huwa iktar evidenti issa minn qatt qabel. Dan hu indikazzjoni li tabilħaqq qed ngħixu fl-aħħar jiem li dwarhom tkellem Pawlu meta bassar: “L-aħħar tad-dinja jkun żmien iebes. Il-bnedmin jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus; faħħarin, suppervi, dgħajja, . . . bla rażan.”—2 Timotju 3:1-3.
5. Ix-Xhieda taʼ Jehovah għala huma interessati fis-suġġett tar-rażna, u liema parir għadu jgħodd?
5 Ix-Xhieda taʼ Jehovah jafu sewwa l-isfida li tqum minħabba l-bżonn li juru r-rażna. Bħal Pawlu, huma konxji tal-ġlieda bejn ix-xewqa li jogħġbu lil Alla billi jgħixu fi qbil mal-livelli tiegħu u l-mod taʼ ħajja li l-ġisem imperfett tagħhom forsi jħeġġiġhom jgħixu. Għal din ir-raġuni, huma ilhom ħafna interessati dwar kif jirbħu din il-battalja. Lura fl-1916, waħda mill-ħarġiet tal-bidu taʼ din ir-rivista li qed taqra issa kienet titkellem dwar “il-mod xieraq taʼ ħajja li għandna ngħixu biex nikkontrollaw lilna nfusna, il-ħsibijiet, il-kliem u l-kondotta tagħna.” Tat il-parir biex inżommu f’moħħna Filippin 4:8. Il-parir divin taʼ din l-iskrittura għadu jgħodd sa llum, għalkemm ngħata oriġinalment 2,000 sena ilu u probabbilment hu iktar diffiċli li ssegwih issa milli kien f’dak iż-żmien jew fl-1916. Minkejja dan, il-Kristjani jistinkaw ħafna biex jgħidu le għax-xewqat tad-dinja, billi jafu li jekk jagħmlu hekk, qed jgħidu iva lill-Ħallieq tagħhom.
6. Għala m’għandniex għalfejn niddispraw waqt li nikkultivaw ir-rażna?
6 Ir-rażna hija msemmija f’Galatin 5:22, 23 bħala parti mill-“frott taʼ l-Ispirtu [qaddis].” Jekk nuru din il-kwalità flimkien maʼ “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, [u] il-ħlewwa,” nibbenefikaw bil-kbir. Pietru spjega li jekk nagħmlu hekk, dan se jwaqqafna milli nsiru ‘reqdin’ jew “bla frott” fis-servizz tagħna lil Alla. (2 Pietru 1:8) Imma m’għandniex niddispraw jew nikkundannaw lilna nfusna jekk nonqsu milli nuru dawn il-kwalitajiet malajr u bis-sħiħ daqskemm nixtiequ. Forsi osservajt li fl-iskola student wieħed jitgħallem iktar malajr minn ieħor. Jew fuq ix-xogħol xi ħadd jitgħallem inkarigu ġdid iktar malajr minn sħabu tax-xogħol. Bl-istess mod, xi wħud jitgħallmu juru kwalitajiet Kristjani iktar malajr minn oħrajn. L-importanti hu li nkomplu nikkultivaw il-kwalitajiet li jogħġbu lil Alla bl-aħjar mod li nistgħu. Dan nistgħu nagħmluh jekk nieħdu vantaġġ sħiħ mill-għajnuna li jipprovdi Jehovah permezz tal-Kelma tiegħu u l-kongregazzjoni. Kemm nilħqu l-mira malajr m’huwiex importanti daqs l-isforzi determinati biex inkomplu nagħmlu progress.
7. X’juri li r-rażna hija importanti?
7 Minkejja li hija l-aħħar fil-lista tal-kwalitajiet li jipproduċi l-ispirtu, ir-rażna bl-ebda mod m’hi inqas importanti mill-oħrajn. Anzi bil-kontra. Għandna nżommu f’moħħna li “l-għemejjel tal-ġisem” kollha jistgħu jiġu evitati jekk ikollna rażna perfetta. Madankollu, bnedmin imperfetti x’aktarx li jaqgħu f’xi tip taʼ “għemejjel tal-ġisem . . . , żína, faħx, nuqqas taʼ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti.” (Galatin 5:19, 20) Għalhekk, aħna għandna niġġieldu kontinwament, u nkunu determinati li neliminaw tendenzi negattivi kemm mill-moħħ u kemm mill-qalb.
Xi Wħud Għandhom Ġlieda Akbar
8. Liema fatturi jagħmluha partikolarment diffiċli għal xi wħud biex jeżerċitaw ir-rażna?
8 Xi Kristjani jsibuha iktar diffiċli minn oħrajn biex jeżerċitaw ir-rażna. Għala? Dan għandu mnejn jiġri minħabba t-taħriġ li kellhom mill-ġenituri jew l-esperjenzi tagħhom mill-passat. Jekk il-fatt li nikkultivaw u nuru r-rażna ma kienx taʼ problema għalina, għandna għalfejn nifirħu. Imma żgur li għandna nagħdru u nifhmu lil dawk li jsibuha iktar diffiċli li juruha, anki jekk in-nuqqas taʼ rażna tagħhom iġagħalna nħossuna skomdi. Meta nqisu l-imperfezzjonijiet tagħna stess, min fostna għandu għalfejn jaħseb li huwa tajjeb f’kollox?—Rumani 3:23; Efesin 4:2.
9. Liema dgħjufijiet għandhom xi wħud, u dawn id-dgħjufijiet meta se jingħelbu għalkollox?
9 Per eżempju: Forsi nafu li ftit minn sħabna Kristjani li qatgħu s-sigaretti jew id-drogi kultant għadhom iħossuhom jixxennqu għalihom. Jew xi wħud isibuha taʼ sfida biex ipoġġu limitu fuq l-ammont taʼ ikel jew alkoħol li jieħdu. Oħrajn għandhom problema biex jikkontrollaw ilsienhom, u spiss jiżbaljaw f’dak li jgħidu. Biex inkampaw maʼ dawn in-nuqqasijiet irridu nagħmlu sforz diliġenti sabiex nikkultivaw ir-rażna. Għala? Ġakbu 3:2 jammetti b’mod realistiku: “Aħna lkoll niżbaljaw, u taʼ sikwit; jekk xi ħadd ma jiżbaljax f’dak li jgħid, dan ikun perfett, kapaċi jrażżan ġismu kollu.” Oħrajn iħossu leblieba kbira għal-logħob tal-flus. Jew forsi jsibuha diffiċli jikkontrollaw it-tempra. Għandu mnejn jieħu ftit fit-tul biex wieħed jirnexxilu jitgħallem ikampa maʼ dawn id-dgħjufijiet jew oħrajn simili. Għalkemm nistgħu nagħmlu progress sinifikanti issa, ix-xewqat ħżiena se jiġu eliminati għalkollox biss meta nilħqu l-perfezzjoni. Sadanittant, il-fatt li nistinkaw biex neżerċitaw ir-rażna se jgħinna nevitaw li nerġgħu lura għall-ħajja midinba. Waqt li nkomplu nissieltu, ejja ngħinu wieħed lill-ieħor biex ma naqtgħux qalbna.—Atti 14:21, 22.
10. (a) Ir-rażna fi kwistjonijiet sesswali għala hija partikolarment taʼ sfida għal xi wħud? (b) X’bidla kbira għamel wieħed ħu? (Ara l-kaxxa f’paġna 16.)
10 Aspett ieħor li fih xi wħud isibuha diffiċli biex jeżerċitaw ir-rażna huwa s-sesswalità. Minnha nfisha, is-sesswalità umana hija parti mill-mod kif Alla Jehovah ħalaqna. Madankollu, xi wħud għandhom sfida kbira biex iżommu s-sess f’postu, fi qbil mal-livelli t’Alla. L-isfida tagħhom tistaʼ ssir agħar minħabba li t-tqanqil sesswali tagħhom ikun iktar min-normal. Aħna ngħixu f’dinja miġnuna wara s-sess li għandha t-tendenza li tqanqal il-passjonijiet b’ħafna modi. Dan jistaʼ jkun taʼ problema mhux ħażin għall-Kristjani li jridu jibqgħu ma jiżżewġux—għallinqas għal ftit taż-żmien—sabiex jaqdu lil Alla mingħajr l-aljenazzjonijiet taż-żwieġ. (1 Korintin 7:32, 33, 37, 38, NW) Imma fi qbil mat-twissija li nsibu fl-Iskrittura li “aħjar wieħed jiżżewweġ milli jinħaraq bil-passjoni,” huma jistgħu jiddeċiedu li jiżżewġu, u din żgur hija xi ħaġa onorabbli. Fl-istess ħin, huma determinati li jiżżewġu biss “fil-Mulej,” fi qbil mal-parir taʼ l-Iskrittura. (1 Korintin 7:9, 39) Nistgħu nkunu żguri li Jehovah jifraħ minħabba li huma interessati li jżommu l-prinċipji ġusti tiegħu. Il-Kristjani sħabhom iħossuhom ferħanin li jkunu assoċjati maʼ qaddejja veri li għandhom livelli morali għoljin u integrità bħal din.
11. Kif nistgħu nkunu t’għajnuna għal xi ħu jew oħt li tixtieq tiżżewweġ imma li ma kellhiex l-opportunità li tagħmel hekk?
11 Xi ngħidu jekk ma tistax issib sieħeb jew sieħba xierqa? Immaġina l-frustrazzjoni li forsi jħoss xi ħadd li jixtieq jiżżewweġ imma li s’issa ma rnexxilux jagħmel dan! Forsi jara lil sħabu jiżżewġu u jiksbu ċerta kuntentizza, waqt li hu għadu qed ifittex lil xi ħadd addattat. Għal xi wħud f’din is-sitwazzjoni, il-vizzju mhux nadif tal-masturbazzjoni jistaʼ jsir problema kontinwa. Iżda, ebda Kristjan ma jixtieq li bla ma jrid jiskuraġġixxi lil xi ħaddieħor li qed jissielet biex jibqaʼ safi. Nistgħu mingħajr ma rridu nġagħlu lil xi ħadd jiskuraġġixxi ruħu jekk ngħaddu kummenti bla ħsieb bħal, “Int meta se tiżżewweġ?” Dan forsi jingħad bla ebda ħsieb li jweġġaʼ, imma kemm ikun aħjar li nuru r-rażna fis-sens li noqogħdu attenti għal ilsienna! (Salm 39:2 [39:1, NW]) Dawk fostna li qed iżommu s-safa waqt li għadhom waħedhom veru ħaqqhom prosit. Minflok ma ngħidu dak li jistaʼ jkun taʼ skuraġġiment, nistgħu nistinkaw biex ninkuraġġixxu lil dak li jkun. Per eżempju, nistgħu nagħmlu sforz biex ninkludu individwi waħedhom meta bħala grupp żgħir taʼ wħud maturi niltaqgħu flimkien għal xi ikla jew sħubija Kristjana li tibni.
Ir-Rażna fiż-Żwieġ
12. Għala hemm bżonn tar-rażna anki minn dawk li huma miżżewġin?
12 Iż-żwieġ ma jeliminax il-bżonn għar-rażna fejn jidħol is-sess. Per eżempju, il-bżonnijiet sesswali taʼ raġel jistgħu jkunu differenti ħafna minn dawk taʼ martu. Jew il-kundizzjoni fiżika taʼ xi ħadd minnhom tistaʼ xi drabi tagħmilha diffiċli jew saħansitra impossibbli li jkollhom relazzjonijiet sesswali normali. Forsi minħabba xi esperjenzi taʼ qabel, xi ħadd minnhom għandu mnejn isibha diffiċli jobdi l-kmand: “Ir-raġel għandu jagħti lil martu li jmissha; hekk ukoll il-mara lil żewġha.” F’sitwazzjoni bħal din, il-parti l-oħra forsi jkollha bżonn teżerċita iktar rażna. Imma t-tnejn li huma jistgħu jżommu f’moħħhom il-parir kollu mħabba li Pawlu ta lill-Kristjani miżżewġin: “Iċċaħdux lil xulxin minn xulxin, jekk ma tkunux ftehemtu minn qabel għal xi żmien, biex tagħtu ruħkom għat-talb u mbagħad terġgħu bħalma kontu qabel sabiex ma jittantakomx ix-xitan jekk ma tkunux tifilħu żżommu.”—1 Korintin 7:3, 5.
13. X’nistgħu nagħmlu għal dawk li qed jissieltu biex jeżerċitaw ir-rażna?
13 Kemm għandhom għalfejn ikunu ferħana koppji miżżewġin jekk it-tnejn li huma jkunu tgħallmu jeżerċitaw ir-rażna xierqa f’din ir-relazzjoni tant intima. Fl-istess waqt, jagħmlu tajjeb jekk juru li jifhmu lil sħabhom fit-twemmin li għadhom qed jissieltu biex juru r-rażna f’dan l-aspett. Qatt m’għandna ninsew nitolbu lil Jehovah biex lil ħutna spiritwali jagħtihom id-dehen, il-kuraġġ, u d-determinazzjoni ħalli jkomplu l-ġlieda tagħhom sabiex juru r-rażna u jieħdu passi biex jegħlbu xewqat mhux xierqa.—Filippin 4:6, 7.
Komplu Għinu lil Xulxin
14. Għala għandna nagħdru u nifhmu lil sħabna Kristjani?
14 Xi drabi, forsi nsibuha diffiċli li nifhmu lil sħabna Kristjani li qed isibuha diffiċli li juru r-rażna f’aspett li fih aħna m’għandniex dik il-problema. Imma n-nies kollha huma differenti. Xi wħud faċli jiġu maħkumin mill-emozzjonijiet; oħrajn le. Xi wħud isibuha pjuttost ħafifa li jikkontrollaw lilhom infushom, u r-rażna m’hijiex daqshekk taʼ problema. Oħrajn isibuha iktar diffiċli. Iżda, ftakar, ma jfissirx li għax xi ħadd isibha diffiċli dan hu bniedem ħażin. Sħabna Kristjani jeħtieġu li nagħdruhom u nifhmuhom. Il-ferħ tagħna stess huwa involut hekk kif inkomplu nuru l-ħniena lejn dawk li qed jissieltu biex juru iktar rażna. Dan nistgħu narawh mill-kliem taʼ Ġesù li hu dokumentat f’Mattew 5:7.
15. Il-kliem taʼ Salm 130:3 għala huwa taʼ inkuraġġiment fejn tidħol ir-rażna?
15 Qatt ma rridu niġġudikaw ħażin lil xi wieħed minn sħabna Kristjani li forsi f’xi okkażjoni jonqos li juri l-personalità Kristjana. Kemm hu taʼ inkuraġġiment li nafu li Jehovah ma jarax biss dik id-darba li nkunu nqasna, imma jara l-ħafna drabi li ma nkunux waqajna, anki jekk dawn kollha ma ġewx notati minn sħabna Kristjani. Huwa taʼ faraġ kbir li nżommu f’moħħna l-kliem taʼ Salm 130:3: “Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ?”
16, 17. (a) Kif nistgħu napplikaw Galatin 6:2, 5 fejn tidħol ir-rażna? (b) X’se nikkunsidraw dwar ir-rażna fl-artiklu li jmiss?
16 Biex nogħġbu lil Jehovah, ilkoll kemm aħna għandna nikkultivaw ir-rażna, imma nistgħu nkunu żguri mill-għajnuna taʼ ħutna l-Kristjani. Waqt li lkoll irridu nerfgħu t-tagħbija tagħna taʼ responsabbiltà, aħna xorta mħeġġin biex ngħinu lil xulxin inkampaw mad-dgħjufijiet. (Galatin 6:2, 5) Nistgħu ngħożżu l-ġenitur, is-sieħeb jew is-sieħba fiż-żwieġ, jew il-ħabib li jwaqqafna milli mmorru xi mkien fejn m’għandniex immorru, milli naraw affarijiet li m’għandniex naraw, jew milli nagħmlu affarijiet li mhux suppost nagħmlu. Hu qed jgħinna nuru r-rażna, u nkunu kapaċi ngħidu le u nżommu magħha!
17 Ħafna Kristjani forsi huma fi qbil maʼ dak li kkunsidrajna s’issa dwar ir-rażna, imma għandhom mnejn iħossu li personalment għandhom ħafna fejn jitjiebu. Jixtiequ juru r-rażna iktar bis-sħiħ, sal-punt li huma jemmnu li huwa raġunevoli għall-bnedmin imperfetti. Tħossok hekk int? Allura, x’tistaʼ tagħmel biex tikkultiva dan l-aspett tal-frott taʼ l-ispirtu t’Alla? U l-fatt li tagħmel hekk kif jistaʼ jgħinek tilħaq l-objettivi għal żmien twil bħala Kristjan? Ejja naraw fl-artiklu li jmiss.
Tiftakar Int?
Ir-Rażna Għala Hija . . .
• importanti li tiġi kultivata mill-Kristjani?
• partikularment taʼ sfida għal xi wħud?
• neċessarja fiż-żwieġ?
• kwalità li nistgħu ngħinu lil xulxin biex nikkultivawha?
[Kaxxa/Stampa f’paġna 16]
Tgħallem Jgħid Le
Wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah li jgħix fil-Ġermanja kien jaħdem bħala skrivan fil-qasam tal-komunikazzjonijiet tekniċi. Ix-xogħol tiegħu kien jinkludi li jikkontrolla 30 programm differenti tat-televixin u tar-radju. Meta kien ikun hemm xi interferenza, kien ikollu joqgħod jara l-programm sabiex jaqbad minfejn tkun ġejja l-problema. Hu jgħid: “L-interferenzi kważi dejjem kienu jiġru f’ħin ħażin, eżatt meta jkun hemm xeni taʼ vjolenza jew sess. Ix-xeni immorali kienu jibqgħu f’moħħi għal ġranet sħaħ jekk mhux għal ġimgħat, bħallikieku ġew timbrati f’moħħi.” Hu jammetti li dan kellu effett ħażin fuq l-ispiritwalità tiegħu: “Jien minni jitlagħli daqsxejn malajr, u minħabba f’hekk ix-xeni tal-vjolenza għamluha diffiċli għalija li nuri r-rażna. Ix-xeni tas-sess ikkaġunaw tensjoni bejni u bejn marti. Kelli battalja kuljum. Sabiex ma nitlifx il-battalja, iddeċidejt li nfittex xogħol ġdid, avolja kien ifisser paga inqas. Ftit ilu irnexxieli. Qtajt xewqti.”
[Stampi f’paġna 15]
L-għarfien li niksbu minn studju tal-Bibbja jgħinna neżerċitaw ir-rażna