LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 1/15 pp. 4-7
  • Wegħdi li Tistaʼ Tafdahom

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Wegħdi li Tistaʼ Tafdahom
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Ebda Waħda mill-​Wegħdiet . . . Ma Naqset”
  • Rabbi Fiduċja fil-​Wegħdi t’Alla
  • Wegħdi Ċerti taʼ Ġenna fuq l-​Art
  • Aħna Se Nimxu f’Isem Jehovah għal Dejjem!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Il-Qaddejja taʼ Jehovah Għandhom Tama Vera
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Jehovah X’Jistenna Minna?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Għala Għandek Iżżomm il-Wegħdi Tiegħek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 1/15 pp. 4-7

Wegħdi li Tistaʼ Tafdahom

IL-​PROFETA t’Alla Mikea kien jaf li spiss il-​wegħdi ma tistax toqgħod fuqhom. Fi żmienu, saħansitra l-​iktar ħbieb intimi ma setgħux ikunu dejjem fdati li jżommu kelmithom. Għalhekk, Mikea wissa: “Tafdawx f’għajrkom, isserrħux raskom fuq il-​ħbieb. Oqgħod attent li ma tiftaħx fommok maʼ dik li tistrieħ fi ħdanek.”—Mikea 7:5.

Ħalla Mikea din is-​sitwazzjoni taʼ niket iġġagħlu jiddubita l-​wegħdi kollha? Le! Hu wera fiduċja sħiħa fil-​wegħdi li għamel Alla tiegħu, Jehovah. Mikea kiteb: “Imma jien nittama fil-​Mulej, nistenna ’l Alla tas-​salvazzjoni tiegħi.”—Mikea 7:7.

Mikea għala kellu din il-​fiduċja? Għaliex kien jaf li Jehovah dejjem iżomm kelmtu. Dak kollu li Alla kien wiegħed lill-​missirijiet tal-​qedem taʼ Mikea dejjem seħħ. (Mikea 7:20) Il-​fedeltà li Jehovah kien wera fil-​passat ġagħlet lil Mikea jemmen li Hu kien se jżomm kelmtu fil-​futur.

“Ebda Waħda mill-​Wegħdiet . . . Ma Naqset”

Per eżempju, Mikea kien jaf li Jehovah ħareġ lill-​Iżraelin mill-​jasar fl-​Eġittu. (Mikea 7:15) Ġożwè, li esperjenza dak il-​ħelsien, inkuraġġixxa lil sħabu l-​Iżraelin biex ikollhom fidi fil-​wegħdi kollha t’Alla. Fuq liema bażi? Ġożwè fakkarhom: “Kunu afu b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha li ebda waħda mill-​wegħdiet taʼ ġid li għamlilkom il-​Mulej, Alla tagħkom, ma naqset. Kollha seħħulkom, ebda waħda minnhom ma marret fix-​xejn!”—Ġożwè 23:14.

L-Iżraelin kienu jafu tajjeb li Jehovah kien għamel affarijiet taʼ l-​għaġeb għalihom. Hu kien wettaq il-​wegħda tiegħu lil Abraham, missierhom tal-​qedem li kellu l-​biżaʼ t’Alla, li n-​nisel tiegħu kien se jsir bla għadd daqs l-​istilel u kien se jieħu taħt idejh l-​art taʼ Kangħan. Jehovah qal ukoll lil Abraham li d-​dixxendenti tiegħu kienu se jbatu għal 400 sena imma kienu se jirritornaw lejn Kangħan “fir-​rabaʼ nisel.” Dan kollu seħħ.—Ġenesi 15:5-16; Eżodu 3:6-8.

L-Iżraelin ġew milqugħin tajjeb fl-​Eġittu fi żmien Ġużeppi, bin Ġakobb. Iktar tard, lEġizzjani bdew jgħakksuhom b’xogħol iebes bħala skjavi, imma eżatt bħalma kien wiegħed Alla, f’perijodu t’erbaʼ ġenerazzjonijiet wara xulxin miż-​żmien li daħlu l-​Eġittu, dawn id-​dixxendenti t’Abraham ġew meħlusin mill-​jasar Eġizzjan.a

Matul l-​40 sena taʼ wara, l-​Iżraelin kellhom iktar provi li Jehovah dejjem iżomm il-​wegħdi tiegħu. Meta l-​Għamalekin attakkaw għal xejn b’xejn lill-​Iżraelin, Alla ġġieled għall-​poplu tiegħu u pproteġiehom. Hu ssodisfa l-​bżonnijiet materjali tagħhom kollha matul l-​40 sena li damu jiġġerrew fid-​deżert sakemm eventwalment daħħalhom fl-​Art Imwiegħda. Hekk kif Ġożwè rriveda l-​istorja taʼ kif Jehovah ittratta maʼ dawn id-​dixxendenti t’Abraham, hu setaʼ bil-​fiduċja jgħid: “Ebda kelma taʼ ġid ma kien baqaʼ li ma seħħitx skond ma kien wiegħed il-​Mulej lid-​dar taʼ Iżrael. Kollox seħħ!”—Ġożwè 21:45.

