LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 2/15 pp. 7-12
  • Nikkultivaw il-Frott tal-Kontroll Fuqna Nfusna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nikkultivaw il-Frott tal-Kontroll Fuqna Nfusna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nibżgħu minn Alla u Nobogħdu Dak li Hu Ħażin
  • Il-​Kontroll Fuqna Nfusna, il-​Korsa tal-​Għerf
  • L-​Imħabba Bla Egoiżmu Tgħin
  • Il-​Fidi u l-​Umiltà bħala Għajnuniet
  • Il-​Kontroll Fuqna Nfusna Ġewwa l-​Familja
  • Nagħmlu Użu mill-​Għajnuna li Alla Jipprovdi
  • Il-kontroll Fuqek Innifsek—Għala Tant Importanti?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sabiex Tirbaħ il-Premju, Eżerċita r-Rażna!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Żid maʼ l-Għarfien ir-Rażna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Aħdem fuq ir-rażan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 2/15 pp. 7-12

Nikkultivaw il-Frott tal-Kontroll Fuqna Nfusna

“Il-​frott tal-​ispirtu hu mħabba, ferħ, paċi, sabar fit-​tul, qalb tajba, tjubija, fidi, ħlewwa, kontroll fuqek innifsek. Kontra dawn l-​affarijiet ma hemm ebda liġi.”−GALATIN 5:​22, 23.

1. Min huma li tawna l-​aqwa eżempji taʼ kontroll fuqhom infushom, bħalma jidher minn liema skritturi?

ALLA JEHOVAH u Ġesù Kristu tawna l-​aqwa eżempji taʼ kontroll fuqhom infushom. Mid-​diżubbidjenza tal-​bniedem fil-​ġnien taʼ Għeden ’il hawn, Jehovah baqaʼ jeżerċita din il-​kwalità. (Qabbel Isaija 42:14.) Disaʼ darbiet fl-​Iskrittura Ebrajka naqraw li hu “idum biex jirrabja.” (Eżodu 34:6) Dak jirrikjedi kontroll fuqu nnifsu. U ċertament li l-​Iben t’Alla eżerċita kontroll kbir fuqu nnifsu, għax “meta kien qed jiġi nsultat, ma marx jinsulta lura.” (1 Pietru 2:23) Iżda, Ġesù setaʼ talab lil Missieru tas-​sema għall-​appoġġ taʼ “iktar minn tnax-il leġjun taʼ anġli.”−Mattew 26:53.

2. Liema eżempji Skritturali mill-​aħjar għandna taʼ li bnedmin imperfetti eżerċitaw kontroll fuqhom infushom?

2 Għandna wkoll xi eżempji Skritturali mill-​aħjar taʼ wħud imperfetti li eżerċitaw kontroll fuqhom infushom. Per eżempju, din il-​kwalità ġiet murija matul l-​inċident notevoli fil-​ħajja taʼ Ġużeppi, bin il-​patrijarka Ġakobb. X’kontroll eżerċita Ġużeppi fuqu nnifsu meta l-​mara taʼ Potifar ipprovat tisseduċih! (Ġenesi 39:7-9) Kien hemm ukoll l-​eżempju mill-​aħjar tal-​erbaʼ żgħażagħ Ebrej li eżerċitaw kontroll fuqhom infushom billi rrifjutaw li jieklu mill-​ħlewwiet tas-​sultan Babilonjan minħabba restrizzjonijiet fil-​Liġi Mosajka.—Danjel 1:8-17.

3. Min huma dawk li magħrufin għall-​imġieba mill-​aħjar tagħhom, bħalma jidher minn liema testimonjanza?

3 Għal eżempji moderni taʼ li wieħed jeżerċita kontroll fuqu nnifsu, nistgħu nħarsu lejn ix-​Xhieda taʼ Jehovah bħala grupp. Jixirqilhom it-​tifħir mogħti lilhom min-​New Catholic Encyclopedia—li huma “wieħed mill-​iktar gruppi fid-​dinja li jġibu ruħhom sewwa.” Għalliem tal-​università fil-​Filippini stqarr li “x-​Xhieda jipprattikaw reliġjożament dak li jitgħallmu mill-​Iskrittura.” Rigward il-​konvenzjoni tax-​Xhieda ġewwa Varsavja fl-​1989, ġurnalista Pollakk kiteb: “55,000 ruħ ma pejpux sigarett wieħed għal tlett ijiem! . . . Din il-​wirja taʼ dixxiplina superumana impressjonatni b’ammirazzjoni mħallat maʼ stagħġib kbir.”

Nibżgħu minn Alla u Nobogħdu Dak li Hu Ħażin

4. Liema hi waħda mill-​akbar għajnuniet f’li neżerċitaw kontroll fuqna nfusna?

4 Waħda mill-​akbar għajnuniet biex nikkultivaw il-​kontroll fuqna nfusna hija l-​biżaʼ t’Alla, it-​tkexkix bnin taʼ li ma nogħġbux lil Missierna maħbub tas-​sema. L-​importanza għalina taʼ li jkollna biżaʼ reverenzjali minn Alla nistgħu narawha mill-​fatt li l-​Iskrittura ssemmih bosta drabi. Meta Abraham kien wasal biex joffri lil ibnu Iżakk, Alla qal: “Toħroġx lil idek kontra t-​tifel u tagħmillu xejn affattu, għax issa jien naf li int tibżaʼ minn Alla billi int ma żammejtx lura lil ibnek, l-​uniku wieħed tiegħek, minni.” (Ġenesi 22:12) L-​istress emozzjonali żgur li kien qawwi ħafna, u għalhekk żgur li kien jirrikjedi kontroll kbir ferm minn Abraham fuqu nnifsu biex jibqaʼ għaddej bil-​kmand t’Alla sal-​punt li jerfaʼ s-​sikkina tiegħu biex joqtol lill-​maħbub ibnu Iżakk. Iva, il-​biżaʼ t’Alla se tgħinna neżerċitaw kontroll fuqna nfusna.

5. Liema rwol għandha l-​mibgħeda għall-​ħażen fl-​eżerċitar tagħna taʼ kontroll fuqna nfusna?

5 Ħaġa li għandha x’taqsam mill-​qrib mal-​biżaʼ taʼ Jehovah hija li nobogħdu dak li hu ħażin. Naqraw fi Proverbji 8:13: “Il-​biżaʼ taʼ Jehovah tfisser li tobgħod il-​ħażen.” Imbagħad, li nobogħdu dak li hu ħażin igħinna f’li neżerċitaw kontroll fuqna nfusna. Darba wara l-​oħra, l-​Iskrittura tgħidilna biex nobogħdu—iva, nabborrixxu—dak li hu ħażin. (Salm 97:10; Amos 5:14, 15; Rumani 12:9) Dak li hu ħażin huwa spiss tant pjaċevoli, tant taʼ tentazzjoni, tant li jħajrek li sempliċement irridu nobogħduh biex insaħħu lilna nfusna kontra tiegħu. Il-​mibgħeda kollha bħal din għal dak li hu ħażin għandha l-​effett li ssaħħaħ id-​determinazzjoni tagħna li neżerċitaw kontroll fuqna nfusna u b’hekk isservi bħala protezzjoni għalina.

Il-​Kontroll Fuqna Nfusna, il-​Korsa tal-​Għerf

6. Għala hija l-​korsa tal-​għerf li negħlbu l-​inklinazzjonijiet egoistiċi tagħna billi nipprattikaw il-​kontroll fuqna nfusna?

6 Għajnuna kbira oħra f’li nipprattikaw il-​kontroll fuqna nfusna hija li napprezzaw il-​għerf taʼ li wieħed juri din il-​kwalità. Jehovah jitlobna biex neżerċitaw kontroll fuqna nfusna għall-​ġid tagħna stess. (Qabbel Isaija 48:​17, 18. ) Kelmtu fiha ħafna pariri li juru kemm hu għaqli li negħlbu l-​inklinazzjonijiet egoistiċi tagħna billi nipprattikaw il-​kontroll fuqna nfusna. Sempliċement ma nistgħux naħarbu mil-​liġijiet li ma jinbidlux t’Alla. Il-​Kelma Tiegħu tgħidilna: “Kulma bniedem qiegħed jiżraʼ, dan ukoll se jaħsad; għaliex dak li qiegħed jiżraʼ b’ħarsa għal ġismu se jaħsad il-​korruzzjoni minn ġismu, imma dak li qiegħed jiżraʼ b’ħarsa għall-​ispirtu se jaħsad il-​ħajja taʼ dejjem mill-​ispirtu.” (Galatin 6:7, 8) Eżempju ovvju hu dak tal-​ikel u x-​xorb. Ħafna nkwiet jirriżulta għaliex in-​nies jieklu jew jixorbu ż-​żejjed. Kull waqgħa bħal din għall-​egoiżmu ttellef lil dak li jkun minn rispett fih innifsu. Iktar minn hekk, individwu ma jistax jaqaʼ għall-​egoiżmu mingħajr ma wkoll jagħmel ħsara lir-​relazzjoni tiegħu m’oħrajn. L-​iktar ħaġa serja fuq kollox, in-​nuqqas taʼ kontroll fuqna nfusna jħassar ir-​relazzjoni tagħna maʼ Missierna tas-​sema.

7. X’inhi waħda mit-​temi ewlenin tal-​ktieb tal-​Proverbji, bħalma juru liema testi Bibliċi?

7 Għalhekk, irridu nibqgħu ngħidu lilna nfusna li l-​egoiżmu jaħdem kontra tagħna stess. Tema li tispikka fil-​ktieb tal-​Proverbji, li jisħaq fuq id-​dixxiplina tagħna nfusna, hi li l-​egoiżmu ma jħallix qliegħ u hemm il-​għerf f’li wieħed jeżerċita kontroll fuqu nnifsu. (Proverbji 14:29; 16:32) U ħalli jiġi nnotat li d-​dixxiplina tagħna nfusna tinvolvi ferm iktar minn li sempliċement nevitaw dak li hu ħażin. Id-​dixxiplina tagħna nfusna, jew il-​kontroll fuqna nfusna, hu meħtieġ ukoll biex nagħmlu dak li hu sewwa, li jistaʼ jkun diffiċli għaliex dan imur kontra t-​tendenzi midinbin tagħna.

8. Liema esperjenza turi l-​għerf taʼ li wieħed jeżerċita kontroll fuqu nnifsu?

8 Jagħti stampa tal-​għerf f’li wieħed jeżerċita kontroll fuqu nnifsu hemm il-​każ taʼ wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah li kien fi kju f’bank meta wieħed raġel qabżu. Għalkemm ix-​Xhud iddejjaq xi ftit, hu eżerċita kontroll fuqu nnifsu. Dak in-​nhar stess kellu jara perit biex iġib firma għal xi pjanti taʼ Sala tas-​Saltna. U min sab li kien dan il-​perit? Ħeqq, sewwa sew dak ir-​raġel li kien qabeż il-​kju fil-​bank! Mhux talli l-​perit kien dħuli ħafna anzi talab ħlas mix-​Xhud taʼ inqas minn għaxra fil-​mija taʼ kemm jitlob is-​soltu. Kemm kien ferħan ix-​Xhud li kien eżerċita kontroll fuqu nnifsu iktar kmieni dak in-​nhar, billi ma ħalliex lilu nnifsu jkun ipprovokat!

9. Liema hi l-​korsa tal-​għerf meta niltaqgħu maʼ reazzjonijiet ħorox fil-​ministeru?

9 Darba wara l-​oħra meta mmorru minn dar għal dar nippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla jew noqogħdu f’xi kantuniera biex nipprovaw ninteressaw lil min ikun għaddej fil-​messaġġ tagħna, niltaqgħu maʼ kliem aħrax. X’inhi l-​korsa tal-​għerf? Din l-​istqarrija għarfa nsibuha fi Proverbji 15:1: “Tweġiba, meta hi ħelwa, iddawwar lil hinn id-​dagħdigħa.” Fi kliem ieħor, jinħtieġ li neżerċitaw kontroll fuqna nfusna. U mhux ix-​Xhieda taʼ Jehovah biss sabu li dan huwa minnu imma oħrajn ukoll. Il-​valur li jfejjaq tal-​kontroll fuqek innifsek qed jiġi apprezzat dejjem iktar mill-​professjoni medika.

L-​Imħabba Bla Egoiżmu Tgħin

10, 11. L-​imħabba għala hi għajnuna reali f’li neżerċitaw kontroll fuqna nfusna?

10 Id-​deskrizzjoni tal-​imħabba minn Pawlu fl-​1 Korintin 13:4-8 turi li l-​qawwa tagħha tistaʼ tgħinna f’li neżerċitaw kontroll fuqna nfusna.“L-​imħabba tistabar fit-​tul.” Li tissaporti fit-​tul jirrikjedi kontroll fuqek innifsek.“L-​imħabba ma tgħirx, hi ma tiftaħarx, ma tintefaħx.” Il-​kwalità tal-​imħabba tgħinna nikkontrollaw il-​ħsibijiet u l-​emozzjonijiet tagħna, biex negħlbu kull tendenza taʼ li ngħiru, li niftaħru, jew li nintefħu. L-​imħabba tqanqalna li nkunu sewwa sew l-​oppost, billi tagħmilna umlin, imbaxxijin fil-​moħħ, bħalma kien Ġesù.—Mattew 11:28-30.

11 Pawlu jkompli jgħid li l-​imħabba “ma ġġibx ruħha b’mod indiċenti.” Biex taġixxi b’mod diċenti f’kull ħin ukoll jirrikjedi kontroll fuqek innifsek. Il-​kwalità tal-​imħabba żżommna ’l bogħod mir-​regħba, minn li ‘nfittxu biss l-​interessi tagħna nfusna.’ L-​imħabba “ma ssirx provokata.” Kemm hu faċli li ssir ipprovokat minħabba x’igħidu jew jagħmlu oħrajn! Imma l-​imħabba se tgħinna neżerċitaw kontroll fuqna nfusna u ma ngħidux jew nagħmlu affarijiet li wara jiddispjaċina minnhom. L-​imħabba “ma żżommx kont tal-​ħsara.” In-​natura umana hija inklinata li żżomm fil-​komma jew li tistmerr. Imma l-​imħabba se tgħinna nwarrbu ħsibijiet bħal dawn minn moħħna. L-​imħabba “ma tifraħx bin-​nuqqas taʼ tjieba.” Jirrikjedi kontroll fuqna nfusna biex ma niħdux pjaċir b’dak li mhux taʼ tjieba, bħalma hi l-​pornografija u xi serje televiżivi degradanti bħas-​soap operas. L-​imħabba wkoll “tiflaħ kollox” u “tissaporti kollox.” Jirrikjedi kontroll fuqna nfusna biex inġerrħu xi affarijiet, biex nissaportu affarijiet taʼ prova jew taʼ piż u ma nħalluhomx jiskuraġġuna, iġagħluna nirritaljaw b’xi mod, jew jinklinawna biex nieqfu milli naqdu lil Jehovah.

12. Liema hu mod wieħed biex nuru l-​apprezzament tagħna għal dak kollu li Alla Jehovah u Ġesù Kristu għamlu għalina?

12 Jekk verament inħobbu lil Missierna tas-​sema u napprezzaw il-​kwalitajiet tal-​għaġeb tiegħu u dak kollu li għamel għalina, se nkunu rridu nogħġbuh billi neżerċitaw kontroll fuqna nfusna f’kull ħin. Ukoll, jekk verament inħobbu lill-​Mulej u s-​Sid tagħna, Ġesù Kristu, u napprezzaw dak kollu li hu għamel għalina, se nagħtu kas il-​kmand tiegħu biex ‘nerfgħu z-​zkuk tat-​tortura tagħna u nsegwuh kontinwament.’ (Mark 8:34) Dak ċertament jirrikjedi li neżerċitaw kontroll fuqna nfusna. L-​imħabba lejn ħutna rġiel u nisa Kristjani wkoll se żżommna milli nweġġgħuhom billi nieħdu xi korsa egoista.

Il-​Fidi u l-​Umiltà bħala Għajnuniet

13. Il-​fidi għala tistaʼ tgħinna biex neżerċitaw kontroll fuqna nfusna?

13 Għajnuna kbira oħra f’li neżerċitaw kontroll fuqna nfusna hija l-​fidi f’Alla u fil-​wegħdiet tiegħu. Il-​fidi se tgħinna biex nafdaw f’Jehovah u nistennew iż-​żmien xieraq tiegħu biex jiddritta l-​affarijiet. L-​appostlu Pawlu jagħmel l-​istess punt meta jgħid f’​Rumani 12:19: “Tivvendikawx erwieħkom, maħbubin, . . . għax hu miktub: ‘Il-​vendetta hi tiegħi; jien se nħallas lura, igħid Jehovah.’” F’dan ir-​rigward, l-​umiltà wkoll tistaʼ tgħinna. Jekk aħna umlin, m’aħniex se nieħdu għalina malajr minħabba xi offiża immaġinata jew reali. M’aħniex se nieħdu bil-​għaġġla l-​liġi f’idejna, biex ingħidu hekk, imma se neżerċitaw kontroll fuqna nfusna u nkunu lesti li nistennew lil Jehovah.—Qabbel Salm 37:​1, 8.

14. Liema esperjenza turi li kontroll fuqhom infushom jistaʼ jinkiseb saħansitra minn dawk li huma neqsin ferm minnu?

14 Li aħna nistgħu nitgħallmu neżerċitaw kontroll fuqna nfusna jidher ċar b’qawwa kbira minn esperjenza taʼ wieħed raġel li kellu tempra vjolenti. Dan tant kienu jitilgħulu li meta l-​pulizija marru għandu minħabba storbju li hu u missieru kienu qegħdin jagħmlu, hu ta xebgħa lil tliet pulizija qabel ma l-​oħrajn irnexxielhom jegħlbuh! Maż-​żmien, madankollu, ġie f’kuntatt max-​Xhieda taʼ Jehovah u tgħallem jeżerċita kontroll fuqu nnifsu, waħda mill-​frottiet tal-​ispirtu t’Alla. (Galatin 5:22, 23) Illum, 30 sena wara, dan ir-​raġel għadu jaqdi fedelment lil Jehovah.

Il-​Kontroll Fuqna Nfusna Ġewwa l-​Familja

15, 16. (a) X’se jgħin lil raġel miżżewweġ biex jeżerċita kontroll fuqu nnifsu? (b) Il-​kontroll fuqna nfusna hu b’mod speċjali meħtieġ f’liema sitwazzjoni, bħalma naraw minn liema esperjenza? (ċ) Mara miżżewġa għala teħtieġ il-​kontroll fuqha nfisha?

15 Il-​kontroll fuqna nfusna huwa ċertament meħtieġ ġewwa l-​familja. Biex raġel iħobb lil martu bħalma jħobb lilu nnifsu jirrikjedi li hu jeżerċita ħafna kontroll fuq il-​ħsibijiet, il-​kliem, u l-​azzjonijiet tiegħu. (Efesin 5:28, 29) Iva, jirrikjedi kontroll fuqhom infushom għall-​irġiel miżżewġin biex jagħtu kas il-​kliem tal-​appostlu Pietru fl-​1 Pietru 3:7: “Intom l-​irġiel miżżewġin, komplu għammru bl-​istess manjiera magħhom skond il-​għarfien.” B’mod speċjali meta martu hi waħda li ma temminx ir-​raġel li jemmen għandu bżonn li jeżerċita kontroll fuqu nnifsu.

16 Biex nagħtu eżempju: Kien hemm anzjan li kellu martu li ma temminx u li kienu jitilgħula malajr. Iżda, hu eżerċita kontroll fuqu nnifsu, u dan tant kien taʼ ġid għalih li t-​tabib tiegħu qallu: “John, int jew min-​natura għandek ħafna u ħafna paċenzja jew inkella għandek reliġjon qawwija ferm.” Aħna tabilħaqq li għandna reliġjon qawwija ferm, għax “Alla tana mhux spirtu taʼ ġjufija, imma dak taʼ qawwa u taʼ mħabba u taʼ moħħ f’loku,” li jagħmilna kapaċi neżerċitaw kontroll fuqna nfusna. (2 Timotew 1:7) Ukoll, jirrikjedi kontroll fuqha nfisha għal mara li tkun sottomessa, speċjalment meta żewġha jkun wieħed li ma jemminx.—1 Pietru 3:1-4.

17. Il-​kontroll fuqna nfusna għala hu importanti fir-​relazzjoni taʼ bejn il-​ġenituri u l-​ulied?

17 Il-​kontroll fuqna nfusna huwa meħtieġ ukoll fir-​relazzjoni taʼ bejn il-​ġenituri u l-​ulied. Biex ikollhom ulied li jikkontrollaw lilhom infushom, il-​ġenituri stess iridu l-​ewwel ikunu taʼ eżempju tajjeb. U meta t-​tfal jinħtieġu d-​dixxiplina taʼ xi xorta jew oħra, din għandha dejjem tiġi amministrata bil-​kalma u bl-​imħabba, li jirrikjedi kontroll fuqhom infushom. (Efesin 6:4; Kolossin 3:21) Imbagħad ukoll, biex l-​ulied juru li verament iħobbu lill-​ġenituri tagħhom iridu jobduhom, u biex tobdi ċertament li jirrikjedi kontroll fuqek innifsek.—Efesin 6:1-3; qabbel 1 Ġwann 5:3.

Nagħmlu Użu mill-​Għajnuna li Alla Jipprovdi

18-20. Liema tliet provvedimenti spiritwali rridu nieħdu vantaġġ minnhom sabiex nikkultivaw il-​kwalitajiet li se jgħinuna neżerċitaw kontroll fuqna nfusna?

18 Biex nikbru fil-​biżaʼ t’Alla, fl-​imħabba mingħajr egoiżmu, fil-​fidi, fil-​mibgħeda għal dak li hu ħażin, u fil-​kontroll fuqna nfusna, irridu nieħdu vantaġġ mill-​għajnuna kollha li Alla Jehovah ipprovda. Ejjew nikkunsidraw tliet provvedimenti spiritwali li jistgħu jgħinuna neżerċitaw kontroll fuqna nfusna. L-​ewwelnett, hemm il-​privileġġ prezzjuż tat-​talb. Qatt ma rridu nkunu mħabbtin wisq biex nitolbu. Iva, għandna jkollna x-​xewqa li ‘nitolbu bla ma naqtgħu,’ li ‘nipperseveraw fit-​talb.’ (1 Tessalonkin 5:17; Rumani 12:12) Ejjew nagħmlu l-​ikkultivar tal-​kontroll fuqna nfusna xi ħaġa li nitolbu dwarha. Imma meta nonqsu li neżerċitaw kontroll fuqna nfusna, ejjew bil-​mistħija nitolbu bil-​ħniena lil Missierna tas-​sema għal maħfra.

19 Aspett ieħor taʼ assistenza f’li nuru kontroll fuqna nfusna huwa li niksbu l-​għajnuna li tiġi meta nkunu mitmugħin mill-​Kelma t’Alla u l-​letteratura li tgħinna nifhmu u napplikaw l-​Iskrittura. Huwa tant faċli li nittraskuraw din il-​parti tas-​servizz sagru tagħna! Irridu neżerċitaw kontroll fuqna nfusna u nibqgħu ngħidu lilna nfusna li ma hemm ebda materjal għall-​qari iktar importanti mill-​Bibbja u dak ipprovdut mill-​“irsir fidil u diskret,” u b’hekk irridu nagħtuh priorità. (Mattew 24:45-47) Sewwa ntqal li l-​ħajja qatt ma hi din u dik imma din jew dik. Aħna verament irġiel u nisa spiritwali? Jekk aħna konxji tal-​bżonn spiritwali tagħna, se neżerċitaw il-​kontroll meħtieġ fuqna nfusna biex nitfu t-​TV u nħejju għal-​laqgħat tagħna jew naqraw It-​Torri tal-​Għassa li jkun għadu kif wasal.

20 It-​tielet, hemm il-​kwistjoni taʼ li nistmaw sewwa l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni tagħna u l-​assembleat u l-​konvenzjonijiet. Huma dawn il-​laqgħat kollha assolutament importanti li nattenduhom? Niġu aħna ppreparati biex nieħdu sehem u mbagħad nagħmlu hekk skond l-​opportunità li jkollna? Skond l-​importanza li nagħtu aħna lil-​laqgħat, daqshekk se niġu msaħħin fid-​determinazzjoni tagħna li neżerċitaw kontroll fuqna nfusna taħt kull ċirkostanza.

21. Liema huma xi premji li nistgħu ngawdu talli nikkultivaw il-​frotta tal-​ispirtu taʼ kontroll fuqna nfusna?

21 Liema premji nistgħu nistennew talli naħdmu iebes biex neżerċitaw kontroll fuqna nfusna f’kull ħin? L-​ewwelnett, m’aħniex se naħsdu l-​frott morr tal-​egoiżmu. Se jkollna rispett lejna nfusna u kuxjenza nadifa. Se niskansaw lilna nfusna minn tant inkwiet u se nibqgħu fit-​triq tal-​ħajja. Iktar minn hekk, se nkunu nistgħu nagħmlu l-​iktar ġid possibbli lil oħrajn. Fuq kollox, se nkunu qed nagħtu kas il-​parir taʼ Proverbji 27:11: “Kun għaref, ibni, u agħmel lil qalbi ferħana, biex inkun nistaʼ nagħti risposta lil dak li qiegħed jinbixni.” U dak hu l-​akbar premju li qatt jistaʼ jkollna—il-​privileġġ li nferrħu lill-​qalb tal-​Missier maħbub tagħna fis-​sema, Jehovah!

Tiftakar?

◻ Il-​biżaʼ t’Alla kif igħinna neżerċitaw kontroll fuqna nfusna?

◻ L-​imħabba kif tgħinna neżerċitaw kontroll fuqna nfusna?

◻ Il-​kontroll fuqna nfusna kif igħin fir-​relazzjonijiet tal-​familja?◻ Liema provvedimenti rridu nagħmlu użu tajjeb minnhom jekk se nikkultivaw il-​kontroll fuqna nfusna?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja