LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 11/15 pp. 8-12
  • ‘Immaniġġa Sew il-Kelma t’Alla’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Immaniġġa Sew il-Kelma t’Alla’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Pawlu​—Proklamatur Żeluż tas-​Saltna
  • Il-​Ministeru Tagħna Jrid Ikun Ibbażat fuq il-​Kelma t’Alla
  • L-​Imġiba Tagħna Trid Tkun Tajba
  • Il-​Kelma t’Alla Għandha Qawwa li Tbiddel il-​Ħajjiet
  • Ibqaʼ Immaniġġa Sew il-​Kelma t’Alla
  • Qiegħed Int Timmaniġġa L-Kelma T’Alla Sewwa?
    Il-Ministeru tas-Saltna—1996
  • Użaw “is-Sejf taʼ l-Ispirtu” bis-Sengħa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Il-​kaxxa tal-​għodda tat-​tagħlim li għandna
    Il-Ministeru tas-Saltna—2015
  • Ngħallmu l-verità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 11/15 pp. 8-12

‘Immaniġġa Sew il-​Kelma t’Alla’

“Agħmel ħiltek kollha biex tippreżenta lilek innifsek approvat quddiem Alla, ħaddiem li m’għandux imniex jistħi, billi timmaniġġa sew il-​kelma tal-​verità.”​—2 TIMOTJU 2:​15, NW.

1, 2. (a) Il-​ħaddiema għala għandhom bżonn l-​għodda? (b) Il-​Kristjani f’liema xogħol qed jieħdu sehem, u kif juru li jfittxu l-​ewwel is-​Saltna?

IL-​ĦADDIEMA għandhom bżonn l-​għodda sabiex ikunu jistgħu jaħdmu. Però, m’huwiex biżżejjed li sempliċement ikollhom kwalunkwe għodda. Ħaddiem għandu bżonn l-​għodda t-​tajba, u jrid jużaha kif suppost. Per eżempju, jekk tkun qed tagħmel xi ħaġa taʼ l-​injam u tkun trid twaħħal żewġ injamiet flimkien, ikollok bżonn iktar minn sempliċement martell u msiemer. Trid tkun taf kif issammar musmar ġo l-​injam mingħajr ma tgħawġu. Jekk tipprova ssammar il-​musmar ġo l-​injam mingħajr ma tkun taf kif tuża l-​martell sew se ssibha diffiċli kif ukoll frustranti. Imma għodda maniġġata tajjeb tgħinna llestu x-​xogħol b’riżultati tajbin.

2 Bħala Kristjani, aħna għandna xogħol xi nwettqu. Dan huwa xogħol taʼ l-​akbar importanza. Ġesù Kristu ħeġġeġ lis-​segwaċi tiegħu biex ‘ifittxu l-​ewwel is-​Saltna.’ (Mattew 6:33) Dan kif nistgħu nagħmluh? Mod wieħed huwa li nkunu żelużi fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli. Mod ieħor huwa li jkollna l-​ministeru tagħna bbażat fuq il-​Kelma t’Alla. It-​tielet mod huwa li jkollna mġiba tajba. (Mattew 24:14; 28:​19, 20; Atti 8:25; 1 Pietru 2:12) Sabiex inkunu effettivi u ferħanin f’dan ix-​xogħol Kristjan li ġejna inkarigati nagħmlu, għandna bżonn għodda xierqa u għarfien taʼ kif nimmaniġġawha sew. F’dan ir-​rigward, l-​appostlu Pawlu ħallielna eżempju mill-​aqwa bħala ħaddiem Kristjan, u inkuraġġixxa lil sħabu fit-​twemmin biex jimitawh. (1 Korintin 11:1; 15:10) Għalhekk, mela, x’nistgħu nitgħallmu minn Pawlu, seħibna fix-​xogħol?

Pawlu​—Proklamatur Żeluż tas-​Saltna

3. Għala nistgħu ngħidu li l-​appostlu Pawlu kien ħaddiem żeluż tas-​Saltna?

3 Pawlu x’tip taʼ ħaddiem kien? Ċertament li hu kien żeluż. Pawlu stinka bil-​ħeġġa kollha, u xerred l-​aħbar tajba f’ħafna postijiet fl-​inħawi taʼ madwar il-​Mediterran. Meta ta raġuni għall-​entużjażmu li kellu biex jipproklama s-​Saltna, dan l-​appostlu li qatt ma kien jgħejja qal: “Jekk jiena nxandar l-​Evanġelju ma għandix biex niftaħar; jien obbligat nagħmlu dan. Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-​Evanġelju.” (1 Korintin 9:16) Kien Pawlu interessat f’li jsalva ħajtu biss? Le. Hu ma kienx bniedem egoist. Minflok, hu xtaq li oħrajn ukoll jibbenefikaw mill-​aħbar tajba. Hu kiteb: “Nagħmel dan kollu minħabba l-​Evanġelju biex ikolli sehem minnu [“m’oħrajn,” NW].”​—1 Korintin 9:​23.

4. Il-​ħaddiema Kristjani lil liema għodda jagħtu l-​iktar importanza?

4 L-​appostlu Pawlu kien ħaddiem modest li rrealizza li ma setax jistrieħ biss fuq l-​abbiltajiet persunali li kellu. Bħalma mastrudaxxa għandu bżonn martell, Pawlu kellu bżonn l-​għodda xierqa biex idaħħal il-​verità t’Alla fil-​qlub tas-​semmiegħa tiegħu. Liema għodda uża primarjament? Hu uża l-​Kelma t’Alla, l-​Iskrittura Mqaddsa. Bl-​istess mod, l-​għodda prinċipali li aħna nużaw biex tgħinna nagħmlu dixxipli hija l-​Bibbja, li issa hija kompleta.

5. Sabiex inkunu ministri effettivi, x’għandna bżonn nagħmlu minbarra li nikkwotaw l-​iskritturi?

5 Pawlu kien jaf illi biex timmaniġġa l-​Kelma t’Alla sewwa kien hemm iktar involut milli sempliċement tikkwota minnha. Hu uża l‘persważjoni.’ (Atti 28:23) Kif? Bl-​użu tal-​Kelma miktuba, Pawlu rnexxielu jipperswadi lil ħafna biex jaċċettaw il-​verità dwar is-​Saltna. Hu rraġuna magħhom. Għal tliet xhur f’sinagoga f’Efesu, Pawlu kien “jitkellem bi qlubija kbira u jfittex li jipperswadihom fuq is-​Saltna taʼ Alla.” Filwaqt li “xi wħud kienu jwebbsu rashom u ma ridux jemmnu,” oħrajn qagħdu jisimgħu. B’riżultat tal-​ministeru taʼ Pawlu f’Efesu, “il-​kelma tal-​Mulej baqgħet tikber u tissaħħaħ bil-​qawwa kollha.”​—Atti 19:​8, 9, 20.

6, 7.Pawlu kif igglorifika l-​ministeru tiegħu, u aħna kif nistgħu nagħmlu l-​istess ħaġa?

6 Bħala proklamatur żeluż tas-​Saltna, Pawlu ‘għamel ġieħ lill-​ministeru tiegħu.’ (Rumani 11:13) Kif? Hu ma kienx ħsiebu fl-​avanz persunali; lanqas ma kien jistħi li jkun magħruf pubblikament bħala wieħed mill-​ħaddiema t’Alla. Minflok, hu ħares lejn il-​ministeru tiegħu bħala l-​ogħla unur. Pawlu mmaniġġa l-​Kelma t’Alla bis-​sengħa u b’mod effettiv. L-​attività produttiva taʼ Pawlu pprovdiet inċentiv għal oħrajn, u għenet biex tqanqalhom ħalli jwettqu l-​ministeru tagħhom iktar bis-​sħiħ. B’dan il-​mod ukoll, il-​ministeru tiegħu kien glorifikat.

7 Bħal Pawlu, aħna nistgħu nigglorifikaw ix-​xogħol li nagħmlu bħala ministri billi nużaw il-​Kelma t’Alla spiss u b’mod effettiv. Fl-​aspetti kollha tas-​servizz taʼ l-​għalqa, il-​mira tagħna għandha tkun li naqsmu xi ħaġa mill-​Iskrittura maʼ kemm nies possibbli. Dan kif nistgħu nagħmluh b’persważjoni? Ikkunsidra tliet modi importanti: (1) Idderieġi l-​attenzjoni lejn il-​Kelma t’Alla b’mod li joħloq rispett lejha. (2) Spjega bit-​tattika dak li tgħid il-​Bibbja u uri kif dan jistaʼ jiġi applikat. (3) Irraġuna mill-​Iskrittura b’mod li jikkonvinċi.

8. Liema għodda biex nippridkaw is-​Saltna għandna llum, u int kif użajtha?

8 Illum il-​proklamaturi tas-​Saltna għandhom għodda li Pawlu ma kellux matul il-​ministeru tiegħu. Din l-​għodda tinkludi kotba, rivisti, browxers, volantini, fuljetti, kif ukoll audio u video recordings. Fis-​seklu l-​ieħor, intużaw ukoll kards tat-​testimonjanza, fonografi, karozzi bil-​loudspeakers, u xandiriet bir-​radju. Ovvjament, l-​aqwa għodda li għandna hija l-​Bibbja, u aħna għandna bżonn nagħmlu użu tajjeb u xieraq minn din l-​għodda indispensabbli.

Il-​Ministeru Tagħna Jrid Ikun Ibbażat fuq il-​Kelma t’Alla

9, 10. Dwar l-​użu tal-​Kelma t’Alla, x’nistgħu nitgħallmu mill-​parir taʼ Pawlu lil Timotju?

9 Kif nistgħu nużaw il-​Kelma t’Alla bħala għodda effettiva? Billi nobdu l-​kliem li Pawlu qal lill-​ħaddiem sieħbu Timotju: “Agħmel ħiltek kollha biex tippreżenta lilek innifsek approvat quddiem Alla, ħaddiem li m’għandu xejn mniex jistħi, billi timmaniġġa l-​kelma tal-​verità sewwa.” (2 Timotju 2:​15, NW) X’jinvolvi li “timmaniġġa l-​kelma tal-​verità sewwa”?

10 Il-​kelma Griega li ġiet tradotta “timmaniġġa sewwa” letteralment tfisser “taqtaʼ dritt” jew “li tagħmel passaġġ f’direzzjoni dritta.” Huwa biss fit-​twissija taʼ Pawlu lil Timotju li tintuża din l-​espressjoni fl-​Iskrittura Griega Kristjana. L-​istess kelma tistaʼ tintuża biex tiddeskrivi lil xi ħadd li jkun qed jaħrat radda dritta ġo għalqa. Radda mgħawġa żgur li tkun taʼ mistħija għal bidwi taʼ l-​esperjenza. Sabiex ikun “ħaddiem li m’għandux imniex jistħi,” Timotju ġie mfakkar li l-​ebda tagħwiġ tal-​veritajiet mgħallma fil-​Kelma t’Alla ma setaʼ jkun permess. Timotju ma kellux iħalli l-​opinjonijiet persunali tiegħu jinfluwenzaw it-​tagħlim tiegħu. Hu kellu jibbaża l-​ippridkar u t-​tagħlim tiegħu fuq l-​Iskrittura biss. (2 Timotju 4:​2-4) B’dan il-​mod, individwi taʼ qalb onesta kienu se jiġu mgħallmin biex iqisu l-​affarijiet kif iqishom Jehovah, u biex ma jadottawx filosofiji dinjin. (Kolossin 2:​4, 8) L-​istess jgħodd għal-​lum.

L-​Imġiba Tagħna Trid Tkun Tajba

11, 12. X’effett jistaʼ jkollha l-​imġiba tagħna fuq li nimmaniġġaw sew il-​Kelma t’Alla?

11 Irridu nagħmlu iktar milli nimmaniġġaw sew il-​Kelma t’Alla billi nxandru l-​veritajiet tagħha. L-​imġiba tagħna trid tkun fi qbil magħha. “Aħna ħaddiema maʼ Alla,” u għalhekk m’għandniex inkunu ħaddiema ipokriti. (1 Korintin 3:9) Il-​kelma t’Alla tgħid: “Int li tgħallem lil ħaddieħor, ma tgħallimx lilek innifsek? Int tippriedka: La tisraqx, u tisraq? Tgħid: La tiżnix, u tiżni? Int tistkerrah lill-​idoli, u tisraq it-​tempji tagħhom?” (Rumani 2:​21, 22) Għalhekk, mod wieħed kif aħna, bħala ħaddiema t’Alla llum, nistgħu nimmaniġġaw sew il-​Kelma t’Alla huwa billi nobdu t-​twissija: “Ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-​għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.”​—Proverbji 3:​5, 6.

12 X’riżultati nistgħu nistennew meta nimmaniġġaw sew il-​Kelma t’Alla? Ikkunsidra l-​qawwa li l-​Kelma miktuba t’Alla jistaʼ jkollha fuq il-​ħajjiet taʼ individwi taʼ qalb onesta.

Il-​Kelma t’Alla Għandha Qawwa li Tbiddel il-​Ħajjiet

13. L-​applikar tal-​Kelma t’Alla x’jistaʼ jipproduċi ġo persuna?

13 Meta naċċettawh bħala li hu awtorevoli, il-​messaġġ tal-​Kelma t’Alla jħalli influwenza dinamika li tgħin lin-​nies jagħmlu bidliet taʼ l-​għaġeb f’ħajjithom. Pawlu kien ra kemm taħdem il-​Kelma t’Alla u kien xhud taʼ l-​effett tajjeb tagħha fuq dawk li kienu saru Kristjani f’Tessalonika tal-​qedem. Għalhekk hu qalilhom: “Aħna niżżu ħajr bla heda lil Alla talli l-​kelma taʼ Alla, li intom smajtu mingħandna, lqajtuha mhux bħala kelma taʼ bniedem, iżda bħala kelma taʼ Alla, kif tassew hi, dik il-​kelma li qiegħda taħdem fikom li emmintu.” (1 Tessalonikin 2:​13) Għal dawk il-​Kristjani​—fil-​fatt, għas-​segwaċi veri kollha taʼ Kristu​—il-​loġika dgħajfa tal-​bniedem lanqas qatt ma tistaʼ titqabbel maʼ l-​għerf suprem t’Alla. (Isaija 55:9) It-​Tessalonikin ‘laqgħu l-​kelma fost ħafna taħbit bil-​ferħ taʼ l-​Ispirtu s-​Santu’ u saru eżempji għal dawk kollha li emmnu.​—1 Tessalonikin 1:​5-7.

14, 15. Il-​messaġġ tal-​Kelma t’Alla x’qawwa għandu, u għala?

14 Il-​Kelma t’Alla hija dinamika bħalma huwa s-​Sors tagħha, Jehovah. Din tiġi mingħand “Alla l-​ħaj,” il-​wieħed li b’kelmtu “saru s-​smewwiet,” u li din l-​istess kelma ‘ttemm dak li jkun bagħatha tagħmel.’ (Lhud 3:​12; Salm 33:​6; Isaija 55:11) Wieħed studjuż tal-​Bibbja kkummenta: “Alla ma jifridx lilu nnifsu mill-​Kelma tiegħu. Hu ma jiċħadhiex bħallikieku kienet xi ħaġa li m’għandhiex x’taqsam miegħu. . . . Għalhekk, qatt m’hija xi ħaġa mejta, li ma tiġix effettwata b’dak li jsir minnha; għaliex hija rabta t’unjoni m’Alla l-​ħaj.”

15 Kemm huwa b’saħħtu l-​messaġġ li joħroġ mill-​Kelma t’Alla? Dan għandu qawwa tremenda. Bix-​xieraq, Pawlu kiteb: “Il-​kelma taʼ Alla hi ħajja u qawwija, taqtaʼ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-​ruħ u l-​ispirtu u l-​ġogi u l-​mudullun; u tgħarbel il-​ħsibijiet u l-​fehmiet tal-​qalb.”​—Lhud 4:​12.

16. Il-​Kelma t’Alla kif tistaʼ tbiddel persuna għalkollox?

16 Il-​messaġġ fil-​Kelma miktuba t’Alla ‘jaqtaʼ iktar minn xabla b’żewġt ixfar.’ Għalhekk, dan għandu qawwa tremenda li tinfed u li tgħaddi lil kull għodda jew strument tal-​bniedem. Il-​Kelma t’Alla tinfed l-​iktar partijiet ġewwinija taʼ individwu u tistaʼ tbiddlu minn ġewwa, teffettwa l-​mod kif jaħseb u dak li jħobb, u tagħmlu wkoll ħaddiem aċċettabbli, bi kwalitajiet li jogħġbu lil Alla. X’għodda b’saħħitha!

17. Spjega l-​qawwa li tbiddel tal-​Kelma t’Alla.

17 Il-​Kelma t’Alla tikxef kif persuna tassew hi minn ġewwa u mhux dak li taħseb li hi jew dak li trid iġġiegħel lil oħrajn jarawha. (1 Samwel 16:7) Anki persuna mill-​agħar kultant tistaʼ taħbi dak li hi minn ġewwa bl-​atti taʼ ħniena u devozzjoni reliġjuża li tagħmel għal għajn in-​nies. Nies mill-​agħar juru wiċċ b’ieħor għal raġunijiet ħżiena. Nies imkabbrin jinħbew wara maskra taʼ umiltà għaliex jixtiequ li n-​nies ifaħħruhom. Madankollu, billi tikxef x’verament hemm fil-​qalb, il-​Kelma t’Alla tistaʼ tqanqal lil xi ħadd umli biex jinżaʼ minn fuqu l-​personalità l-​qadima u jilbes “il-​bniedem il-​ġdid, maħluq skond Alla, fil-​ġustizzja u l-​qdusija tassew.” (Efesin 4:​22-24) It-​tagħlim tal-​Kelma t’Alla jistaʼ wkoll ibiddel lil nies mistħija f’Xhieda taʼ Jehovah kuraġġużi u proklamaturi żelużi tas-​Saltna.​—Ġeremija 1:​6-9.

18, 19. Mill-​paragrafu jew minn esperjenzi persunali fis-​servizz taʼ l-​għalqa, uri kif il-​verità tal-​Bibbja tistaʼ tbiddel l-​attitudni taʼ dak li jkun.

18 Il-​qawwa li tbiddel tal-​Kelma t’Alla għandha effett pożittiv fuq in-​nies kullimkien. Per eżempju, xi proklamaturi tas-​Saltna minn Phnom Penh, fil-​Kambodja, kienu jippridkaw fil-​provinċja taʼ Kompong Cham darbtejn fix-​xahar. Wara li saċerdotessa semgħet lil xi membri tal-​kleru jgħidu kontra x-​Xhieda taʼ Jehovah, hi rranġat biex tiltaqaʼ max-​Xhieda taʼ Jehovah meta jkun imisshom iżuru dik il-​provinċja. Hi bbombardjathom bil-​mistoqsijiet dwar iċ-​ċelebrar tal-​festi u fetħet par widnejn daqsiex hekk kif huma bdew jirraġunaw magħha u juruha mill-​Iskrittura. Imbagħad kollha mgħaġġba qalet: “Issa naf li dak li qalu dwarkom il-​qassisin l-​oħra m’huwiex minnu! Huma qalu li intom ma tużawx il-​Bibbja, imma dal-għodu ħlief hekk m’għamiltux!”

19 Din il-​mara kompliet id-​diskussjonijiet tagħha minn fuq il-​Bibbja max-​Xhieda u ma ħallietx it-​theddid li titneħħa minn saċerdotessa jwaqqafha. Hi tkellmet dwar id-​diskussjonijiet Skritturali tagħha maʼ ħabiba tagħha, li mbagħad bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda wkoll. Din il-​ħabiba tant saret entużjasta dwar dak li kienet qed titgħallem li waqt waħda mill-​funzjonijiet fil-​knisja li tattendi hi, tqanqlet biex tgħid, “Ejjew, studjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah!” Ftit wara dan, din il-​mara li qabel kienet saċerdotessa u oħrajn bdew jistudjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah.

20. L-​esperjenza taʼ waħda mara mill-​Gana kif turi l-​qawwa tal-​Kelma t’Alla?

20 Il-​qawwa tal-​Kelma t’Alla tistaʼ tidher ukoll fil-​każ taʼ Paulina, waħda mara mill-​Gana. Waħda proklamatriċi full-time tas-​Saltna kienet tagħmlilha studju tal-​Bibbja mill-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem.a Paulina kienet miżżewġa lil raġel li kellu iktar minn mara waħda u ħasset il-​bżonn li tagħmel xi bidliet, imma r-​raġel tagħha u qrabatha kollha opponewha b’mod vjolenti. In-​nannu tagħha, imħallef fil-​qorti superjuri u raġel imlaħħaq fil-​knisja, ipprova jbiddlilha fehmitha billi applika ħażin l-​iskrittura taʼ Mattew 19:​4-6. L-​imħallef deher ċert, imma Paulina malajr irrealizzat li dan kien l-​istess bħal meta Satana għawweġ l-​Iskrittura meta ttanta lil Ġesù Kristu. (Mattew 4:​5-7) Hi ftakret fl-​istqarrija ċara taʼ Ġesù dwar iż-​żwieġ, li bażikament tgħid li Alla ħalaq lill-​bnedmin bħala raġel u mara, mhux raġel u nisa, u li t-​tnejn, mhux it-​tlieta kellhom isiru ġisem wieħed. Hi baqgħet iżżomm mad-​deċiżjoni tagħha u fl-​aħħar ngħatat id-​divorzju li jingħata s-​soltu f’każ taʼ żwieġ poligamu. Ftit wara dan, hi kienet proklamatriċi tas-​Saltna ferħana u mgħammda.

Ibqaʼ Immaniġġa Sew il-​Kelma t’Alla

21, 22. (a) Liema determinazzjoni nixtiequ li jkollna bħala proklamaturi tas-​Saltna? (b) X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

21 Il-​Kelma miktuba t’Alla hija verament għodda qawwija għalina biex nużawha ħalli ngħinu lil oħrajn jagħmlu bidliet f’ħajjithom sabiex jersqu qrib Jehovah. (Ġakbu 4:8) Bħalma ħaddiema tas-​sengħa jużaw l-​għodda biex ikollhom riżultati tajbin, jalla tkun id-​determinazzjoni tagħna li nagħmlu sforz ħabrieki biex nużaw il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, bis-​sengħa fix-​xogħol li Alla tana bħala proklamaturi tas-​Saltna.

22 Kif nistgħu nimmaniġġaw l-​Iskrittura b’mod iktar effettiv fix-​xogħol li għandna biex nagħmlu iktar dixxipli? Mod wieħed huwa billi niżviluppaw l-​abbiltajiet tagħna bħala għalliema konvinċenti. Jekk jogħġbok, ara l-​artiklu li jmiss, għaliex dan jissuġġerixxi xi modi kif tgħallem u tgħin lil oħrajn jaċċettaw il-​messaġġ tas-​Saltna.

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Tiftakar Int?

• Liema għodda hija disponibbli għall-​proklamaturi tas-​Saltna?

• Pawlu b’liema modi kien t’għajnuna bħala ħaddiem tas-​Saltna?

• X’hemm involut fl-​immaniġġar sew tal-​Kelma t’Alla?

• Il-​Kelma miktuba taʼ Jehovah kemm hija għodda b’saħħitha?

[Stampi f’paġna 10]

Xi wħud mill-​għodda li l-​Kristjani jużaw fix-​xogħol tax-​xandir tas-​Saltna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja