Leali Lejn Kristu u l-Ilsir Leali Tiegħu
“Sidu . . . jaħtru fuq kulma għandu.”—MATTEW 24:45-47.
1, 2. (a) L-Iskrittura min tindika li hu l-Mexxej tagħna? (b) X’juri li Kristu jinsab attiv imexxi lill-kongregazzjoni Kristjana?
“TISSEJĦUX ‘mexxejja,’ għax wieħed hu l-Mexxej tagħkom, il-Kristu.” (Mattew 23:10) Permezz taʼ dan il-kliem, Ġesù għamilha ċara lis-segwaċi tiegħu li ebda bniedem fuq l-art ma kien se jkun il-mexxej tagħhom. L-uniku Mexxej tagħhom kien se jkun fis-sema—Ġesù Kristu nnifsu. Ġesù għandu din il-pożizzjoni permezz taʼ ħatra divina. Ġeħova “qajjem lill-Kristu mill-imwiet u . . . għamlu kap fuq kollox għall-kongregazzjoni, li hi l-ġisem tiegħu.”—Efesin 1:20-23.
2 Ladarba Kristu “hu kap fuq kollox” fejn tidħol il-kongregazzjoni Kristjana, hu jeżerċita l-awtorità tiegħu fuq dak kollu li jsir fil-kongregazzjoni. Xejn ma jaħrablu minn dak li jsir fil-kongregazzjoni. Hu josserva mill-qrib il-kundizzjoni spiritwali taʼ kull grupp taʼ Kristjani, jew kongregazzjoni. Dan jidher ċar mir-rivelazzjoni li ngħata l-appostlu Ġwanni fi tmiem l-ewwel seklu E.K. Lil sebaʼ kongregazzjonijiet, Ġesù ħames darbiet semmielhom li kien jaf l-għemejjel tagħhom, il-kwalitajiet pożittivi, u d-dgħjufijiet tagħhom, u hu tahom pariri u inkuraġġiment skond il-bżonn. (Rivelazzjoni 2:2, 9, 13, 19; 3:1, 8, 15) Għandna kull raġuni biex nemmnu li Ġesù kien daqstant ieħor jaf sew x’kienet il-kundizzjoni spiritwali taʼ kongregazzjonijiet oħrajn fl-Asja Minuri, fil-Palestina, fis-Sirja, f’Babilonja, fil-Greċja, fl-Italja, u f’postijiet oħrajn. (Atti 1:8) Xi ngħidu għal-lum?
Ilsir Leali
3. Għala huwa xieraq li nqabblu lil Kristu maʼ ras u l-kongregazzjoni maʼ ġisem?
3 Wara l-irxoxt tiegħu u ftit qabel ma telaʼ għand Missieru fis-sema, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Lili ngħatat kull awtorità fis-sema u fuq l-art.” Hu qal ukoll: “Ara, jien magħkom il-jiem kollha sa tmiem is-sistema.” (Mattew 28:18-20) Hu kien se jibqaʼ magħhom bħala l-Kap attiv tagħhom. F’ittri lill-Kristjani f’Efesu u Kolossi, l-appostlu Pawlu xebbah il-kongregazzjoni Kristjana maʼ “ġisem,” li Kristu hu r-Ras, jew il-Kap, tiegħu. (Efesin 1:22, 23; Kolossin 1:8) The Cambridge Bible for Schools and Colleges tgħid li din il-metafora li tqabbel il-ġisem mal-kongregazzjoni tagħti l-idea mhux biss li unjoni mal-Kap hija essenzjali imma wkoll li l-Kap jidderieġi lill-membri. Huma l-għodda Tiegħu. Kristu lil min uża bħala l-għodda kollettiva tiegħu minn meta ngħata l-qawwa tas-Saltna fl-1914?—Danjel 7:13, 14.
4. Bħalma hu mbassar fil-profezija taʼ Malakija, x’sabu Ġeħova u Ġesù Kristu meta ġew jispezzjonaw it-tempju spiritwali?
4 Il-profezija taʼ Malakija bassret li Ġeħova, is-“Sid” il-veru, akkumpanjat mill-“anġlu tal-patt,” Ġesù Kristu, Ibnu li kien għadu kif ġie maħtur, kien se jiġi biex jiġġudika u jispezzjona t-“tempju,” jew id-dar spiritwali tal-qima Tiegħu. Jidher ċar li “ż-żmien stabbilit” biex jibda l-‘ġudizzju taʼ dar Alla’ wasal fl-1918.a (Malakija 3:1; 1 Pietru 4:17) Dawk li kienu qed jgħidu li jirrappreżentaw lil Alla u l-qima vera tiegħu fuq l-art ġew eżaminati kif jixraq. Il-knejjes tal-Kristjaneżmu, li għal sekli sħaħ għallmu duttrini li jiddiżonoraw lil Alla u li kienu involuti sew fil-massakru taʼ l-ewwel gwerra dinjija, ġew miċħudin. Fdal leali taʼ Kristjani midlukin bl-ispirtu ġew imġarrbin, irfinuti bħallikieku bin-nar, u approvati, u b’hekk saru għal Ġeħova “nies li jagħmlu l-offerta bis-sewwa.”—Malakija 3:3.
5. Fi qbil mal-profezija taʼ Ġesù dwar il-“preżenza” tiegħu, min wera li hu l-“ilsir” leali?
5 Fi qbil mal-profezija taʼ Malakija, is-sinjal b’ħafna aspetti differenti li ta Ġesù lid-dixxipli tiegħu biex jgħinhom jagħrfu ż-żmien tal-“preżenza [tiegħu] u taʼ tmiem is-sistema” kien jinkludi l-identifikazzjoni taʼ “ilsir” kollettiv. Ġesù qal: “Min hu tassew l-ilsir leali u għaqli li sidu ħatru fuq in-nies taʼ daru, biex jagħtihom l-ikel fiż-żmien xieraq? Hieni hu dak l-ilsir li sidu, meta jasal, isibu jagħmel hekk! Tassew ngħidilkom, Hu jaħtru fuq kulma għandu.” (Mattew 24:3, 45-47) ‘Meta wasal’ biex jeżamina lill-“ilsir” fl-1918, Kristu sab fdal taʼ dixxipli leali midlukin bl-ispirtu li kienu ilhom mill-1879 jużaw dan il-ġurnal u pubblikazzjonijiet oħrajn ibbażati fuq il-Bibbja biex jipprovdu “l-ikel [spiritwali] fiż-żmien xieraq.” Hu rrikonoxxiehom bħala l-għodda kollettiva tiegħu, jew l-“ilsir,” u fl-1919 fdahom bl-amministrazzjoni taʼ kulma għandu fuq l-art.
Jieħu Ħsieb Kulma Għandu Kristu fuq l-Art
6, 7. (a) Ġesù liema termini oħrajn uża meta tkellem dwar l-“ilsir” leali tiegħu? (b) X’ried jimplika Ġesù meta uża l-kelma “prokuratur”?
6 Ftit xhur qabel ma ta l-profezija tiegħu dwar is-sinjal tal-preżenza tiegħu, inkluż l-eżistenza taʼ “ilsir” li jirrappreżentah fuq l-art, Ġesù tkellem dwar dan l-“ilsir” b’termini kemxejn differenti li juruna x’inhuma r-responsabbiltajiet taʼ l-ilsir. Ġesù qal: “Min hu tassew il-prokuratur leali, l-għaqli, li sidu jaħtru fuq il-ġemgħa taʼ qaddejja tiegħu biex jibqaʼ jagħtihom is-sehem tagħhom taʼ l-ikel fiż-żmien xieraq? Ngħidilkom il-verità, Hu jaħtru fuq kulma għandu.”—Luqa 12:42, 44.
7 Hawnhekk l-ilsir huwa msejjaħ prokuratur, kelma tradotta minn terminu Grieg li jfisser “wieħed li jieħu ħsieb lin-nies tad-dar jew lill-proprjetà.” Il-prokuratur kollettiv ma kienx se jkun sempliċi grupp taʼ studjużi li jispjegaw punti interessanti mill-Bibbja. Minbarra li jipprovdi ikel spiritwali bnin “fiż-żmien xieraq,” “il-prokuratur leali” kien se jiġi maħtur fuq il-ġemgħa kollha tal-qaddejja taʼ Kristu u jiġi inkarigat biex jieħu ħsieb l-interessi kollha taʼ Kristu fuq l-art, “kulma għandu.” Dan x’kien jinkludi?
8, 9. L-ilsir hu maħtur biex jieħu ħsieb liema affarijiet?
8 Ir-responsabbiltajiet taʼ l-ilsir jinkludu l-amministrazzjoni tal-faċilitajiet materjali li jintużaw mis-segwaċi taʼ Kristu sabiex iwettqu l-attivitajiet Kristjani tagħhom, bħall-kwartieri ġenerali u l-uffiċċji tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova, kif ukoll il-postijiet tal-qima tagħhom—is-Swali tas-Saltna u s-Swali taʼ l-Assembleat—madwar id-dinja. Iktar importanti minn hekk, l-ilsir jieħu ħsieb ukoll programmi taʼ studju tal-Bibbja li jibnu spiritwalment u li jsiru fil-laqgħat taʼ kull ġimgħa u f’assembleat u konvenzjonijiet regulari. F’dawn il-laqgħat, tingħata informazzjoni dwar it-twettiq tal-profeziji tal-Bibbja, u tingħata wkoll direzzjoni f’waqtha dwar kif jiġu applikati l-prinċipji tal-Bibbja fil-ħajja taʼ kuljum.
9 Ir-responsabbiltajiet tal-prokuratur jinkludu wkoll l-amministrazzjoni taʼ l-iktar xogħol importanti, jiġifieri, l-ippridkar taʼ “din l-aħbar tajba tas-saltna” u x-xogħol taʼ li nagħmlu “dixxipli min-nies tal-ġnus kollha.” Dan jinvolvi li n-nies jiġu mgħallmin josservaw dak kollu li Kristu, il-Kap tal-kongregazzjoni, jikkmandana nagħmlu matul dan iż-żmien taʼ l-aħħar. (Mattew 24:14; 28:19, 20; Rivelazzjoni 12:17) Permezz tax-xogħol taʼ l-ippridkar u t-tagħlim inġabret “folla kbira” taʼ mseħbin leali tal-fdal midluk. Dan “il-ġid kollu tal-popli” żgur li hu magħdud fost l-affarijiet prezzjużi li “għandu” Kristu u li qed jieħu ħsieb l-ilsir leali.—Rivelazzjoni 7:9; Ħaggaj 2:7.
Ġemgħa li Tiggverna li Tirrappreżenta l-Klassi taʼ l-Ilsir
10. Liema ġemgħa li tagħmel id-deċiżjonijiet kienet teżisti fl-ewwel seklu, u x’effett kellha fuq il-kongregazzjonijiet?
10 Ir-responsabbiltajiet kbar taʼ l-ilsir leali żgur li jinvolvu li jittieħdu ħafna deċiżjonijiet. Fil-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu, l-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm aġixxew taʼ rappreżentanti, billi ħadu deċiżjonijiet għan-nom tal-kongregazzjoni Kristjana kollha kemm hi. (Atti 15:1, 2) Id-deċiżjonijiet taʼ din il-ġemgħa li tiggverna taʼ l-ewwel seklu ġew mgħoddijin lill-kongregazzjonijiet permezz taʼ ittri u rappreżentanti li jivvjaġġaw. Il-Kristjani tal-bidu ferħu meta rċivew din id-direzzjoni ċara, u l-kooperazzjoni tagħhom mill-qalb mal-ġemgħa li tiggverna inkuraġġiet il-paċi u l-unità.—Atti 15:22-31; 16:4, 5; Filippin 2:2.
11. Kristu lil min qed juża llum biex jidderieġi lill-kongregazzjoni tiegħu, u kif għandna nqisu lil dan il-grupp taʼ Kristjani midlukin?
11 Bħal fi żmien il-Kristjani tal-bidu, grupp żgħir taʼ indokraturi midlukin bl-ispirtu jifformaw il-Ġemgħa li Tiggverna tas-segwaċi taʼ Kristu fuq l-art illum. Permezz tal-qawwa li qed jeżerċita b’“idu l-leminija,” Kristu, il-Kap tal-kongregazzjoni, qed jidderieġi lil dawn l-irġiel leali hekk kif jindokraw ix-xogħol tas-Saltna. (Rivelazzjoni 1:16, 20) Albert Schroeder, li qeda għal żmien twil bħala membru tal-Ġemgħa li Tiggverna u li dan l-aħħar temm il-ħajja tiegħu fuq l-art, kiteb fil-bijografija tiegħu: “Il-Ġemgħa li Tiggverna tiltaqaʼ kull nhar t’Erbgħa, tiftaħ il-laqgħa bit-talba u titlob għad-direzzjoni taʼ l-ispirtu taʼ Ġeħova. Isir sforz kbir biex kull kwistjoni li niddiskutu u kull deċiżjoni li ssir tkun fi qbil mal-Kelma t’Alla l-Bibbja.”b Jistaʼ jkollna fiduċja fi Kristjani midlukin bħal dawn li huma tant leali. Dwarhom, b’mod partikulari, aħna għandna nagħtu kas il-kmand taʼ l-appostlu Pawlu: “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom, għax huma qed jgħassulkom ruħkom.”—Ebrej 13:17.
Nuru Rispett Xieraq Lejn l-Ilsir Leali
12, 13. Liema raġunijiet Skritturali għandna biex nuru rispett lejn il-klassi taʼ l-ilsir?
12 Raġuni fundamentali għala għandna nuru rispett xieraq lejn il-klassi taʼ l-ilsir leali hi li jekk nagħmlu dan, fil-fatt, inkunu qed nuru rispett lejn is-Sid, Ġesù Kristu. Pawlu kiteb dwar il-midlukin: “Min kien ħieles meta ssejjaħ, hu lsir taʼ Kristu. Kontu mixtrijin bi prezz.” (1 Korintin 7:22, 23; Efesin 6:6) Għalhekk, meta nissottomettu ruħna lealment għad-direzzjoni taʼ l-ilsir leali u l-Ġemgħa li Tiggverna tiegħu, aħna nkunu qed nissottomettu ruħna lejn Kristu, is-Sid taʼ l-ilsir. Il-fatt li nuru rispett xieraq għall-għodda li juża Kristu biex jieħu ħsieb kulma għandu fuq l-art hu mod wieħed kif “[nistqarru] quddiem kulħadd li Ġesù Kristu hu Mulej għall-glorja t’Alla l-Missier.”—Filippin 2:11.
13 Raġuni Skritturali oħra għala għandna nuru rispett lejn l-ilsir leali hi li l-Kristjani midlukin fuq l-art jissemmew b’mod figurattiv bħala “tempju” li Ġeħova joqgħod fih “bl-ispirtu.” Bħala tali, huma “qaddisin.” (1 Korintin 3:16, 17; Efesin 2:19-22) Ġesù jafda lil dan il-grupp deskritt bħala tempju qaddis b’kulma għandu fuq l-art, u dan ifisser li ċerti drittijiet u responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni Kristjana jappartjenu biss lil dan l-ilsir kollettiv. Għaldaqstant, kulmin hu fil-kongregazzjoni jħares lejh bħala d-dmir sagru tiegħu li jsegwi u jżomm mad-direzzjoni li ġejja mill-ilsir leali u mill-Ġemgħa li Tiggverna tiegħu. Tabilħaqq, in-“nagħaġ oħrajn” iħossuhom tassew privileġġati li jgħinu lill-klassi taʼ l-ilsir f’li tieħu ħsieb l-interessi tas-Sid.—Ġwanni 10:16.
Nagħtu Appoġġ Leali
14. Bħalma pprofetizza Isaija, in-nagħaġ oħrajn kif jimxu wara l-klassi taʼ l-ilsir midluk u jaqdu bħala “ħaddiema mhux imħallsin”?
14 Is-sottomissjoni b’umiltà tan-nagħaġ oħrajn lejn il-membri midlukin taʼ Iżrael spiritwali ġiet imbassra fil-profezija taʼ Isaija: “Dan jgħid il-Mulej: ‘Il-[“ħaddiema mhux imħallsin,” NW] taʼ l-Eġittu u l-qligħ taʼ Kus, u tas-Sabajin, nies twal, jgħaddu għal għandek u jsiru tiegħek. Jimxu warajk u jgħaddu mxekkla, u quddiemek jinxteħtu fl-art, u jitolbuk u jgħidulek: “Għandek biss hemm Alla, u m’hemmx ieħor għajru, m’hemmx Alla ħliefu.”’” (Isaija 45:14) B’mod simboliku, in-nagħaġ oħrajn illum jimxu wara l-klassi taʼ l-ilsir midluk u l-Ġemgħa li Tiggverna tagħha billi jsegwu d-direzzjoni tagħhom. Bħala “ħaddiema mhux imħallsin,” in-nagħaġ oħrajn minn jeddhom jagħtu mis-saħħa fiżika u r-riżorsi tagħhom biex jappoġġaw ix-xogħol taʼ l-ippridkar li qed isir madwar id-dinja u li Kristu inkariga lis-segwaċi midlukin tiegħu fuq l-art biex jagħmlu.—Atti 1:8; Rivelazzjoni 12:17.
15. Il-profezija taʼ Isaija 61:5, 6 (NW) kif tbassar ir-relazzjoni li teżisti bejn in-nagħaġ oħrajn u Iżrael spiritwali?
15 In-nagħaġ oħrajn jinsabu ferħanin u grati li jaqdu lil Ġeħova taħt il-ħarsien tal-klassi taʼ l-ilsir u l-Ġemgħa li Tiggverna tagħha. Huma jirrikonoxxu li l-midlukin huma membri taʼ “l-Iżrael t’Alla.” (Galatin 6:16) Bħala “stranġieri” jew “barranin” figurattivi li jissieħbu maʼ Iżrael spiritwali, huma jaqdu bil-ferħ bħala “bdiewa” u ‘dawk li jiżbru d-dwieli’ taħt id-direzzjoni tal-midlukin, “il-qassisin taʼ Ġeħova” u “l-ministri t’Alla.” (Isaija 61:5, 6, NW) Huma jieħdu sehem b’mod żeluż fl-ippridkar taʼ din l-aħbar tajba tas-Saltna u f’li jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha. Huma jagħtu appoġġ b’qalbhom kollha lill-klassi taʼ l-lsir f’li jirgħu u jieħdu ħsieb lil uħud ġodda li huma bħal nagħaġ.
16. Xi jqanqal lin-nagħaġ oħrajn biex jagħtu appoġġ leali lill-ilsir leali u għaqli?
16 In-nagħaġ oħrajn jirrikonoxxu li huma jibbenefikaw ħafna mill-isforzi ħabrieka taʼ l-ilsir leali biex jipprovdilhom l-ikel spiritwali f’waqtu. Bl-umiltà huma jirrikonoxxu li kieku ma kienx għall-ilsir leali u għaqli, huma ftit li xejn kien se jkollhom għarfien dwar il-veritajiet prezzjużi tal-Bibbja, bħal per eżempju dwar is-sovranità taʼ Ġeħova, it-taqdis taʼ ismu, is-Saltna, is-smewwiet ġodda u l-art ġdida, ir-ruħ, il-kundizzjoni tal-mejtin, u l-identità vera taʼ Ġeħova, Ibnu, u l-ispirtu qaddis. Bi gratitudni u lealtà kbira, in-nagħaġ oħrajn jappoġġaw bl-imħabba lil ‘ħut’ Kristu li huma midlukin fuq l-art matul dan iż-żmien taʼ l-aħħar.—Mattew 25:40.
17. Il-Ġemgħa li Tiggverna x’ħasset li hu neċessarju li tagħmel, u x’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
17 Minħabba li qed jonqsu fl-għadd, il-midlukin ma jistgħux ikunu preżenti fil-kongregazzjonijiet kollha biex jiżguraw li jieħdu ħsieb kulma għandu Kristu. Minħabba f’hekk, il-Ġemgħa li Tiggverna taħtar irġiel minn fost in-nagħaġ oħrajn f’pożizzjonijiet taʼ indokrar fl-uffiċċji tal-fergħa, fid-distretti, fis-circuits, u fil-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Il-lealtà tagħna lejn Kristu u l-ilsir leali tiġi effettwata b’xi mod mill-attitudni tagħna lejn dawk ir-rgħajja li jaqdu taħt id-direzzjoni taʼ Kristu? Dan se jiġi kunsidrat fl-artiklu li jmiss.
[Noti taʼ taħt]
a Għal diskussjoni dettaljata dwar dan is-suġġett, ara t-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Marzu, 2004, paġni 13-18, u l-1 taʼ Marzu, 1993, paġna 12.
b Pubblikata fil-ħarġa tal-Watchtower taʼ l-1 taʼ Marzu, 1988, paġni 10-17.
Bħala Reviżjoni
• Min hu l-Mexxej tagħna, u liema ħaġa turina li hu jaf x’inhu jiġri fil-kongregazzjonijiet?
• Fl-ispezzjoni tat-“tempju,” min instab qed jaġixxi bħala ilsir leali, u x’ġie fdat f’idejh?
• Liema raġunijiet Skritturali għandna biex nappoġġaw lealment lill-ilsir leali?
[Stampi f’paġna 23]
Dak li Ġesù “għandu” amministrat mill-“prokuratur” jinkludi l-affarijiet materjali, il-programmi spiritwali, u l-attività taʼ l-ippridkar
[Stampa f’paġna 25]
Membri tan-nagħaġ oħrajn jappoġġaw lill-klassi taʼ l-ilsir leali billi jippridkaw b’mod żeluż