Rabbi Fiduċja fil-​Wegħdi t’Alla

Kif tistaʼ tibni l-​fidi tiegħek fil-​wegħdi taʼ Jehovah, bħalma għamlu Mikea u Ġożwè? Kif trabbi fiduċja f’oħrajn? Billi ssir taf kemm jistaʼ jkun dwarhom. Per eżempju, tistaʼ titgħallem dwar kemm huma taʼ min joqgħod fuqhom billi tosserva jekk jipprovawx iwettqu fedelment il-​wegħdi kollha tagħhom. Hekk kif l-​għarfien tiegħek dwar dawn l-​uħud jikber, int iktar se trabbi fiduċja fihom. Int tistaʼ tagħmel l-​istess biex tibni l-​fidi tiegħek fil-​wegħdi t’Alla.

Mod wieħed kif tistaʼ tagħmel dan hu billi tirrifletti fuq il-​ħolqien u l-​liġijiet li jikkontrollawh. Ix-​xjenzati jpoġġu l-​fiduċja tagħhom f’dawn il-​liġijiet, bħal dawk li jikkontrollaw il-​mod kif ċellula waħda tal-​bniedem tinqasam u timmultiplika biex tipproduċi triljuni taʼ ċelluli li jifformaw lil ġismek. Fil-​fatt, il-​liġijiet li jikkontrollaw il-​materja u l-​enerġija fl-​univers kollu bilfors li ġew stabbiliti minn leġislatur li hu taʼ min jafdah. Żgur li tistaʼ tafda l-​wegħdi tiegħu, saħansitra bħalma għandek fiduċja fil-​liġijiet li jiggvernaw il-​ħolqien tiegħu.—Salm 139:14-16; Isaija 40:26; Lhud 3:4.

Permezz tal-​profeta Isaija, li kien jgħix fl-​istess żmien taʼ Mikea, Jehovah uża r-​regolarità taʼ l-​istaġuni u ċ-​ċiklu taʼ l-​ilma taʼ l-​għaġeb biex juri kemm kelmtu tistaʼ tiddependi minnha. Kull sena kienet tinżel ix-​xita, l-​art kienet tixxarrab, u dan għamilha possibbli biex in-​nies jiżirgħu u jaħsdu l-​prodott. F’dan ir-​rigward Jehovah qal: “Bħalma x-​xita u s-​silġ jinżlu mis-​smewwiet, u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-​art, imma jġegħluha tnissel u tnibbet, u tagħti ż-​żerriegħa ’l min jiżraʼ u l-​ħobż ’il min jiekol, hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.”—Isaija 55:10, 11.

Wegħdi Ċerti taʼ Ġenna fuq l-​Art

Jekk teżamina l-​ħolqien tkun tistaʼ tkabbar il-​fiduċja fil-​Ħallieq, imma hemm bżonn taʼ xi ħaġa iktar jekk trid titgħallem dwar il-​wegħdi li huma parti mill-​‘kelma li toħroġ minn fommu.’ Sabiex titgħallem dwar dawn il-​wegħdi biex tkun tistaʼ tafda fihom, trid teżamina r-​rakkont Skritturali ispirat minn Alla dwar l-​iskopijiet tiegħu għall-​art u l-​mod kif jittratta maʼ l-​umanità.—2 Timotju 3:14-17.

Il-profeta Mikea kellu fiduċja fil-​wegħdi taʼ Jehovah. Int għandek saħansitra iktar kitbiet ispirati disponibbli milli kellu Mikea. Waqt li taqra l-​Bibbja u timmedita fuqha, int ukoll tistaʼ tibni l-​fidi tiegħek fit-​twettiq tal-​wegħdi t’Alla. Dawn il-​wegħdi jinvolvu mhux biss lid-​dixxendenti naturali t’Abraham imma lill-​umanità kollha. Jehovah wiegħed lil dan il-​patrijarka li kellu l-​biżaʼ t’Alla: “U jitbierku b’nislek il-​ġnus kollha taʼ l-​art talli smajt minn kelmti.” (Ġenesi 22:18) Il-​Messija, Ġesù Kristu hu l-​parti primarja tan-​“nisel,” jew id-​dixxendenza, t’Abraham.—Galatin 3:16.

Permezz taʼ Ġesù Kristu, Jehovah se jara li barkiet se jgelglu fuq l-​umanità ubbidjenti. U Alla x’wiegħed li se jagħmel fi żmienna? Mikea 4:1, 2 iwieġeb b’dan il-​kliem profetiku: “Għad jiġri fl-​aħħar jiem li l-​għolja taʼ dar il-​Mulej togħla ’l fuq mill-​qċaċet tal-​muntanji, u tintrefaʼ ’l fuq mill-​għoljiet. Lejha għad jiġu l-​popli kollha, kotra sħiħa taʼ ġnus għad jiġu u jgħidu: ‘Immorru u nitilgħu fuq l-​għolja tal-​Mulej, lejn id-​dar taʼ Alla taʼ Ġakobb, biex jgħallimna triqatu, biex aħna nimxu fi triqtu. Għax minn Sijon toħroġ il-​liġi, u l-​kelma tal-​Mulej minn Ġerusalemm.’”

Dawk li jitgħallmu dwar il-​mogħdijiet taʼ Jehovah se jdewbu “x-​xwabel tagħhom . . . f’sikek, u l-​lanez tagħhom fi mnieġel.” Kwalunkwe tendenzi taʼ gwerra jisparixxu. L-​art dalwaqt se timtela b’nies retti, u ħadd m’hu se jġagħalhom jitriegħdu bil-​biżaʼ. (Mikea 4:3, 4) Iva, il-​Kelma t’Alla twiegħed li taħt il-​ħakma tas-​Saltna f’idejn Ġesù Kristu, Jehovah se jeħles l-​art mill-​oppressuri kollha.—Isaija 11:6-9; Danjel 2:44; Apokalissi 11:18.

Anki dawk li sofrew u mietu bħala riżultat tar-​ribelljoni tal-​bniedem kontra Alla se jiġu rxoxtati bil-​prospett li jgħixu għal dejjem fuq l-​art. (Ġwanni 5:28, 29) Satana u d-​demonji tiegħu, ix-​xewwiexa tal-​ħażen, mhux se jkunu preżenti, u l-​effetti tad-​dnub taʼ Adam se jitneħħew permezz tas-​sagrifiċċju li Ġesù ħallas bħala fidwa. (Mattew 20:28; Rumani 3:23, 24; 5:12; 6:23; Apokalissi 20:1-3) U x’se tkun is-​sitwazzjoni tal-​bnedmin ubbidjenti? Dawn se jitbierku b’ħajja taʼ dejjem b’saħħa perfetta fuq art magħmula ġenna!—Salm 37:10, 11; Luqa 23:43; Apokalissi 21:3-5.

X’wegħdi meraviljużi! Imma tistaʼ temminhom? Daż-żgur li tistaʼ. Dawn m’humiex il-​wegħdi taʼ bnedmin li forsi għandhom intenzjonijiet tajbin imma m’għandhomx il-​qawwa biex iwettquhom. Dawn huma l-​wegħdi t’Alla li Jistaʼ Kollox, li ma jistax jigdeb u li ma ‘jiddawwarx li jtemm il-​wegħdiet tiegħu.’ (2 Pietru 3:9; Lhud 6:13-18) Int jistaʼ jkollok fiduċja sħiħa fil-​wegħdi kollha li hemm fil-​Bibbja, għax is-​Sors tagħhom huwa Jehovah il-​“Mulej, Alla tas-​sewwa.”—Salm 31:6 (31:5, NW).

[Nota taʼ taħt]

a Ara Insight on the Scriptures, l-​1 volum, paġni 911-12, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Kumment f’paġna 6]

“Ebda waħda mill-​wegħdiet taʼ ġid li għamlilkom il-​Mulej, Alla tagħkom, ma naqset.”—Ġożwè 23:14

[Stampi f’paġna 4 , 5]

Jehovah żamm il-​wegħdi li għamel lill-​Iżraelin qrib il-​Baħar l-​Aħmar u fix-​xagħri

[Stampi f’paġna 7]

Jehovah wettaq il-​wegħda li għamel lil Abraham. In-​Nisel tiegħu, Ġesù Kristu, se jġib barkiet għall-​umanità

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja