Kommemorazzjoni li Teffettwa Lilek
META kien fuq l-art, Ġesù Kristu stabbilixxa kommemorazzjoni li tonora lil Alla. Din hija l-unika ċerimonja reliġjuża li hu kkmanda direttament lis-segwaċi tiegħu biex jikkommemoraw. Kienet l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej, magħrufa wkoll bħala l-Aħħar Ċena.
Immaġina li int qiegħed hemm tosserva bil-moħbi l-ġrajjiet li jwasslu għal din l-okkażjoni. Ġesù u l-appostli tiegħu nġabru flimkien fil-kamra taʼ fuq ġo dar f’Ġerusalemm biex jiċċelebraw il-Qbiż Lhudi. Għadhom kemm spiċċaw jieklu l-ikla tal-Qbiż skond id-drawwa tagħhom, u din kienet tikkonsisti f’ħaruf mixwi, ħaxix morr, ħobż bla ħmira, u nbid aħmar. Ġuda l-Iskarjota, l-appostlu li ma baqax leali, intalab jitlaq u dalwaqt se jittradixxi lil Sidu. (Mattew 26:17-25; Ġwanni 13:21, 26-30) Ġesù jinsab waħdu mal-11-il appostlu leali tiegħu. Mattew hu wieħed minnhom.
Skond ir-rakkont taʼ Mattew, li kien xhud taʼ dak li ġara, dan hu kif Ġesù stabbilixxa l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej: “Ġesù ħa l-ħobż [bla ħmira] f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwlu lid-dixxipli u qal: ‘Ħudu, kulu, dan hu ġismi.’ Mbagħad ħa l-kalċi [bl-inbid] f’idejh, radd il-ħajr, newwlilhom il-kalċi u qal: ‘Ixorbu lkoll minnu, għax dan hu demmi, id-demm tal-Patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet.’”—Mattew 26:26-28.
Ġesù għala stabbilixxa l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej? Meta għamel dan, hu għala uża ħobż bla ħmira u nbid aħmar? Kellhom id-dixxipli kollha taʼ Ġesù jieħdu mill-emblemi? Din l-ikla kemm-il darba kellha tiġi kommemorata? U għandha verament tifsira għalik?