“Ilsir” li hu Kemm Leali u Kemm Diskret
“Intom min tgħidu li hu [“l-ilsir leali u diskret,” “NW”]? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq niesu?”—Mattew 24:45.
1, 2. Għala huwa vitali li ningħataw provvista regulari taʼ ikel spiritwali llum?
IT-TLIETA wara nofsinhar, il-11 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K., id-dixxipli taʼ Ġesù qajmu mistoqsija li hija importanti ħafna għalina llum. Huma staqsewh: “X’se jkun is-sinjal tal-miġja tiegħek u taʼ tmiem id-dinja?” Bi tweġiba, Ġesù lissen profezija taʼ min jinnotaha. Hu tkellem dwar perijodu taʼ taqlib kollu gwerer, ġuħ, terremoti, u mard. U dan kellu jkun biss “il-bidu taʼ tbatija kbira.” Is-sitwazzjoni kellha tmur għall-agħar. Xi prospett tal-biżaʼ!—Mattew 24:3, 7, 8, 15-22; Luqa 21:10, 11.
2Mill-1914 ’l hawn seħħew ħafna mill-aspetti tal-profezija taʼ Ġesù. It-“tbatija kbira” qiegħda fuq il-bnedmin b’intensità li ma bħalha. Però, il-Kristjani veri m’għandhomx għalfejn jibżgħu. Ġesù wiegħed li kien se jsostnihom b’ikel spiritwali li jsaħħaħhom. Ladarba Ġesù issa jinsab fis-sema, kif ħejja l-affarijiet għalina hawnhekk fuq l-art sabiex ningħataw il-provvista taʼ l-ikel spiritwali tagħna?
3. Ġesù liema arranġamenti ħejja għalina sabiex ningħataw ‘nieklu fil-ħin’?
3 Ġesù nnifsu indika t-tweġiba taʼ din il-mistoqsija. Meta kien qed jagħti l-profezija kbira tiegħu, hu staqsa: “Intom min tgħidu li hu [“l-ilsir leali u diskret,” NW]? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq niesu biex jagħtihom jieklu fil-ħin?” Imbagħad qal: “Hieni dak [“l-ilsir,” NW] li sidu jiġi u jsibu jaqdi dmiru. Tassew, ngħidilkom, li jafdalu ġidu kollu f’idejh.” (Mattew 24:45-47) Iva, kellu jkun hemm “ilsir” li kien ġie inkarigat biex jipprovdi l-ikel spiritwali, “ilsir” li kellu jkun kemm leali u kemm diskret. Kien dan l-ilsir xi individwu partikulari, għadd taʼ suċċessuri, jew xi ħaġa oħra? Peress li l-ilsir leali jipprovdi ikel spiritwali li hu bżonnjuż ferm, huwa taʼ ġid għalina li nsiru nafu t-tweġiba.
Individwu Wieħed jew Klassi taʼ Nies?
4. Kif nafu li “l-ilsir leali u diskret” ma jistax ikun individwu wieħed?
4 “L-ilsir leali u diskret” ma jistax ikun individwu wieħed. Għala le? Għaliex l-ilsir beda jservi l-ikel spiritwali lura fl-ewwel seklu, u skond Ġesù, l-ilsir kellu jkun għadu qed jagħmel dan meta jasal is-Sid fl-1914. Dan ikun ifisser li individwu wieħed ikun ilu 1,900 sena jaqdi lealment. Lanqas Matusala ma għex daqshekk!—Ġenesi 5:27.
5. Spjega għala t-terminu “lsir leali u diskret” ma japplikax għal kull Kristjan b’mod individwali.
5 Allura, jistaʼ t-terminu “lsir leali u diskret” japplika f’sens ġenerali għal kull Kristjan individwali? Huwa minnu li l-Kristjani kollha jridu jkunu leali u diskreti; madankollu, Ġesù b’mod ċar kellu xi ħaġa oħra f’moħħu meta tkellem dwar “l-ilsir leali u diskret.” Dan kif nafuh? Għaliex hu qal li meta “sidu jiġi” kellu jafda “ġidu kollu” f’idejn dan l-ilsir. (Korsiv tagħna.) Kif jistaʼ kull Kristjan individwali jitqiegħed fuq kollox—fuq il-ġid “kollu” li jappartjeni lis-sid? Ma jistax ikun!
6. Il-ġens taʼ Iżrael kif kellu jservi bħala “l-qaddej,” jew “l-ilsir” t’Alla?
6 Mela, l-unika konklużjoni raġunevoli hija li Ġesù kien qed jirreferi għal grupp taʼ Kristjani bħala “l-ilsir leali u diskret.” Jistaʼ jkun li teżisti xi ħaġa bħal din, ilsir kompost minn diversi membri? Iva. Sebaʼ mitt sena qabel Kristu, Jehovah irrefera għall-ġens sħiħ taʼ Iżrael bħala “x-xhieda tiegħi” u “l-qaddej tiegħi li jiena ħtart.” (Isaija 43:10, korsiv tagħna.) Kull membru tal-ġens taʼ Iżrael sa mill-1513 Q.E.K., meta ngħatat il-Liġi Mosajka, sa Pentekoste tas-sena 33 E.K., kien jagħmel parti minn din il-klassi tal-qaddej. Ħafna mill-Iżraelin ma kellhomx sehem dirett fit-tmexxija taʼ l-affarijiet tal-ġens jew fil-mod kif jiġi koordinat il-programm biex jingħata l-ikel spiritwali. Jehovah uża s-slaten, l-imħallfin, il-profeti, il-qassisin, u l-Leviti biex iwettqu dawn l-inkarigi. Xorta waħda, bħala ġens, Iżrael kellu jirrappreżenta s-sovranità taʼ Jehovah u jfaħħru fost il-ġnus. Kull Iżraeli kellu jkun xhud taʼ Jehovah.—Dewteronomju 26:19; Isaija 43:21; Malakija 2:7; Rumani 3:1, 2.
“Qaddej” Jitkeċċa
7. Il-ġens taʼ Iżrael tal-qedem għala ma kienx kwalifikat bħala l-“qaddej” t’Alla?
7 Ladarba l-ġens taʼ Iżrael kien il-“qaddej” t’Alla sekli ilu, kien dan l-istess ilsir li tkellem dwaru Ġesù? Le, għax Iżrael tal-qedem b’dispjaċir la kien leali u lanqas diskret. Pawlu ġabar fil-qosor is-sitwazzjoni meta kkwota l-kliem taʼ Jehovah lill-ġens: “L-isem taʼ Alla hu mżeblaħ fost il-ġnus minħabba fikom.” (Rumani 2:24) Tabilħaqq, Iżrael laħaq quċċata fl-istorja twila tiegħu taʼ ribelljoni billi ċaħad lil Ġesù, u f’dan il-waqt Jehovah ċaħad lilu.—Mattew 21:42, 43.
8. Meta ġie inkarigat “qaddej” biex jieħu post Iżrael, u f’liema ċirkustanzi?
8 Dan in-nuqqas taʼ lealtà min-naħa tal-“qaddej,” Iżrael, ma kienx ifisser li l-aduraturi leali kienu se jibqgħu mingħajr provvista taʼ ikel spiritwali. F’Pentekoste tas-sena 33 E.K., 50 jum wara l-irxoxt taʼ Ġesù, l-ispirtu qaddis tferraʼ fuq madwar 120 mid-dixxipli tiegħu li kienu fil-kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm. F’dak il-mument twieled ġens ġdid. B’mod xieraq, it-twelid tiegħu xxandar fil-beraħ meta l-membri tiegħu bil-kuraġġ kollu bdew jgħidu lill-abitanti taʼ Ġerusalemm dwar “l-għeġubijiet taʼ Alla.” (Atti 2:11) Għalhekk, dan il-ġens il-ġdid, ġens spiritwali, sar “qaddej” li kellu jiddikjara l-glorja taʼ Jehovah lill-ġnus u jipprovdilhom l-ikel fiż-żmien xieraq. (1 Pietru 2:9) Bix-xieraq beda jissejjaħ l-“Iżrael taʼ Alla.”—Galatin 6:16.
9. (a) “L-ilsir leali u diskret” minn min hu magħmul? (b) Min huma “niesu”?
9 Kull membru taʼ l-“Iżrael taʼ Alla” hu Kristjan dedikat u mgħammed, midluk bl-ispirtu qaddis u bit-tama għas-sema. Għalhekk, l-espressjoni “lsir leali u diskret” tirreferi għall-membri kollha taʼ dan il-ġens spiritwali midluk bħala grupp fuq l-art fi kwalunkwe żmien bejn is-sena 33 E.K. u llum. Dan hu sewwa sew bħalma kull Iżraeli li għex fi kwalunkwe żmien bejn l-1513 Q.E.K. sa Pentekoste tas-sena 33 E.K. kien jagħmel parti mill-klassi tal-qaddej taʼ qabel il-Kristjanità. Madankollu, min huma “niesu,” li jingħataw in-nutriment spiritwali mill-ilsir? Fl-ewwel seklu E.K., kull Kristjan kien iħaddan it-tama għas-sema. Għalhekk, niesu kienu wkoll Kristjani midlukin, meta jitqiesu mhux bħala grupp imma bħala individwi. Kulħadd, inkluż dawk li kellhom pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà fil-kongregazzjoni, kellu bżonn l-ikel spiritwali mill-ilsir.—1 Korintin 12:12, 19-27; Lhud 5:11-13; 2 Pietru 3:15, 16.
“Kull Wieħed fuq Xogħlu”
10, 11. Kif nafu li mhux il-membri kollha tal-klassi taʼ l-ilsir għandhom l-istess inkarigu taʼ xogħol?
10 Waqt li l-“Iżrael taʼ Alla” huwa l-klassi taʼ l-ilsir leali u diskret b’inkarigu taʼ xogħol, kull membru għandu wkoll responsabbiltajiet persunali. Dan jiġi ċċarat fil-kliem taʼ Ġesù dokumentat f’Mark 13:34. Hu qal: “Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqaʼ jishar.” (Korsiv tagħna.) Għalhekk, kull membru tal-klassi taʼ l-ilsir ngħata inkarigu—li jżid il-ġid taʼ Kristu fuq l-art. Kull wieħed iwettaq dan l-inkarigu skond l-abbiltajiet tiegħu u l-opportunitajiet li jkollu.—Mattew 25:14, 15.
11 Iktar minn hekk, l-appostlu Pietru qal lill-Kristjani midlukin taʼ żmienu: “Aqdu lil xulxin, kull wieħed skond id-don li ħa, bħala amministraturi tajba tal-grazzja taʼ Alla, li hi taʼ ħafna xorta.” (1 Pietru 4:10, Saydon, korsiv tagħna.) Għalhekk, dawn l-uħud midlukin għandhom ir-responsabbiltà li jaqdu lil xulxin waqt li jużaw id-doni li tahom Alla. Iktar minn hekk, il-kliem taʼ Pawlu jindika li mhux il-Kristjani kollha kien se jkollhom l-istess abbiltajiet, responsabbiltajiet, jew privileġġi. Madankollu, kull membru tal-klassi taʼ l-ilsir setaʼ jikkontribwixxi b’xi mod għat-tkabbir tal-ġens spiritwali. Kif?
12. Kull membru tal-klassi taʼ l-ilsir, sew jekk raġel u sew jekk mara, kif jistaʼ jikkontribwixxi għat-tkabbir taʼ l-ilsir?
12 L-ewwelnett, kull wieħed kien responsabbli li jkun xhud taʼ Jehovah u jippriedka l-aħbar tajba tas-Saltna. (Isaija 43:10-12; Mattew 24:14) Eżatt qabel telaʼ s-sema, Ġesù kkmanda lid-dixxipli leali tiegħu kollha, kemm irġiel u kemm nisa, biex ikunu għalliema. Hu qal: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.”—Korsiv tagħna; Mattew 28:19, 20.
13. Liema privileġġ gawdew il-midlukin kollha?
13 Meta nstabu dixxipli ġodda, dawn kellhom jiġu mgħallma sew biex iħarsu dak kollu li Kristu kien ikkmanda lid-dixxipli tiegħu. Maż-żmien, uħud li wieġbu għall-messaġġ saru jikkwalifikaw biex jgħallmu lil oħrajn. Ikel spiritwali li jsaħħaħ sar disponibbli għall-membri prospettivi tal-klassi taʼ l-ilsir f’ħafna ġnus. Il-Kristjani midlukin kollha, irġiel u nisa, ħadu sehem f’li jwettqu l-inkarigu li jagħmlu dixxipli. (Atti 2: 17, 18) Dan ix-xogħol kellu jitkompla minn meta l-klassi taʼ l-ilsir bdiet xogħolha sat-tmiem taʼ din is-sistema t’affarijiet.
14. Il-privileġġi li jkunu għalliema fil-kongregazzjoni għal min kienu limitati, u n-nisa midlukin leali kif ħassewhom dwar dan?
14 Il-midlukin li kienu għadhom kif tgħammdu saru parti mill-ilsir, u minkejja min għallimhom fil-bidu, huma komplew jiġu mgħallma mill-membri tal-kongregazzjoni li kellhom il-kwalifiki Skritturali biex jaqdu bħala anzjani. (1 Timotju 3:1-7; Titu 1:6-9) Dawn l-irġiel maħturin b’hekk kellhom il-privileġġ li jikkontribwixxu għat-tkabbir tal-ġens b’mod speċjali. Nisa Kristjani midlukin li kienu leali ma ħassewhomx offiżi minħabba li l-irġiel Kristjani biss ngħataw l-inkarigu biex jgħallmu fil-kongregazzjoni. (1 Korintin 14:34, 35) Minflok, kienu kuntenti li setgħu jibbenefikaw mix-xogħol iebes tal-membri rġiel fil-kongregazzjoni u kienu grati għall-opportunitajiet speċjali taʼ servizz li ngħataw lin-nisa, inkluż dik li jaqsmu l-aħbar tajba maʼ l-oħrajn. Aħwa nisa midlukin u żelużi llum juru l-istess attitudni taʼ umiltà, kemm jekk l-anzjani maħturin ikunu mill-midlukin u kemm jekk le.
15. Minfejn ġie primarjament l-ikel spiritwali fl-ewwel seklu, u min ħa t-tmexxija biex jipprovdih?
15 L-ikel spiritwali u fundamentali li ngħata fl-ewwel seklu ġie direttament mill-ittri taʼ l-appostli u dixxipli oħra li kienu qed jieħdu t-tmexxija. L-ittri li kitbu—speċjalment dawk li jinsabu fost is-27 ktieb ispirat li jifformaw l-Iskrittura Griega—għaddew minn kongregazzjoni għall-oħra u żgur li pprovdew il-bażi tat-tagħlim li kienu jgħallmu l-anzjani lokali. B’dan il-mod, ir-rappreżentanti taʼ l-ilsir qassmu fedelment ikel spiritwali abbundanti lill-Kristjani sinċieri. Il-klassi taʼ l-ilsir taʼ l-ewwel seklu wriet li kienet leali fl-inkarigu li ngħatat.
L-“Ilsir” 19-il Seklu Wara
16, 17. Il-klassi taʼ l-ilsir kif uriet li kienet leali fil-mod kif wettqet l-inkarigu tagħha fis-snin taʼ qabel l-1914?
16 Xi ngħidu għal-lum? Meta fl-1914 bdiet il-preżenza taʼ Ġesù, sab hu grupp taʼ Kristjani midlukin li kienu lealment qed iqassmu l-ikel spiritwali fil-ħin? Dażgur li sab! Dan il-grupp jistaʼ jiġi identifikat b’mod ċar minħabba l-frott mill-aqwa li kien qed jipproduċi. (Mattew 7:20) Minn dakinhar ’l hawn l-istorja wriet li din l-identifikazzjoni kienet korretta.
17 Fi żmien il-miġja taʼ Ġesù, xi 5,000 persuna min–nies taʼ daru kienu okkupati jxerrdu l-verità tal-Bibbja. Il-ħaddiema kienu ftit, imma l-ilsir uża għadd taʼ metodi oriġinali li bihom setaʼ jxerred l-aħbar tajba. (Mattew 9:38) Per eżempju, saru arranġamenti biex jiġu pubblikati priedki fuq suġġetti Bibliċi f’xi 2,000 gazzetta. B’dan il-mod, il-verità tal-Kelma t’Alla laħqet lil għaxriet t’eluf taʼ qarrejja f’salt wieħed. Barra minn hekk, tħejja programm taʼ tmien sigħat fejn intwerew slides bil-kulur u stampi jiċċaqalqu. Minħabba din il-preżentazzjoni innovattiva, il-messaġġ tal-Bibbja, mill-bidu tal-Ħolqien sa l-aħħar tas-Saltna t’Elf Sena taʼ Kristu, ngħata lil total t’udjenza taʼ iktar minn disaʼ miljun ruħ fi tliet kontinenti. Il-letteratura stampata kienet mezz ieħor li ntuża. Per eżempju, fl-1914 ġew stampati xi 50,000 kopja taʼ din ir-rivista.
18. Ġesù meta ħatar lill-ilsir fuq ġidu, u għala?
18 Iva, meta wasal is-Sid, hu sab lill-ilsir leali tiegħu jitmaʼ lil niesu b’mod kuxjenzjuż kif ukoll jippriedka l-aħbar tajba. Issa, kien hemm responsabbiltajiet akbar jistennew lil dan l-ilsir. Ġesù qal: “Tassew, ngħidilkom, li jafdalu ġidu kollu f’idejh.” (Mattew 24:47) Ġesù għamel dan fl-1919, wara li l-ilsir għadda mill-perijodu taʼ prova. Imma “l-ilsir leali u diskret” għala ngħata responsabbiltajiet akbar? Għaliex is-Sid kien żdiedlu ġidu. Ġesù ngħata l-ħakma fl-1914.
19. Spjega kif ġew sodisfati l-bżonnijiet spiritwali tal-“kotra kbira.”
19 X’inhu l-ġid li fuqu nħatar l-ilsir leali mis-Sid li beda jaħkem? Huwa l-affarijiet spiritwali kollha li jappartjenu Lilu hawnhekk fuq l-art. Per eżempju, għoxrin sena wara li Ġesù ħa t-tron tiegħu fl-1914, ġiet identifikata “kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra.” (Apokalissi 7:9; Ġwanni 10:16) Dawn ma kinux membri midlukin taʼ l-“Iżrael taʼ Alla,” imma wħud b’tama li jgħixu fuq l-art, irġiel u nisa sinċieri li jħobbu lil Jehovah u li bħall-midlukin riedu jaqduh. Fil-fatt, huma qalu lill-“ilsir leali u diskret”: “Ħa niġu magħkom, għaliex smajna li Alla magħkom!” (Żakkarija 8:23) Dawn il-Kristjani mgħammdin ġodda ħadu sehem mill-ikel spiritwali abbundanti bħal niesu l-midlukin, u ż-żewġ klassijiet ħadu minn din il-mejda spiritwali minn dakinhar ’l hawn. X’barka kienet din għall-membri tal-“kotra kbira”!
20. Liema rwol kellha l-“kotra kbira” fiż-żjieda tal-ġid tal-Mulej?
20 Il-membri tal-“kotra kbira” bil-ferħ ngħaqdu mal-klassi midluka taʼ l-ilsir bħala predikaturi taʼ l-aħbar tajba. Hekk kif ippridkaw, il-ġid tas-Sid fuq l-art żdied, u b’hekk żdiedu r-responsabbiltajiet taʼ “l-ilsir leali u diskret.” Minħabba ż-żjieda fl-għadd taʼ dawk l-uħud li jfittxu l-verità, kien hemm bżonn taʼ faċilitajiet akbar għall-istampar sabiex ilaħħqu mad-domanda taʼ letteratura tal-Bibbja. L-uffiċċji tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah ġew stabbiliti f’pajjiż wara l-ieħor. Intbagħtu l-missjunarji “sa truf l-art.” (Atti 1:8) Minn madwar ħamest elef midlukin fl-1914, l-għadd taʼ dawk l-uħud li jfaħħru ’l Alla żdied għal iktar minn sitt miljuni llum. Il-maġġuranza minnhom jagħmlu parti mill-“kotra kbira.” Iva, tabilħaqq, il-ġid tas-Sultan żdied b’ħafna drabi minn meta hu sar Sultan fl-1914!
21. Liema żewġ parabboli se nikkunsidraw fl-istudju li jmiss?
21 Dan kollu juri li l-ilsir kien “leali u diskret.” Eżatt wara li tkellem dwar “l-ilsir leali u diskret,” Ġesù qal żewġ parabboli li enfasizzaw dawn il-kwalitajiet: il-parabbola tax-xebbiet għaqlin u boloh, u l-parabbola tat-talenti. (Mattew 25:1-30) Kemm hu interessanti dan kollu għalina! X’tifsira għandhom dawn il-parabboli għalina llum? Se nwieġbu din il-mistoqsija fl-artiklu li jmiss.
X’Taħseb?
• Min jifforma “l-ilsir leali u diskret”?
• Min huma “niesu”?
• L-ilsir leali u diskret meta ġie maħtur fuq ġid il-Mulej, u għala nħatar f’dak iż-żmien?
• Min għen biex jiżdied ġid il-Mulej f’dawn l-aħħar għaxriet taʼ snin, u kif?
[Stampi f’paġna 10]
Il-klassi taʼ l-ilsir taʼ l-ewwel seklu kienet leali lejn l-inkarigu tagħha