LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 2/15 pp. 12-16
  • “Indokratur Irid Ikun ... Jikkontrolla Lilu Nnifsu”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Indokratur Irid Ikun ... Jikkontrolla Lilu Nnifsu”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kontroll Fuqhom Infushom—Ħtieġa għal Anzjani
  • Meta Jaġixxu m’Oħrajn
  • Kontroll Fuqhom Infushom waqt Laqgħat tal-​Anzjani u Każijiet Ġudizzjarji
  • Kontroll Fuqhom Infushom mas-​Sess Oppost
  • Kontroll Fuqhom Infushom f’Aspetti Oħra
  • Nikkultivaw il-Frott tal-Kontroll Fuqna Nfusna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Il-kontroll Fuqek Innifsek—Għala Tant Importanti?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sabiex Tirbaħ il-Premju, Eżerċita r-Rażna!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Żid maʼ l-Għarfien ir-Rażna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 2/15 pp. 12-16

“Indokratur Irid Ikun ... Jikkontrolla Lilu Nnifsu”

“Indokratur irid ikun . . . jikkontrolla lilu nnifsu.”​−TITUS 1:7, 8.

1, 2. Liema eżempju taʼ rażna pprovda Guliermu taʼ Orange, u b’liema riżultati taʼ ġid?

L-​ISTORJA tipprovdi eżempju notevoli ferm li jinvolvi rażna tal-​emozzjonijiet. F’nofs is-​seklu 16, il-​prinċep żagħżugħ Olandiż Guliermu taʼ Orange kien fuq mawra taʼ kaċċa mar-​Re Neriku II taʼ Franza. Ir-​re kixef maʼ Guliermu l-​pjan li kellu hu u r-​re taʼ Spanja biex jeqirdu lill-​Protestanti kollha fi Franza u fl-​Olanda—fil-​fatt, fil-​Kristjaneżmu kollu. Ir-​Re Neriku kien taħt l-​impressjoni li ż-​żagħżugħ Guliermu kien Kattolku devot bħalu u għalhekk kixef miegħu id-​dettalji kollha tal-​komplott. Dak li samaʼ Guliermu kien għalkollox orribbli għalih għaliex ħafna mill-​ħbieb intimi tiegħu kienu Protestanti, imma ma kixifx dak li kien qed iħoss; minflok, hu wera interess kbir fid-​dettalji kollha li tah ir-​re.

2 Malli Guliermu setaʼ jagħmel hekk, madankollu, hu ta bidu għal pjanijiet biex ixejjen il-​komplott, u dan fl-​aħħar wassal biex l-​Olanda nħelset mill-​ħakma Spanjola Kattolka. Peress li Guliermu kien kapaċi jeżerċita kontroll fuqu nnifsu meta samaʼ l-​ewwel darba dwar il-​komplott, hu sar magħruf bħala “Guliermu s-​Sieket.” Tant kiseb suċċess Guliermu taʼ Orange li jintqalilna: “Hu kien il-​veru fundatur tal-​indipendenza u l-​kobor tar-​repubblika Olandiża.”

3. Min jibbenefika meta l-​anzjani Kristjani jeżerċitaw kontroll fuqhom infushom?

3 Bis-​saħħa tar-​rażna tiegħu, Guliermu s-​Sieket ibbenefika ferm kemm lilu nnifsu u kemm lill-​poplu tiegħu. B’mod li jixtiebah, il-​frotta tal-​ispirtu qaddis taʼ kontroll fuqhom infushom għandha tintwera llum minn anzjani, jew indokraturi, Kristjani. (Galatin 5:22, 23) Billi jeżerċitaw din il-​kwalità, huma jibbenefikaw kemm lilhom infushom u kemm lill-​kongregazzjonijiet. Mill-​banda l-​oħra, jekk jonqsu li jeżerċitaw kontroll fuqhom infushom jistgħu jagħmlu ħsara li ma tistax tikkalkolaha.

Kontroll Fuqhom Infushom—Ħtieġa għal Anzjani

4. Liema parir tal-​appostlu Pawlu jisħaq fuq il-​ħtieġa li l-​anzjani jeżerċitaw kontroll fuqhom infushom?

4 Pawlu, li hu stess kien anzjan, apprezza l-​importanza tal-​kontroll fuqu nnifsu. Waqt li kien qed jagħti pariri lill-​anzjani li kienu ġew għandu minn Efesu, hu qalilhom: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom u għall-​merħla kollha.” Fost affarijiet oħra, li joqogħdu attenti għalihom infushom inkluda l-​bżonn li jeżerċitaw kontroll fuqhom infushom, li jgħassu l-​kondotta tagħhom. Meta kiteb lil Timotew, Pawlu għamel l-​istess punt, billi qal: “Oqgħod attent il-​ħin kollu għalik innifsek u għat-​tagħlim tiegħek.” Pariri bħal dawn urew kemm kien konxju Pawlu tat-​tendenza umana min-​naħa taʼ xi wħud li jkunu iktar ikkonċernati li jippridkaw milli jipprattikaw dak li jippridkaw. Għalhekk, hu l-​ewwel enfasizza l-​ħtieġa li jgħassu lilhom infushom.—Atti 20:28; 1 Timotew 4:16.

5. Anzjani Kristjani kif jiġu maħturin, u l-​kwalifiki tagħhom fejn huma mniżżlin fl-​Iskrittura?

5 Matul is-​snin, l-​irwol Skritturali tal-​anzjani sar bil-​mod il-​mod iktar ċar. Illum, naraw li wieħed irid jinħatar biex isir anzjan. L-​anzjani huma maħturin mill-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah jew mir-​rappreżentanti diretti tagħha. Dik il-​ġemgħa, imbagħad, tirrappreżenta lill-​“irsir fidil u diskret.” (Mattew 24:45-47) Il-​kwalifiki biex wieħed isir indokratur, jew anzjan, Kristjan huma mogħtijin primarjament mill-​appostlu Pawlu fl-​1 Timotew 3:1-7 u f’​Titus 1:5-9.

6, 7. Liema kwalifiki speċifiċi tal-​anzjani jirrikjedu kontroll fuqhom infushom?

6 Pawlu jistqarr fl-​1 Timotew 3:2, 3 li indokratur irid ikun moderat fid-​drawwiet. Din il-​ħaġa u l-​ħtieġa għal anzjan li jkun taʼ ordni jirrikjedu li ħu jeżerċita kontroll fuqu nnifsu. Raġel li jikkwalifika biex ikun indokratur ma hux wieħed li jweġġaʼ b’ilsienu u mhux ġellied. Dawn il-​kwalifiki wkoll jirrikjedu li anzjan ikun wieħed li jikkontrolla lilu nnifsu. Iktar minn hekk, biex anzjan ma jkunx wieħed li jħobb il-​qatra, mogħti għall-​inbid, hu jrid jeżerċita kontroll fuqu nnifsu.—Ara wkoll in-​noti taʼ taħt għall-​1 Timotew 3:​2, 3.

7 F’​Titus 1:​7, 8, Pawlu stqarr speċifikament li indokratur irid jikkontrolla lilu nnifsu. Innota, madankollu, kemm mill-​ħtiġijiet l-​oħra mniżżlin f’dawn il-​versi jinvolvu l-​kontroll fuqhom infushom. Per eżempju, l-​indokratur irid ikun ħieles minn kull akkuża, iva, bla ebda ħtija. Ċertament, anzjan ma jistax jilħaq dawn il-​ħtiġijiet jekk ma jeżerċitax kontroll fuqu nnifsu.

Meta Jaġixxu m’Oħrajn

8. Liema kwalitajiet meħtieġa mill-​anzjani biex jagħtu parir jenfasizzaw il-​ħtieġa għal kontroll fuqhom infushom?

8 Jerġaʼ mbagħad, indokratur irid ikun paċenzjuż u li jistabar fit-​tul meta jaġixxi maʼ sħabu li jemmnu, u dan jirrikjedi kontroll fuqu nnifsu. Per eżempju, f’​Galatin 6:1, naqraw: “L-​aħwa, saħansitra jekk raġel jieħu xi pass ħażin qabel ma jinduna bih, intom li għandkom kwalifiki spiritwali [primarjament l-​anzjani] ppruvaw irranġaw lil raġel bħal dan fi spirtu taʼ ħlewwa, fil-​waqt li kull wieħed minnkom iżomm għajn fuqu nnifsu, minħabba l-​biżaʼ li inti wkoll tistaʼ tiġi ttantat.” Biex wieħed juri spirtu taʼ ħlewwa jirrikjedi kontroll fuqu nnifsu. Wara kollox, il-​kontroll fuqek innifsek huwa wkoll involut f’li wieħed iżomm għajn fuqu nnifsu. Bl-​istess mod, meta anzjan jiġi msejjaħ għall-​għajnuna minn xi ħadd imnikket, il-​kontroll fuqu nnifsu huwa importanti ferm. Jaħseb x’jaħseb l-​anzjan dwar l-​individwu, hu jrid ikun qalbu tajba, paċenzjuż, u li jifhem. Minflok ma jgħaġġel biex jagħti parir, l-​anzjan irid ikun lest li jismaʼ u joħroġ mill-​individwu dak li verament jidher li qed jinkwetah.

9. L-​anzjani għandhom iżommu liema parir f’moħħhom meta jaġixxu maʼ individwi mifxulin?

9 B’mod speċjali meta jaġixxu maʼ persuna mifxula ferm huwa xieraq tassew il-​parir taʼ Ġakbu 1:19: “Kunu afu dan, ħuti maħbubin. Kull bniedem għandu jkun għaġġiel dwar li jismaʼ, bil-​mod dwar li jitkellem, bil-​mod dwar li jagħdab.” Iva, partikolarment meta jiltaqaʼ maʼ reazzjonijiet taʼ rabja jew emozzjonali irid anzjan joqgħod attent li ma jweġibx bl-​istess mod. Jirrikjedi kontroll fuqu nnifsu biex ma jweġibx kliem imqanqal bl-​emozzjoni bi kliem imqanqal bl-​emozzjoni, biex ma ‘jroddx ħażen għal ħażen.’ (Rumani 12:17) Li twieġeb bl-​istess manjiera sempliċement ikompli jgħarraq l-​affarijiet. Mela hawn ukoll il-​Kelma t’Alla tagħti lill-​anzjani parir mill-​aħjar, billi tfakkarhom li “tweġiba, meta hi ħelwa, iddawwar lil hinn id-​dagħdigħa.”−Proverbji 15:1.

Kontroll Fuqhom Infushom waqt Laqgħat tal-​Anzjani u Każijiet Ġudizzjarji

10, 11. X’ġara f’laqgħat tal-​anzjani, b’mod li juri il-​ħtieġa li jikkontrollaw lilhom infushom f’okkażjonijiet bħal dawn?

10 Aspett ieħor fejn l-​indokratur Kristjan għandu bżonn joqgħod attent biex jeżerċita kontroll fuqu nnifsu hu matul laqgħat tal-​anzjani. Li titkellem bil-​kalma fl-​interess tal-​verità u l-​ġustizzja xi drabi jirrikjedi kontroll fuqek innifsek. Hemm bżonn taʼ kontroll fuqek innifsek ukoll biex tevita milli tipprova tiddomina d-​diskussjoni. Meta anzjan għandu din it-​tendenza, ikun qed juri qalb tajba anzjan ieħor jekk jagħtih parir.—Qabbel 3 Ġwann 9.

11 Imbagħad jerġaʼ, f’laqgħat tal-​anzjani, xi anzjan ħerqan iżżejjed forsi tiġih it-​tentazzjoni li jsir emozzjonali, saħansitra billi jgħolli leħnu. X’nuqqas taʼ kontroll fuqu nnifsu jikxfu bi kbir azzjonijiet bħal dawn! Huma tassew itellfu lilu stess b’mod doppju. Minn banda waħda, daqskemm wieħed jitlef il-​kontroll fuqu nnifsu, daqshekk ieħor idgħajjef il-​każ tiegħu stess billi jħalli l-​emozzjoni tgħatti lil-​loġika. Mill-​banda l-​oħra, daqskemm wieħed isir emozzjonali, daqshekk ieħor idejjaq jew saħansitra jantagonizza lil sħabu l-​anzjani. Barra minn hekk, jekk l-​anzjani ma joqogħdux attenti, differenzi kbar fl-​opinjoni jistgħu joħolqu firda fosthom. Dan ikun taʼ ħsara għalihom infushom u għall-​kongregazzjoni.—Qabbel Atti 15:36-40.

12. Meta jittrattaw maʼ liema sitwazzjonijiet iridu l-​anzjani joqogħdu attenti li jeżerċitaw kontroll fuqhom infushom?

12 L-​anzjani jridu jkollhom kontroll fuqhom infushom ukoll biex jevitaw li jkunu parzjali jew li jabbużaw mill-​poter tagħhom. Tant hu faċli li wieħed iċedi għat-​tentazzjoni, li jħalli konsiderazzjonijiet umani imperfetti jinfluwenzaw dak li wieħed igħid jew jagħmel! Xi kultant, l-​anzjani naqsu li jaġixxu b’mod deċiżiv meta xi wieħed mit-​tfal tagħhom jew xi ħadd jiġi minnhom instab ħati taʼ kondotta ħażina. F’sitwazzjonijiet bħal dawn jirrikjedi kontroll fuqek innifsek biex ma tħallix irbit tad-​demm itellfu azzjoni ġusta.—Dewteronomju 10:17.

13. Il-​kontroll fuqhom infushom għala hu meħtieġ b’mod speċjali mill-​anzjani waqt is-​smigħ taʼ każijiet ġudizzjarji?

13 Sitwazzjoni oħra li fiha l-​kontroll fuqek innifsek hu importanti ferm hija meta jkun hemm każ ġudizzjarju. L-​anzjani jridu jeżerċitaw kontroll kbir fuqhom infushom biex ma jkunux influwenzati bla bżonn mill-​emozzjoni. M’għandhomx iħallu d-​dmugħ jimpressjonahom wisq. Fl-​istess ħin, anzjan irid joqgħod attent li ma jitlifx it-​tempra meta jibdew jintefgħu xi akkużi u forsi jsiru xi insinwazzjonijiet fuqu, bħalma jistaʼ jiġri meta jkun qed jittratta maʼ wħud apostati. Hawn hu xieraq ferm il-​kliem taʼ Pawlu: “[I]rsir tal-​Mulej m’għandux bżonn jiġġieled, imma għandu bżonn ikun ġentili maʼ kulħadd.” Jirrikjedi kontroll fuqu nnifsu biex wieħed ikun ġentili taħt pressjoni. Pawlu jkompli juri li “rsir tal-​Mulej” irid ikun “iżomm lilu nnifsu mrażżan taħt il-​ħażen, igħallem bil-​ħlewwa lil dawk li m’humiex disposti b’mod favorevoli.” Biex wieħed juri l-​ħlewwa u jżomm ruħu mrażżan meta jaġixxi mal-​oppożizzjoni jirrikjedi kontroll fuqu nnifsu.—2 Timotew 2:​24, 25

Kontroll Fuqhom Infushom mas-​Sess Oppost

14. Liema parir mill-​aħjar għandhom jagħtu kasu l-​anzjani fl-​aġir tagħhom maʼ dawk tas-​sess oppost?

14 L-​anzjani jridu jkunu għajnejhom miftuħin beraħ biex jeżerċitaw kontroll fuqhom infushom meta jittrattaw maʼ dawk tas-​sess oppost. Ma jkunx għaqli għal anzjan waħdu li jagħmel żjara pastorali lil oħt waħedha. L-​anzjan għandu jkun akkumpanjat minn xi anzjan ieħor jew minn xi qaddej ministerjali. X’aktarx għaliex apprezza din il-​problema, Pawlu ta parir lill-​anzjan Timotew: ‘Itlob bil-​ħrara lil . . . nisa ixjeħ bħal ommijiet, nisa iżgħar bħal aħwa bniet bis-​safa kollha.’ (1 Timotew 5:​1, 2) Xi anzjani dehru jqiegħdu jdejhom fuq xi oħt bħalma forsi jagħmel missier. Imma jistgħu jkunu qegħdin iqarrqu bihom infushom, għax impuls romantiku iktar milli affezzjoni Kristjana pura tal-​aħwa tistaʼ tassew tkun il-​motivazzjoni vera għal ġest bħal dak.—Qabbel 1 Korintin 7:1.

15. Ċertu inċident kif jenfasizza t-​tmaqdir li jistaʼ jirriżulta fuq isem Jehovah meta anzjan jonqos li jeżerċita kontroll fuqu nnifsu?

15 Kemm irriżultat ħsara għall-​verità minħabba li xi anzjani ma eżerċitawx kontroll fuqhom infushom fit-​trattament tagħhom maʼ aħwa nisa fil-​kongregazzjoni! Ftit tas-​snin ilu, wieħed anzjan ġie maqtugħ mis-​sħubija għaliex kien ikkommetta adulterju maʼ oħt Kristjana li r-​raġel tagħha maʼ kienx Xhud. Fl-​istess lejla li ġie mħabbar il-​qtugħ mis-​sħubija taʼ dak li qabel kien anzjan, ir-​raġel l-​offiż daħal fil-​Kingdom Hall bi xkubetta u spara tiri fuq iż-​żewġ individwi ħatjin. Ħadd ma ġie maqtul, u l-​arma ttieħdet minn idejh immedjatament, imma l-​għada gazzetta ewlenija ġabet fil-​faċċata l-​aħbar dwar ‘sparar fi knisja.’ X’disprezz ġab fuq il-​kongregazzjoni u fuq isem Jehovah dak in-​nuqqas taʼ kontroll mill-​anzjan fuqu nnifsu!

Kontroll Fuqhom Infushom f’Aspetti Oħra

16. L-​anzjani għala jridu joqogħdu attenti li jeżerċitaw kontroll fuqhom infushom meta jagħtu taħdidiet pubbliċi?

16 Il-​kontroll fuqu nnifsu huwa wkoll meħtieġ meta anzjan jagħti taħdita pubblika. Kelliemi pubbliku għandu jkun mudell taʼ wieħed li hu kunfidenti u rpożat. Xi wħud jipprovaw jiddevertu lis-​semmiegħa tagħhom b’rimarki spirtu pront bil-​għan biss li jdaħħqu. Dan jistaʼ jikxef li hu qed iċedi għat-​tentazzjoni li jrid jogħġob lill-​udjenza. M’għandniex xi ngħidu, kull meta wieħed iċedi għat-​tentazzjoni jkun qed juri nuqqas taʼ kontroll fuqu nnifsu. Jistaʼ saħansitra jingħad illi li wieħed jiskorri l-​ħin meta jkun qed jagħti taħdita jikxef nuqqas taʼ kontroll fuqu nnifsu, kif ukoll nuqqas taʼ preparazzjoni suffiċjenti.

17, 18. F’li anzjan jibbilanċja d-​diversi responsabbiltajiet tiegħu liema rwol għandu l-​kontroll fuqu nnifsu?

17 Kull anzjan li jaħdem iebes irid jiffaċċja l-​isfida taʼ li jibbilanċja d-​diversi esiġenzi li hemm fuq ħinu u fuq l-​enerġija tiegħu. Jirrikjedi kontroll fuqu nnifsu biex ma jmurx f’estrem jew ieħor. Xi anzjani tant iħabblu rashom dwar l-​esiġenzi tal-​kongregazzjoni li jittraskuraw lill-​familji tagħhom. B’hekk, meta waħda oħt qalet lil mart wieħed anzjan dwar iż-​żjara pastorali mill-​aħjar li kien għamlilha, mart l-​anzjan qalet: “Kemm nixtieq li jagħmel xi żjara pastorali lili xi darba!”−1 Timotew 3:​2, 4, 5.

18 Anzjan ukoll irid ikollu kontroll fuqu nnifsu biex jibbilanċja l-​ħin li hu jqattaʼ fi studju persunali mal-​ħin li hu jqattaʼ fis-​servizz tal-​għalqa jew fuq żjajjar pastorali. Minħabba li l-​qalb umana hi tant qarrieqa, hu faċli ferm għal anzjan biex iqattaʼ iktar ħin milli suppost f’dak li jsib li hu l-​iktar pjaċevoli għalih. Jekk iħobb il-​kotba, faċli li jqattaʼ iktar ħin jagħmel studju persunali iktar milli jmissu. Jekk isib ix-​xogħol minn dar għal dar xi ftit diffiċli, forsi jittraskura dan bi skuża li jrid jagħmel żjajjar pastorali.

19. Liema obbligu għandhom l-​anzjani li jenfasizza l-​ħtieġa għal kontroll fuqhom infushom?

19 L-​obbligu li jżomm il-​kunfidenzjalità wkoll jirrikjedi li anzjan ikun attent biex jipprattika b’mod sod il-​kontroll fuqu nnifsu. Pertinenti hawn huwa l-​parir: “Tirrivelax il-​kliem kunfidenzjali taʼ ħaddieħor.” (Proverbji 25:9) L-​esperjenza tissuġġerixxi li din hi waħda mill-​iktar ħtiġijiet li jonqsu fiha l-​anzjani. Jekk anzjan għandu mara għaqlija u maħbuba li magħha għandu komunikazzjoni tajba, jistaʼ jkun hemm it-​tendenza min-​naħa tiegħu li jiddiskuti jew sempliċement isemmi materji taʼ natura kunfidenzjali. Imma dan ikun mhux xieraq u ferm mhux għaqli. L-​ewwelnett, dan ikun tradiment taʼ fiduċja. L-​aħwa rġiel u nisa spiritwali jiġu għand l-​anzjani u jiftħu qalbhom magħhom għaliex għandhom il-​fiduċja li l-​kwistjoni se tinżamm strettament kunfidenzjali. Li taqsam materji kunfidenzjali mal-​mara huwa ħażin, mhux għaqli, u mhux taʼ mħabba wkoll għaliex dan ipoġġi piż bla bżonn fuq spallejha.—Proverbji 10:19; 11:13.

20. Għala hu tant importanti għall-​anzjani li jeżerċitaw kontroll fuqhom infushom?

20 Bla dubju, il-​kontroll fuqek innifsek hu tant u tant importanti, u b’mod speċjali għall-​anzjani! Billi ġew fdati bil-​privileġġ li jieħdu t-​tmexxija fost il-​poplu t’Alla, huma jridu jagħtu kont akbar. Ladarba ħafna ġie mogħti lilhom, ħafna se jkun meħtieġ minnhom. (Luqa 12:48; 16:10; qabbel Ġakbu 3:1.) Huwa l-​privileġġ u d-​dmir tal-​anzjani li jkunu taʼ eżempju mill-​aħjar għal oħrajn. Iktar minn hekk, anzjani maħturin huma f’pożizzjoni li jagħmlu iktar ġid jew iktar ħsara minn oħrajn, jiddependi taʼ spiss fuq jekk jipprattikawx il-​kontroll fuqhom infushom jew le. Mhux taʼ b’xejn li Pawlu qal: “Indokratur irid ikun . . . jikkontrolla lilu nnifsu.”

Tiftakar?

◻ Liema ħtiġijiet Skritturali tal-​anzjani juru li jridu jeżerċitaw kontroll fuqhom infushom?

◻ L-​anzjani għala jinħtieġu il-​kontroll fuqhom infushom meta jaġixxu maʼ sħabhom li jemmnu?

◻ L-​anzjani kif għandhom jeżerċitaw kontroll fuqhom infushom ◻ fil-​laqgħat tagħhom?

◻ Liema sfida hi ppreżentata mill-​ħtieġa li l-​anzjani jżommu l-​kunfidenzjalità?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja