LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 11/1 pp. 8-13
  • Nisa li Ferrħu Qalb Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nisa li Ferrħu Qalb Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nisa li Sfidaw Fargħun
  • Mara li Qabel Kienet Żienja Tferraħ Qalb Jehovah
  • Imbierka Minħabba l-​Għaqal Tagħha
  • Tistaʼ Int Tkun bħal Abigajl?
  • Rċiviet “Ħlas taʼ Profeta”
  • Aġixxiet b’Għaqal
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Abigajl u David
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Kienet “Dikjarata Ġusta bl-Għemejjel”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • X’inhu l-irwol tan-nisa fl-iskop taʼ Ġeħova?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 11/1 pp. 8-13

Nisa li Ferrħu Qalb Jehovah

“Il-​Mulej iħallsek taʼ għemilek. Ħlasek ikun sħiħ mingħand il-​Mulej.”​—RUT 2:​12.

1, 2. Kif nistgħu nibbenefikaw jekk nirriflettu fuq eżempji Bibliċi taʼ nisa li ferrħu qalb Jehovah?

IL-​BIŻAʼ t’Alla qanqal lil żewġ nisa biex jisfidaw Fargħun. Il-​fidi qanqlet lil mara żienja biex tissogra ħajjitha sabiex tipproteġi żewġ spiji Iżraelin. L-​għaqal u l-​umiltà waqt kriżi għenu lil waħda mara ssalva l-​ħajjiet taʼ ħafna u twaqqaf lill-​midluk taʼ Jehovah milli jsir ħati tad-​demm. Il-​fidi f’Alla Jehovah flimkien maʼ spirtu t’ospitalità qanqlu lil waħda armla u omm biex tagħti l-​aħħar naqra ikel tagħha lill-​profeta t’Alla. Dawn huma biss ftit mill-​ħafna eżempji Skritturali taʼ nisa li ferrħu qalb Jehovah.

2 L-attitudni taʼ Jehovah lejn dawn in-​nisa u l-​barkiet li tahom juru li l-​iktar affarijiet li jogħġbu lil Jehovah huma l-​kwalitajiet spiritwali, li huma ħafna iktar importanti minn jekk dak li jkun huwiex taʼ sess maskil jew femminil. Fid-​dinja taʼ llum, iffissata kif inhi b’affarijiet fiżiċi, hu diffiċli li tagħti prijorità lill-​ispiritwalità tiegħek. Imma dan huwa possibbli, kif juru miljuni taʼ nisa li jibżgħu minn Alla u li jifformaw parti kbira mill-​poplu t’Alla llum. Dawn in-​nisa Kristjani jimitaw il-​fidi, l-​għaqal, l-​ospitalità, u kwalitajiet oħra mill-​isbaħ li wrew nisa li kienu jibżgħu minn Alla msemmijin fil-​Bibbja. M’għandniex xi ngħidu, irġiel Kristjani wkoll iridu jimitaw il-​kwalitajiet li wrew dawn in-​nisa eżemplari fi żmien il-​qedem. Sabiex naraw kif nistgħu nagħmlu dan iktar bis-​sħiħ, ejja nikkunsidraw f’iktar dettall ir-​rakkonti Bibliċi dwar in-​nisa li ssemmew fil-​bidu.​—Rumani 15:4; Ġakbu 4:8.

Nisa li Sfidaw Fargħun

3, 4. (a) Sifra u Pugħa għala rrifjutaw li jobdu lill-​Fargħun meta ordna li kull tifel Iżraeli li jitwieled kellu jinqatel? (b) Jehovah kif ippremja liż-​żewġ qwiebel għall-​kuraġġ tagħhom u l-​biżaʼ t’Alla li wrew?

3 Fil-ġurijiet taʼ Nuremberg, li nżammu fil-​Ġermanja wara t-​Tieni Gwerra Dinjija, ħafna li kienu ħatja taʼ qtil tal-​massa pprovaw jiġġustifikaw id-​delitti li kkommettew bl-​argument li huma kienu sempliċement qed jobdu l-​ordnijiet. Issa qabbel lil dawn l-​individwi maż-​żewġ qwiebel Iżraelin, Sifra u Pugħa, li kienu jgħixu fl-​Eġittu tal-​qedem matul il-​ħakma taʼ Fargħun li għalkemm ma nafux x’jismu nafu li kien tirann. Minħabba li beżaʼ għax il-​popolazzjoni Lhudija kienet qed tiżdied ħafna, il-​Fargħun ordna liż-​żewġ qwiebel biex jagħmlu żgur li kull tifel Lhudi li jitwieled jiġi maqtul. In-​nisa kif wieġbu għal dan il-​kmand kiefer? “Ma għamlux kif qalilhom is-​sultan taʼ l-​Eġittu, imma ħallew is-​subjien ħajjin.” (Korsiv tagħna.) Dawn in-​nisa għala ma ċedewx għall-​biżaʼ mill-​bniedem? Għaliex “beżgħu minn Alla.”​—Eżodu 1:​15, 17; Ġenesi 9:6.

4 Iva, il-​qwiebel stkennu f’Jehovah, u hu kien “tarka” għalihom, billi pproteġiehom mir-​rabja tal-​Fargħun. (2 Samwel 22:31; Eżodu 1:​18-​20) Imma din ma kinitx l-​unika barka li tahom Jehovah. Hu ppremja lil Sifra u lil Pugħa billi huma stess kellhom il-​familji tagħhom. Hu saħansitra onora lil dawn in-​nisa billi niżżel isimhom u l-​għemejjel tagħhom fil-​Kelma ispirata tiegħu biex il-​ġenerazzjonijiet futuri jaqraw dwarhom, waqt li l-​isem tal-​Fargħun intilef tul iż-​żminijiet.​—Eżodu 1:​21; 1 Samwel 2:​30b; Proverbji 10:7.

5. Ħafna nisa Kristjani llum kif juru l-​istess attitudni li wrew Sifra u Pugħa, u Jehovah kif se jippremjahom?

5 Hawn nisa bħal Sifra u Pugħa llum? Iva, dażgur! Kull sena, eluf taʼ nisa bħal dawn jippridkaw bla biżaʼ l-​messaġġ tal-​Bibbja li jsalva l-​ħajjiet f’pajjiżi fejn “l-​ordni tas-​sultan” ma tħallihomx jagħmlu dan, u b’hekk jissograw il-​libertà tagħhom jew saħansitra ħajjithom. (Lhud 11:23; Atti 5:​28, 29) Imqanqlin mill-​imħabba għal Alla u għall-​ġirien, dawn in-​nisa kuraġġużi ma jħallu lil ħadd iwaqqafhom milli jaqsmu l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla m’oħrajn. Minħabba f’hekk, ħafna nisa Kristjani jissieltu kontra l-​oppożizzjoni u l-​persekuzzjoni. (Mark 12:​30, 31; 13:​9-​13) Bħal fil-​każ taʼ Sifra u Pugħa, Jehovah jaf bl-​għemejjel taʼ dawn in-​nisa eċċellenti u kuraġġużi, u hu se juri l-​imħabba tiegħu lejhom billi jippreserva isimhom “fil-​ktieb tal-​ħajja” tiegħu, basta huma jibqgħu leali sa l-​aħħar.​—Filippin 4:3; Mattew 24:13.

Mara li Qabel Kienet Żienja Tferraħ Qalb Jehovah

6, 7. (a) Raħab x’kienet taf dwar Jehovah u l-​poplu tiegħu, u dan l-​għarfien kif effettwaha? (b) Il-​Kelma t’Alla kif tonora lil Raħab?

6 Fis-sena 1473 Q.E.K., mara żienja jisimha Raħab kienet tgħix fil-​belt Kangħanija taʼ Ġeriko. B’mod evidenti, Raħab kienet mara li tħobb iżżomm ruħha informata sew. Meta żewġ spiji Iżraelin fittxew il-​kenn f’darha, hi setgħet tirrakkontalhom dettalji speċifiċi dwar l-​Eżodu mirakoluż taʼ Iżrael mill-​Eġittu, avolja dan kien seħħ 40 sena qabel! Hi kienet taf ukoll bir-​rebħiet iktar reċenti li Iżrael kellu fuq is-​Slaten Amurrin Siħon u Għog. Innota kif effettwaha dan l-​għarfien. Hi qalet lill-​ispiji: “Jien naf li l-​Mulej takom f’idejkom din l-​art . . . Tassew li l-​Mulej, Alla tagħkom, hu Alla fis-​sema minn fuq u fuq l-​art minn taħt.” (Ġożwè 2:​1, 9-​11) Iva, dak li Raħab saret taf dwar Jehovah u l-​għemejjel tiegħu għan-​nom taʼ Iżrael messilha qalbha u ġagħalha jkollha fidi fih.​—Rumani 10:10.

7 Il-fidi taʼ Raħab qanqlitha biex tieħu azzjoni. Hi laqgħet lill-​ispiji Iżraelin “bis-​sliem,” u obdiet l-​istruzzjonijiet tagħhom li salvaw il-​ħajjiet meta Iżrael attakka lil Ġeriko. (Lhud 11:31; Ġożwè 2:​18-​21) M’hemm ebda dubju li l-​għemejjel taʼ fidi taʼ Raħab ferrħu qalb Jehovah, għax hu nebbaħ lid-​dixxiplu Kristjan Ġakbu biex iniżżel isimha flimkien maʼ dak t’Abraham, il-​ħabib t’Alla, bħala eżempju għall-​Kristjani biex jimitawh. Ġakbu kiteb: “Hekk ukoll Raħab iż-​żienja; jaqaw mhux bl-​għemil kienet iġġustifikata meta laqgħet lill-​messaġġiera u bagħtithom minn triq oħra?”​—Ġakbu 2:​25.

8. Jehovah kif bierek lil Raħab għall-​fidi u l-​ubbidjenza tagħha?

8 Jehovah ippremja lil Raħab b’ħafna modi. Mod wieħed kien li hu mirakolożament salvalha ħajjitha u l-​ħajjiet taʼ dawk kollha li fittxew il-​kenn f’darha​—jiġifieri, “il-​familja taʼ missierha u kull ma kellha.” Imbagħad ħalla lil dawn l-​uħud jgħixu “f’Iżrael,” fejn kellhom jiġu trattati daqslikieku ma kinux barranin. (Ġożwè 2:​13; 6:​22-​25; Levitiku 19:​33, 34) Imma dan mhux kollox. Jehovah ta lil Raħab ukoll l-​unur li ssir antenata taʼ Ġesù Kristu. X’turija taʼ l-​għaġeb tal-​qalb tajba bl-​imħabba lejn mara Kangħanija li darba kienet tqim l-​idoli!a​—Salm 130:​3, 4.

9. L-​attitudni taʼ Jehovah lejn Raħab u ċerti nisa Kristjani fl-​ewwel seklu kif tistaʼ tkun inkuraġġanti għal xi nisa llum?

9 Bħal Raħab, xi nisa Kristjani, mill-​ewwel seklu sa llum il-​ġurnata, abbandunaw ħajja immorali sabiex jogħġbu lil Alla. (1 Korintin 6:​9-​11) Bla dubju, xi wħud minnhom trabbew f’ambjent li jistaʼ jitqabbel maʼ dak taʼ Kangħan tal-​qedem, li fih l-​immoralità kienet komuni u saħansitra meqjusa bħala xi ħaġa normali. Madankollu, huma bidlu ħajjithom għax ġew imqanqlin mill-​fidi bbażata fuq għarfien eżatt taʼ l-​Iskrittura. (Rumani 10:17) B’hekk, jistaʼ jingħad ukoll li “Alla ma jistmellx jissejjaħ Alla” taʼ dawn in-​nisa. (Lhud 11:16) Kemm hu taʼ unur dan!

Imbierka Minħabba l-​Għaqal Tagħha

10, 11. Liema ċirkustanzi li jinvolvu lil Nabal u lil David iqanqlu lil Abigajl biex tieħu azzjoni?

10 Ħafna nisa leali tal-​qedem urew b’mod li jispikka l-​kwalità taʼ l-​għaqal, u dan għamilhom prezzjużi għall-​poplu taʼ Jehovah. Waħda minn dawn in-​nisa kienet Abigajl, il-​mara taʼ Nabal, raġel Iżraeli għani li kellu ħafna artijiet. L-​għaqal t’Abigajl għen biex isalva l-​ħajjiet u waqqaf lil David, is-​sultan futur taʼ Iżrael, milli jsir ħati tad-​demm. Nistgħu naqraw dwar Abigajl fir-​rakkont li nsibu fl-​1 Samwel kapitlu 25.

11 Kif jibda r-​rakkont, David u s-​segwaċi tiegħu jarmaw it-​tined tagħhom ħdejn l-​imrieħel taʼ Nabal, u b’qalb tajba lejn ħuhom Iżraeli jipproteġuhomlu mingħajr ħlas bil-​lejl u bi nhar. Meta l-​provvisti taʼ David ikunu kważi spiċċaw, hu jibgħat għaxart irġiel żgħażagħ għand Nabal biex jitolbuh xi ħaġa taʼ l-​ikel. Nabal issa ġietu opportunità biex juri l-​apprezzament tiegħu lejn David u biex jonorah bħala l-​midluk taʼ Jehovah. Imma Nabal jagħmel l-​oppost. Bir-​rabja, hu jinsulta lil David u jibgħat lill-​irġiel ’l hemm b’idhom f’idhom. Meta David jismaʼ dwar dan, hu jiġbor 400 raġel armati u joħroġ biex jivvindika ruħu. Abigajl issir taf bit-​tweġiba ħarxa tar-​raġel tagħha u taġixxi malajr u bil-​għaqal biex tberred lil David billi tibgħatlu ammont kbir taʼ provvisti. Imbagħad hi stess tmur tiltaqaʼ maʼ David.​—Versi 2-​20.

12, 13. (a) Abigajl kif uriet li kienet għaqlija kif ukoll leali lejn Jehovah u l-​wieħed midluk tiegħu? (b) Abigajl x’għamlet meta rritornat id-​dar, u x’sar minnha?

12 Meta Abigajl tiltaqaʼ maʼ David, l-​appell umli tagħha għall-​ħniena juri r-​rispett profond tagħha għall-​midluk taʼ Jehovah. “Il-​Mulej għad jibni dar soda għal dejjem lil sidi; għax qiegħed jiġġieled il-​gwerer tal-​Mulej,” hi tgħid, u żżid li Jehovah se jaħtar lil David bħala l-​mexxej taʼ Iżrael. (Versi 28-​30) Fl-​istess ħin, Abigajl turi kuraġġ kbir billi tgħid lil David li jekk ikompli bil-​ħsieb tiegħu li jivvindika ruħu u ma jikkontrollax lilu nnifsu, dan kien se jwassal għall-​ħtija tad-​demm. (Versi 26, 31) David jiġi f’sensih minħabba l-​umiltà, ir-​rispett profond, u l-​loġika t’Abigajl. Hu jwieġeb: “Mbierek il-​Mulej, Alla taʼ Iżrael, li bagħtek illum tiltaqaʼ miegħi. Mbierek l-​għaqal tiegħek, u mbierka int li ma ħallejtnix illum inxerred id-​demm.”​—Versi 32, 33.

13 X’ħin tasal lura d-​dar, Abigajl bil-​kuraġġ kollu tmur biex tgħid lir-​raġel tagħha bir-​rigal li tat lil David. Madankollu, meta ssibu hu jkun “f’sakra kbira.” Għalhekk, tistenna sakemm jiġi f’sikktu u mbagħad tgħidlu. Nabal kif jirreaġixxi? Tant kemm jinħasad jinħakem minn tip taʼ paralisi. Għaxart ijiem wara Alla jiħodlu ħajtu. Meta David isir jaf bil-​mewt taʼ Nabal, hu jitlob lil Abigajl, li mid-​dehra jammiraha u jirrispettaha profondament, biex tiżżewġu. Abigajl taċċetta l-​offerta taʼ David.​—Versi 34-​42.

Tistaʼ Int Tkun bħal Abigajl?

14. Liema kwalitajiet t’Abigajl forsi nixtiequ nikkultivaw iktar bis-​sħiħ?

14 Tara xi kwalitajiet f’Abigajl li int​—sew jekk int raġel u sew jekk int mara​—tixtieq tikkultiva iktar bis-​sħiħ? Forsi tixtieq taġixxi iktar bil-​prudenza u bil-​għaqal meta jqumu d-​diffikultajiet. Jew forsi tixtieq titkellem b’mod kalm u raġunevoli meta l-​emozzjonijiet t’oħrajn madwarek huma intensi. Jekk dan hu l-​każ, għala ma titlobx lil Jehovah dwar il-​kwistjoni? Hu jwiegħed li jagħti l-​għerf, id-​dixxerniment, u l-​abbiltà tal-​ħsieb lil dawk kollha li jibqgħu ‘jitolbu bil-​fidi.’​—Ġakbu 1:​5, 6; Proverbji 2:​1-6, 10, 11.

15. F’liema ċirkustanzi huwa importanti speċjalment li nisa Kristjani juru l-​kwalitajiet li wriet Abigajl?

15 Dawn il-​kwalitajiet mill-​isbaħ huma importanti speċjalment għal mara li żewġha m’huwiex taʼ l-​istess twemmin u li ftit jagħti kas, jekk jagħti, tal-​prinċipji Bibliċi. Forsi jixrob iżżejjed. Nittamaw li dawn l-​irġiel jinbidlu. Ħafna diġà għamlu din il-​bidla​—spiss minħabba l-​mod teneru, ir-​rispett profond, u l-​kondotta safja tan-​nisa tagħhom.​—1 Pietru 3:​1, 2, 4.

16. Ikunu xi jkunu ċ-​ċirkustanzi fid-​dar, oħt Kristjana kif għandha turi li hi tgħożż ir-​relazzjoni tagħha maʼ Jehovah iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra?

16 Ikunu xi jkunu d-​diffikultajiet li forsi jkollok tkampa magħhom id-​dar, ftakar li Jehovah hu dejjem hemm lest biex jappoġġak. (1 Pietru 3:​12) Għalhekk, stinka biex issaħħaħ lilek innifsek spiritwalment. Itlob għall-​għerf u l-​qalb kalma. Iva, ersaq eqreb lejn Jehovah permezz taʼ studju tal-​Bibbja regulari, talb, meditazzjoni, u sħubija maʼ Kristjani sħabek. L-​imħabba t’Abigajl għal Alla u l-​attitudni tagħha lejn il-​qaddej midluk tiegħu ma kinux effettwati mill-​ħarsa xejn spiritwali tar-​raġel tagħha. Hi aġixxiet fuq il-​bażi taʼ prinċipji ġusti. Anki f’dar fejn ir-​raġel hu qaddej eżemplari t’Alla, mara Kristjana taf li għandha bżonn tkompli taħdem iebes biex tibni u żżomm l-​ispiritwalità tagħha stess. Veru, ir-​raġel tagħha għandu d-​dmir Skritturali li jieħu ħsiebha spiritwalment u materjalment, imma fl-​aħħar mill-​aħħar, hi nfisha għandha ‘tħabrek għas-​salvazzjoni tagħha bil-​biżaʼ u t-​tregħid.’—Filippin 2:​12; 1 Timotju 5:8.

Rċiviet “Ħlas taʼ Profeta”

17, 18. (a) L-​armla taʼ Sarefta ġiet preżentata b’liema prova tal-​fidi mhux tas-​soltu? (b) L-​armla kif wieġbet għat-​talba taʼ Elija, u Jehovah kif ippremjaha għal dan?

17 Il-mod li bih Jehovah ħa ħsieb armla fqira fi żmien il-​profeta Elija juri li hu japprezza ħafna lil dawk li jappoġġaw il-​qima vera billi jagħtu minnhom infushom u mir-​riżorsi tagħhom. Minħabba nixfa twila fi żmien Elija, il-​ġuħ effettwa lil ħafna, inkluż armla u t-​tifel żgħir tagħha li kienu jgħixu f’Sarefta. Eżatt x’ħin kienu waslu biex jieklu l-​aħħar ikla tagħhom, ġie jżurhom xi ħadd​—il-​profeta Elija. Hu talab xi ħaġa mhux tas-​soltu. Għalkemm kien jaf bl-​għawġ li kienet tinsab fih il-​mara, hu talabha tagħmillu “ftira żgħira” bl-​aħħar naqra żejt u dqiq li kellha. Imma hu żied: “Għax din hi l-​kelma tal-​Mulej, Alla taʼ Iżrael: Il-​ġarra tad-​dqiq ma tintemm qatt, u l-​kus taż-​żejt ma jitbattalx, sa dak in-​nhar li l-​Mulej jibgħat ix-​xita fil-​pajjiż.”​—1 Slaten 17:​8-​14.

18 Int kieku kif kont twieġeb għal din it-​talba straordinarja? L-​armla taʼ Sarefta, li mid-​dehra kienet taf li Elija kien il-​profeta taʼ Jehovah, “għamlet kif qalilha Elija.” Jehovah b’liema mod ippremjaha għall-​ospitalità tagħha? Hu pprovda mirakolożament ikel għall-​mara, għal binha, u għal Elija waqt in-​nixfa. (1 Slaten 17:​15, 16) Iva, Jehovah ta lill-​armla taʼ Sarefta “ħlas taʼ profeta,” avolja ma kinitx Iżraelija. (Mattew 10:41) L-​Iben t’Alla wkoll onora lil din l-​armla meta semmieha bħala eżempju quddiem in-​nies bla fidi taʼ pajjiżu, Nazaret.​—Luqa 4:​24-​26.

19. Ħafna nisa Kristjani llum b’liema modi juru l-​istess spirtu taʼ l-​armla taʼ Sarefta, u Jehovah kif iħossu dwar dawn l-​uħud?

19 Illum, ħafna nisa Kristjani juru l-​istess spirtu li wriet l-​armla taʼ Sarefta. Per eżempju, kull ġimgħa, nisa Kristjani mhux egoisti​—li ħafna minnhom huma foqra u għandhom familja x’jieħdu ħsieb—juru ospitalità lill-​indokraturi li jivvjaġġaw u lin-​nisa tagħhom. Oħrajn jistiednu lil ministri full-time lokali għall-​ikel, jgħinu lil dawk fil-​bżonn, jew b’xi mod ieħor jagħtu minnhom infushom u mir-​riżorsi tagħhom biex jappoġġaw ix-​xogħol tas-​Saltna. (Luqa 21:4) Jinnotahom Jehovah dawn is-​sagrifiċċji? Dażgur! “Għax Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-​imħabba li wrejtu lejn ismu meta qdejtu u għadkom taqdu lill-​qaddisin.”​—Lhud 6:​10.

20. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

20 Fl-ewwel seklu, diversi nisa li kienu jibżgħu minn Alla kellhom il-​privileġġ li jaqdu lil Ġesù u lill-​appostli tiegħu. Fl-​artiklu li jmiss, se niddiskutu kif dawn in-​nisa ferrħu qalb Jehovah, u se nikkunsidraw l-​eżempji taʼ nisa li llum jaqdu lil Jehovah b’qalb sħiħa, anki f’ċirkustanzi diffiċli.

[Nota taʼ taħt]

a Id-dixxendenza taʼ Ġesù, kif inhi dokumentata minn Mattew, issemmi erbaʼ nisa b’isimhom​—Tamar, Raħab, Rut, u Marija. Kollha huma rispettati ħafna fil-​Kelma t’Alla.​—Mattew 1:​3, 5, 16.

Bħala Reviżjoni

• Dawn in-​nisa kif ferrħu qalb Jehovah?

• Sifra u Pugħa

• Raħab

• Abigajl

• L-​armla taʼ Sarefta

• Jekk nimmeditaw fuq l-​eżempji taʼ dawn in-​nisa kif nistgħu niġu megħjunin personalment? Agħti eżempju.

[Stampi f’paġna 9]

Ħafna nisa leali qdew lil Alla minkejja “l-​ordni tas-​sultan”

[Stampa f’paġna 10]

Raħab għala hija eżempju mill-​aqwa taʼ xi ħadd li għandu l-​fidi?

[Stampa f’paġna 10]

Liema kwalitajiet li wriet Abigajl tixtieq timita?

[Stampa f’paġna 12]

Ħafna nisa Kristjani llum juru l-​istess spirtu taʼ l-​armla taʼ Sarefta

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja