LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 7/15 pp. 20-25
  • “Min Hu Tassew l-Ilsir Leali u Għaqli?”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Min Hu Tassew l-Ilsir Leali u Għaqli?”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IT-​TIXBIHA META TITWETTAQ?
  • MIN HU L-​ILSIR LEALI U GĦAQLI?
  • MIN HUMA L-​QADDEJJA TAD-​DAR?
  • L-​ILSIR META JINĦATAR FUQ KULMA GĦANDU S-​SID?
  • “Ilsir” li hu Kemm Leali u Kemm Diskret
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Huma “Jibqgħu Mexjin Wara l-Ħaruf”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Min Hu l-Ilsir Leali u Għaqli?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
  • Leali Lejn Kristu u l-Ilsir Leali Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 7/15 pp. 20-25

“Min Hu Tassew l-​Ilsir Leali u Għaqli?”

“Min hu tassew l-​ilsir leali u għaqli li sidu ħatru fuq il-​qaddejja taʼ daru?” —MT. 24:45.

TISTAʼ SSIB IT-​TWEĠIBIET?

  • Min hu l-​ilsir leali u għaqli?

  • Min huma l-​qaddejja tad-​dar, u Ġesù meta ħatar lill-​ilsir leali fuqhom?

  • Kristu meta se jaħtar lill-​ilsir leali fuq kulma għandu, u x’se jinkludi?

1, 2. Ġesù b’liema mezz qed jitmagħna llum, u għala hu vitali li nagħrfu lil dan il-​mezz?

“ĦUTI, ma nistax ngħodd kemm-​il darba tajtuni artikli li kien fihom eżatt dak li kelli bżonn meta l-​aktar kelli bżonnu.” Waħda oħt hekk esprimiet l-​apprezzament tagħha f’ittra lill-​aħwa li jaħdmu fil-​kwartieri ġenerali tagħna. Tħossok int bħalha? Ħafna minna hekk inħossuna. Għandu dan jissorprendina? Le.

2 L-​ikel spiritwali f’waqtu li nirċievu huwa evidenza li Ġesù, il-​Kap tal-​kongregazzjoni, qed iżomm il-​wegħda tiegħu li jitmagħna. Ġesù lil min qed juża biex jitmagħna? Meta Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu x’kien se jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħu, hu qal li kien se juża “l-​ilsir leali u għaqli” biex jagħti “l-​ikel fiż-​żmien xieraq” lill-​qaddejja taʼ daru.a (Aqra Mattew 24:45-​47.) Dan l-​ilsir leali huwa l-​mezz li bih Ġesù qed jitmaʼ lis-​segwaċi veri tiegħu f’dan iż-​żmien tat-​tmiem. Huwa vitali li nagħrfu lill-​ilsir leali. Is-​saħħa spiritwali u r-​relazzjoni tagħna m’Alla jiddependu minn dan il-​mezz.—Mt. 4:4; Ġw. 17:3.

3. Il-​pubblikazzjonijiet tagħna x’qalu dwar it-​tixbiha tal-​ilsir leali?

3 Allura, kif għandna nifhmu t-​tixbiha taʼ Ġesù dwar l-​ilsir leali? Fil-​passat, il-​pubblikazzjonijiet tagħna qalu dan li ġej: F’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., Ġesù ħatar lill-​ilsir leali fuq il-​qaddejja taʼ daru. L-​ilsir jirrappreżenta lill-​Kristjani midlukin kollha fuq l-​art bħala grupp fi kwalunkwe perijodu taʼ żmien minn dakinhar ’il quddiem. Il-​qaddejja taʼ daru jirreferu għall-​istess midlukin bħala individwi. Fl-​1919, Ġesù ħatar lill-​ilsir leali “fuq kulma għandu,” kull ħaġa fuq l-​art li tintuża biex tappoġġa x-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna. Imma wara li studjajna s-​suġġett bir-​reqqa, tlabna dwaru, u mmeditajna fuqu, irrealizzajna li l-​fehma tagħna tal-​kliem taʼ Ġesù dwar l-​ilsir leali u għaqli għandha bżonn tinbidel. (Prov. 4:18) Issa ejja neżaminaw it-​tixbiha u kif teffettwana, kemm jekk għandna t-​tama għas-​sema u kemm jekk għall-​art.

IT-​TIXBIHA META TITWETTAQ?

4-6. Għala nistgħu nikkonkludu li t-​tixbiha taʼ Ġesù tal-​ilsir leali bdiet titwettaq biss wara l-​1914?

4 Il-​kuntest tat-​tixbiha tal-​ilsir leali u għaqli juri li ma bdietx titwettaq f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., imma f’dan iż-​żmien tat-​tmiem. Ejja naraw kif l-​Iskrittura twassalna għal din il-​konklużjoni.

5 It-​tixbiha tal-​ilsir leali hija parti mill-​profezija taʼ Ġesù dwar ‘is-​sinjal tal-​preżenza tiegħu u tal-​konklużjoni tas-​sistema.’ (Mt. 24:3) L-​ewwel parti tal-​profezija miktuba f’​Mattew 24:4-​22 għandha żewġ twettiqiet. L-​ewwel twettiq kien mis-​sena 33 E.K. sas-​sena 70 E.K. u t-​tieni u l-​akbar twettiq hu fi żmienna. Ifisser dan li kliem Ġesù dwar l-​ilsir leali wkoll kien se jkollu żewġ twettiqiet? Le.

6 Minn meta Ġesù qal il-​kliem imniżżel f’​Mattew 24:29, hu ffoka primarjament fuq ġrajjiet li kienu se jseħħu fi żmienna. (Aqra Mattew 24:30, 42, 44.) Hu u jitkellem dwar dak li se jiġri matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, hu qal li n-​nies se “jaraw lil Bin il-​bniedem ġej fuq is-​sħab tas-​sema.” Imbagħad, fi kliem indirizzat lil dawk ħajjin waqt l-​aħħar jiem, hu qal: “Ma tafux f’liema jum ġej il-​Mulej tagħkom” u, “F’siegħa li ma tistennewhiex ġej Bin il-​bniedem.”b F’dan il-​kuntest—meta kien qed jitkellem dwar ġrajjiet li kienu se jseħħu fl-​aħħar jiem—Ġesù rrakkonta t-​tixbiha tal-​ilsir leali. Għalhekk, nistgħu nikkonkludu li kliemu dwar dan l-​ilsir leali beda jitwettaq biss wara li bdew l-​aħħar jiem fl-​1914. Din il-​konklużjoni tagħmel sens. Għala?

7. Liema mistoqsija vitali qamet hekk kif beda l-​istaġun tal-​ħsad, u għala?

7 Aħseb ftit dwar il-​mistoqsija: “Min hu tassew l-​ilsir leali u għaqli?” Fl-​ewwel seklu, ma kienx hemm għalfejn issir din il-​mistoqsija. Bħalma rajna fl-​artiklu taʼ qabel dan, l-​appostli setgħu jwettqu l-​mirakli u saħansitra jagħtu lil oħrajn għotjiet tal-​ispirtu. Dan ta prova li l-​appostli kienu dawk li Alla kien qed juża. (Atti 5:12) Allura ħadd ma kellu għalfejn jistaqsi min tassew kien maħtur minn Kristu biex jieħu t-​tmexxija. Madankollu, fl-​1914 is-​sitwazzjoni kienet differenti ferm. L-​istaġun tal-​ħsad beda f’dik is-​sena. Fl-​aħħar kien wasal iż-​żmien biex is-​sikrana tinfired minn mal-​qamħ. (Mt. 13:36-​43) Hekk kif beda l-​istaġun tal-​ħsad, qamet mistoqsija vitali: Minħabba li kien hemm bosta Kristjani foloz li kienu qed isostnu li huma s-​segwaċi veri taʼ Kristu, il-​qamħ—jiġifieri, il-​Kristjani midlukin—kif setaʼ jiġi identifikat? It-​tixbiha tal-​ilsir leali tat it-​tweġiba. Is-​segwaċi midlukin taʼ Kristu kienu se jkunu l-​uħud li kienu mitmugħin tajjeb spiritwalment.

MIN HU L-​ILSIR LEALI U GĦAQLI?

8. Għala jagħmel sens li Kristjani midlukin jifformaw l-​ilsir leali?

8 Dawk li jifformaw l-​ilsir leali għandhom ikunu Kristjani midlukin fuq l-​art. Huma msejħin “saċerdozju rjali” u ġew maħturin biex jippritkaw lil oħrajn dwar l-​affarijiet meraviljużi li għamel Alla. (1 Pt. 2:9) Jagħmel sens li membri taʼ dan is-​“saċerdozju rjali” jkunu l-​uħud li jgħallmu l-​verità lil ħuthom.—Mal. 2:7; Riv. 12:17.

9. Huma l-​midlukin kollha li jifformaw l-​ilsir leali? Spjega.

9 Huma l-​midlukin kollha fuq l-​art li jifformaw l-​ilsir leali? Le. Mhux il-​midlukin kollha jagħtu l-​ikel spiritwali lil ħuthom madwar id-​dinja. Fost il-​qamħ hemm aħwa rġiel midlukin li forsi jaqdu bħala qaddejja ministerjali jew anzjani fil-​kongregazzjoni lokali tagħhom. Huma jgħallmu minn dar għal dar u fil-​kongregazzjoni tagħhom, u jappoġġaw lealment id-​direzzjoni mill-​kwartieri ġenerali. Imma m’għandhomx sehem f’li jagħtu l-​ikel spiritwali lil ħuthom madwar id-​dinja. Ukoll, fost il-​midlukin hemm aħwa nisa umli, li qatt mhuma se jipprovaw isiru għalliema fil-​kongregazzjoni.—1 Kor. 11:3; 14:34.

10. Min hu l-​ilsir leali u għaqli?

10 Allura, min hu l-​ilsir leali u għaqli? Dan l-​ilsir hu magħmul minn grupp żgħir t’aħwa rġiel midlukin li huma involuti direttament f’li jippreparaw u jqassmu l-​ikel spiritwali matul il-​preżenza taʼ Kristu. Dan hu simili għal kif Ġesù temaʼ lil ħafna permezz taʼ ftit uħud fl-​ewwel seklu. Matul l-​aħħar jiem, l-​aħwa rġiel midlukin li jifformaw l-​ilsir leali qdew flimkien fil-​kwartieri ġenerali. Fi snin reċenti, dan l-​ilsir kien il-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Iżda nnota li fit-​tixbiha tiegħu, Ġesù qal li kien se jkun hemm “ilsir” wieħed. B’hekk, id-​deċiżjonijiet tal-​Ġemgħa li Tiggverna jittieħdu flimkien bħala grupp.

MIN HUMA L-​QADDEJJA TAD-​DAR?

11, 12. (a) L-​ilsir leali u għaqli jirċievi liema żewġ ħatriet? (b) Ġesù meta ħatar lill-​ilsir leali fuq il-​qaddejja taʼ daru, u lil min għażel?

11 Innota li fit-​tixbiha taʼ Ġesù, l-​ilsir leali u għaqli jirċievi żewġ ħatriet differenti. L-​ewwel waħda hi fuq il-​qaddejja tad-​dar. It-​tieni hi fuq kulma għandu s-​sid. Ladarba t-​tixbiha titwettaq biss f’dan iż-​żmien tat-​tmiem, iż-​żewġ ħatriet iridu jseħħu wara l-​1914, meta bdiet il-​preżenza taʼ Ġesù bħala Sultan.

12 Ġesù meta ħatar lill-​ilsir leali fuq il-​qaddejja taʼ daru? Biex inwieġbu din irridu mmorru lura fl-​1914—il-​bidu tal-​istaġun tal-​ħsad. Bħalma tgħallimna qabel, f’dak iż-​żmien ħafna gruppi sostnew li kienu Kristjani. Ġesù minn liema grupp kien se jagħżel u jaħtar lill-​ilsir leali? Din il-​mistoqsija twieġbet wara li hu u Missieru marru u spezzjonaw it-​tempju, jew l-​arranġament spiritwali għall-​qima, mill-​1914 sal-​bidu tal-​1919.c (Mal. 3:1) Huma kienu kuntenti bi grupp żgħir taʼ Studenti tal-​Bibbja leali li wrew li qalbhom kienet marbuta maʼ Ġeħova u l-​Kelma tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, huma kellhom bżonn xi tindif, imma bl-​umiltà aċċettaw il-​korrezzjoni matul perijodu taʼ ttestjar u rfinar. (Mal. 3:2-​4) Dawn l-​Istudenti tal-​Bibbja leali kienu Kristjani veri, il-​qamħ fit-​tixbiha taʼ Ġesù. Fl-​1919, minn fosthom Ġesù għażel aħwa rġiel midlukin kwalifikati biex ikunu l-​ilsir leali u għaqli u ħatarhom fuq il-​qaddejja taʼ daru.

13. Min jifforma l-​qaddejja tad-​dar, u għala?

13 Allura min huma l-​qaddejja tad-​dar? Fi kliem sempliċi, huma dawk li jirċievu l-​ikel spiritwali. Kmieni fl-​aħħar jiem, il-​qaddejja tad-​dar kienu kollha midlukin. Iktar tard, folla kbira taʼ nagħaġ oħrajn ukoll saret parti mill-​qaddejja tad-​dar. In-​nagħaġ oħrajn issa jifformaw il-​biċċa l-​kbira tal-​“merħla waħda” taħt it-​tmexxija taʼ Kristu. (Ġw. 10:16) Iż-​żewġ gruppi jibbenefikaw mill-​istess ikel spiritwali f’waqtu li jingħata mill-​ilsir leali. Huma l-​membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna li llum jifformaw l-​ilsir leali u għaqli qaddejja tad-​dar ukoll? Dawn l-​aħwa wkoll jeħtieġu l-​ikel spiritwali. Għalhekk, bl-​umiltà huma jagħrfu li bħala individwi huma qaddejja tad-​dar bħall-​Kristjani veri l-​oħrajn kollha.

Kemm jekk it-​tama tagħna hi għas-​sema u kemm jekk hi għall-​art, aħna lkoll qaddejja tad-​dar u neħtieġu l-​istess ikel spiritwali f’waqtu

14. (a) L-​ilsir leali liema responsabbiltà ngħata, u din x’tinkludi? (b) Ġesù liema twissija ta lill-​ilsir leali u għaqli? (Ara l-​kaxxa “Jekk Xi Darba l-​Ilsir mill-​Agħar . . .”)

14 Ġesù ta lill-​ilsir leali u għaqli responsabbiltà importanti ferm. Fi żminijiet Bibliċi, ilsir, jew prokuratur, fdat kien imexxi kulma kellu sidu. (Lq. 12:42) B’mod simili, l-​ilsir leali u għaqli ngħata r-​responsabbiltà li jmexxi kulma hawn fuq l-​art li hu taʼ Kristu. Din ir-​responsabbiltà tinkludi li jieħu ħsieb il-​flus, il-​proprjetà, ix-​xogħol tal-​ippritkar, u l-​programmi tal-​assembleat u l-​konvenzjonijiet. Tinkludi wkoll li jagħmel il-​letteratura Biblika li nużaw fil-​ministeru tal-​għalqa, fl-​istudju persunali, u fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Il-​qaddejja tad-​dar jiddependu mill-​ikel spiritwali kollu li jagħti l-​ilsir leali.

L-​ILSIR META JINĦATAR FUQ KULMA GĦANDU S-​SID?

15, 16. Ġesù meta jaħtar lill-​ilsir leali fuq kulma għandu?

15 Ġesù meta jagħmel it-​tieni ħatra—“fuq kulma għandu”? Ġesù qal: “Hieni hu dak l-​ilsir li sidu, meta jasal [letteralment, “ikun ġie”], isibu jagħmel hekk! Tassew ngħidilkom, Hu jaħtru fuq kulma għandu.” (Mt. 24:46, 47) Innota li Ġesù jagħmel it-​tieni ħatra wara li jasal u jsib li l-​ilsir kien qed “jagħmel hekk,” jiġifieri, lealment jagħti l-​ikel spiritwali. Allura kien se jkun hemm intervall bejn iż-​żewġ ħatriet. Biex nifhmu kif u meta Ġesù jaħtar lill-​ilsir fuq kulma għandu, għandna bżonn inkunu nafu żewġ affarijiet: meta jasal u x’jinkludi kulma għandu.

16 Ġesù meta jasal? It-​tweġiba tinsab fil-​kuntest. Ftakar li meta l-​versi taʼ qabel jitkellmu dwar Ġesù bħala li “ġej,” il-​kelma tirreferi għaż-​żmien meta se jiġi biex iħabbar u jagħmel ġudizzju fl-​aħħar taʼ din is-​sistema.d (Mt. 24:30, 42, 44) Għalhekk, ‘il-​wasla,’ jew ‘il-​miġja’ taʼ Ġesù, imsemmija fit-​tixbiha tal-​ilsir leali sseħħ waqt it-​tribulazzjoni l-​kbira.

17. X’jinkludi kulma għandu Ġesù?

17 X’jinkludi “kulma għandu” Ġesù? Dak li għandu Ġesù ma qigħedx biss fuq l-​art. Hu għandu affarijiet fis-​sema wkoll. Ġesù darba qal: “Lili ngħatat kull awtorità fis-​sema u fuq l-​art.” (Mt. 28:18; Efes. 1:20-​23) Kulma għandu issa jinkludi s-​Saltna Messjanika. Din is-​Saltna kienet tiegħu mill-​1914 ’il quddiem, u s-​segwaċi midlukin tiegħu għandhom sehem miegħu f’din is-​Saltna.—Riv. 11:15.

18. Ġesù għala se jieħu pjaċir jaħtar lill-​ilsir leali fuq kulma għandu?

18 Mela x’nistgħu nikkonkludu? Meta Ġesù jiġi biex jeqred lil dawk mill-​agħar matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, hu se jsib li l-​ilsir leali kien lealment qed jagħti l-​ikel spiritwali f’waqtu lill-​qaddejja tad-​dar. Ġesù mbagħad se jieħu pjaċir jaħtar lil dan l-​ilsir fuq kulma għandu. Dawk li jifformaw l-​ilsir leali se jingħataw din il-​ħatra meta jirċievu l-​premju tagħhom fis-​sema u jsiru ħakkiema flimkien maʼ Kristu.

19. Jirċievi l-​ilsir leali premju akbar fis-​sema mill-​kumplament tal-​midlukin? Spjega.

19 Jirċievi l-​ilsir leali premju akbar fis-​sema mill-​kumplament tal-​midlukin? Le. Premju jistaʼ jitwiegħed lil grupp żgħir f’xi żmien u mbagħad jitgawda m’oħrajn iktar tard. Pereżempju, ikkunsidra dak li qal Ġesù lill-​11-​il appostlu leali tiegħu fil-​lejl taʼ qabel mewtu. (Aqra Luqa 22:28-​30.) Ġesù wiegħed lil dan il-​grupp żgħir taʼ rġiel li kien qed jistenniehom premju mill-​isbaħ għall-​fedeltà tagħhom. Huma kienu se jkunu slaten miegħu fis-​sema. Imma xi snin wara, hu wera li l-​144,000 kollha kienu se jkunu slaten miegħu fis-​sema. (Riv. 1:1; 3:21) B’mod simili, bħalma jgħid Mattew 24:47, hu wiegħed li grupp żgħir taʼ rġiel—l-​aħwa rġiel midlukin li jifformaw l-​ilsir leali—se jinħatru fuq kulma għandu. Iżda fir-​realtà, il-​144,000 kollha flimkien maʼ Kristu se jkollhom awtorità fuq kulma għandu.—Riv. 20:4, 6.

Il-​144,000 kollha flimkien maʼ Ġesù se jkollhom awtorità fuq kulma għandu (Ara paragrafu 19)

20. Ġesù għala ħatar lill-​ilsir leali, u x’inhi d-​determinazzjoni tiegħek?

20 Permezz tal-​ilsir leali u għaqli, Ġesù qed isegwi l-​mudell li ħalla fl-​ewwel seklu—qed jitmaʼ lil ħafna permezz taʼ ftit uħud. Ġesù ħatar lil dan l-​ilsir leali biex ikun ċert li s-​segwaċi ġenwini tiegħu—kemm il-​midlukin kif ukoll in-​nagħaġ oħrajn—ikomplu jirċievu l-​ikel spiritwali f’waqtu matul l-​aħħar jiem. Ejja nkunu determinati li nuru l-​apprezzament tagħna billi nappoġġaw lealment lill-​aħwa rġiel midlukin li jifformaw dan l-​ilsir leali u għaqli.—Ebr. 13:7, 17.

a Paragrafu 2: F’okkażjoni oħra qabel dan, Ġesù rrakkonta tixbiha simili li fiha rrefera għall-​“ilsir” bħala “prokuratur.”—Lq. 12:42-​44.

b Paragrafu 6: ‘Il-​miġja’ (bil-​Grieg, erkomaj) taʼ Kristu hija differenti mill-​“preżenza” (parusija) tiegħu. Il-​preżenza inviżibbli tiegħu tibda qabel ma jiġi biex jagħmel ġudizzju.

c Paragrafu 12: Ara l-​artiklu “Ara, Jien Magħkom il-​Jiem Kollha,” f’din il-​ħarġa, paġni 10-​12, paragrafi 5-​8.

d Paragrafu 16: Ara l-​artiklu “Għidilna, Dan Meta Se Jseħħ?” f’din il-​ħarġa, paġni 7-​8, paragrafi 14-​18.

FHIMT SEW?

  • “L-​ilsir leali u għaqli”: Grupp żgħir t’aħwa rġiel midlukin li huma involuti direttament f’li jippreparaw u jagħtu l-​ikel spiritwali matul il-​preżenza taʼ Kristu. Illum, dawn l-​aħwa rġiel midlukin jifformaw il-​Ġemgħa li Tiggverna

  • “Il-​qaddejja taʼ daru”: Dawk kollha li jirċievu l-​ikel spiritwali, kemm jekk ikunu mill-​midlukin kif ukoll jekk ikunu min-​nagħaġ oħrajn

  • “Maħtur fuq il-​qaddejja taʼ daru’: Fl-​1919, Ġesù għażel aħwa rġiel midlukin kapaċi biex ikunu l-​ilsir leali u għaqli tiegħu

  • “Hu jaħtru fuq kulma għandu”: Dawk li jifformaw l-​ilsir leali se jieħdu din il-​ħatra meta jirċievu l-​premju tagħhom fis-​sema. Dawn u l-​kumplament tal-​144,000 flimkien maʼ Kristu se jkollhom awtorità fuq kulma għandu

“JEKK XI DARBA L-​ILSIR MILL-​AGĦAR . . .”

Ġesù ta lill-​ilsir leali u għaqli responsabbiltà importanti ferm. Hu ħatar lil dan l-​ilsir biex jieħu ħsieb il-​qaddejja tad-​dar u biex jagħti l-​ikel spiritwali f’waqtu. Ġesù qal li dawk li għandhom responsabbiltà akbar ikun mistenni iktar minnhom. (Lq. 12:48) Allura temm it-​tixbiha tiegħu dwar l-​ilsir leali u għaqli bi twissija serja.

Ġesù wissa dwar ilsir mill-​agħar li f’qalbu jgħid li s-​sid qed jiddawwar u li jibda jsawwat lill-​ilsiera sħabu. Meta jasal is-​sid, qal Ġesù, hu se jikkastiga lill-​ilsir mill-​agħar “bl-​akbar ħruxija.”—Aqra Mattew 24:48-​51.

Kien Ġesù qed ibassar li kien se jkun hemm klassi tal-​ilsir mill-​agħar fl-​aħħar jiem? Le. Huwa minnu li xi individwi wrew attitudni simili għal dik tal-​ilsir mill-​agħar deskritt minn Ġesù. Aħna nsejħulhom apostati, kemm jekk huma mill-​midlukin u kemm jekk huma mill-​“folla kbira.” (Riv. 7:9) Imma dawn l-​uħud ma jifformawx klassi tal-​ilsir mill-​agħar. Ġesù ma qalx li kien se jaħtar ilsir mill-​agħar. Kliemu hawnhekk huwa fil-​fatt twissija lill-​ilsir leali u għaqli.

Innota li Ġesù jibda t-​twissija billi jgħid “jekk xi darba.” Dan il-​kliem juri li dak li Ġesù ddeskriva wara ma kienx neċessarjament se jiġri. Ġesù kien bħallikieku qed jgħid: ‘Jekk l-​ilsir leali u għaqli kellu xi darba jittratta lill-​ilsiera l-​oħra b’dawn il-​modi krudili, is-​sid kien se jikkastigah bl-​aħrax.’ (Ara wkoll Luqa 12:45.) Imma l-​ilsir leali u għaqli bħala grupp baqaʼ għassa u kompla jagħti ikel spiritwali taʼ kwalità tajba.

L-​aħwa rġiel midlukin li flimkien jaqdu bħala l-​ilsir leali jagħrfu li huma jridu jagħtu kont lis-​Sid għall-​mod kif jieħdu ħsieb il-​qaddejja taʼ daru. Ix-​xewqa sinċiera taʼ dawn l-​aħwa midlukin hi li jwettqu r-​responsabbiltà tagħhom lealment sabiex meta s-​Sid finalment jasal, hu jkun jistaʼ jgħidilhom “prosit.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja