LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 5/1 pp. 23-27
  • Waqt li Kont Agħma, Infetħuli Għajnejja!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Waqt li Kont Agħma, Infetħuli Għajnejja!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Impressjonijiet li Kelli fil-​Bidu Bħala Student tal-​Mediċina
  • Sodisfatt li Ngħin lin-​Nies
  • Nikkura Pazjenti li Kienu Xhieda
  • Jibda l-​Inkwiet
  • Bdejt bil-​Ħażin
  • Nerġaʼ Nħossni Utli
  • Inżomm l-​Integrità Minkejja l-​Pressjonijiet
  • Bidla fl-​Attitudni
  • Aċċettajt il-Ħarsa t’Alla dwar id-Demm
    Stenbaħ!—2003
  • Int Għandek id-Dritt li Tagħżel
    Id-Demm Kif Jista’ Jsalvalek Ħajtek?
  • Id-Demm li Tassew Isalva l-Ħajjiet
    Id-Demm Kif Jista’ Jsalvalek Ħajtek?
  • Tkompli Tiżdied il-Ħtieġa għal Mediċina u Kirurġija Mingħajr Demm
    Stenbaħ!—2000
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 5/1 pp. 23-27

Bijografija

Waqt li Kont Agħma, Infetħuli Għajnejja!

KIF RAKKONTATA MINN EGON HAUSER

Wara li kont ili xahrejn agħma fiżikament, infetħuli għajnejja għall-​veritajiet tal-​Bibbja li kont injorajt tul ħajti kollha.

META nirrifletti dwar l-​iktar minn sebgħin sena li għaddew, inħoss li ħafna mill-​aspetti taʼ ħajti jġibuli sodisfazzjon kbir. Imma kieku nistaʼ nbiddel ħaġa waħda, kont nagħżel li nsir naf dwar Alla Jehovah ħafna qabel.

Jien twilidt fl-​1927 fl-​Urugwaj, pajjiż forma taʼ lanġasa li jinsab bejn l-​Arġentina u l-​Brażil. Pajjiż imżejjen b’xeni mill-​isbaħ tul il-​Kosta taʼ l-​Atlantiku. Il-​popolazzjoni hi magħmula prinċipalment mid-​dixxendenti taʼ immigranti Taljani u Spanjoli. Madankollu, il-​ġenituri tiegħi kienu immigranti Ungeriżi, u meta kont ċkejken konna noqogħdu fi nħawi fejn in-​nies ma kinux sinjuri imma kienu qalb waħda. Ma kienx hemm bżonn taʼ serraturi fil-​bibien jew ħadid mat-​twieqi. Ma kien hemm ebda preġudizzju razzjali fostna. Il-​barranin u n-​nies tal-​post, is-​suwed u l-​bojod—ilkoll konna ħbieb.

Il-ġenituri tiegħi kienu Kattoliċi prattikanti, u meta kelli għaxar snin jien sirt abbati. Meta kbirt, kont naħdem mal-​parroċċa lokali u kont membru taʼ grupp taʼ konsulenti għall-​isqof tad-​djoċesi. Peress li għażilt il-​professjoni medika, ġejt mistieden biex nieħu sehem f’seminar fil-​Venezwela organizzat mill-​Knisja Kattolika. Bħala tobba li konna nispeċjalizzaw fil-​ġinekoloġija, il-​grupp tagħna ġie inkarigat biex jistudja l-​kontraċettivi orali li dak iż-​żmien kienu qed jiġu introdotti fis-​suq.

Impressjonijiet li Kelli fil-​Bidu Bħala Student tal-​Mediċina

Meta kont għadni student tal-​mediċina u kont qed nitgħallem dwar il-​ġisem uman, bdejt iktar u iktar niġi impressjonat bl-​għerf li kien jidher fil-​mod meraviljuż kif inhu magħmul. Per eżempju, bqajt miblugħ bl-​abbiltà li l-​ġisem għandu biex ifejjaq lilu nnifsu u biex jirkupra minn xi trawma, bħal ngħidu aħna meta titneħħa xi biċċa mill-​fwied jew xi kustilja u kif dawn jerġgħu jikbru għad-​daqs normali.

Fl-​istess ħin, rajt ħafna vittmi taʼ inċidenti serji, u kont nitnikket meta kienu jmutu minħabba li jkunu ngħataw it-​trasfużjonijiet tad-​demm. Għadni niftakar sa llum kemm kien ikun diffiċli li tispjega lill-​qraba tal-​pazjenti li jkunu għadhom kif mietu minħabba komplikazzjonijiet li jinvolvu d-​demm. Fil-​biċċa l-​kbira, lanqas biss kienu jgħidulhom li kienet it-​trasfużjoni tad-​demm li kkaġunat il-​mewt tal-​maħbubin tagħhom. Minflok, kienu jingħataw raġunijiet oħra. Għalkemm għaddew ħafna snin, jien għadni niftakar li kont inċert ħafna dwar it-​trasfużjonijiet tad-​demm, u fl-​aħħar wasalt għall-​konklużjoni li kien hemm xi ħaġa ħażina f’din il-​proċedura. Mank li kont nafha dakinhar il-​liġi taʼ Jehovah dwar il-​qdusija tad-​demm! Kieku, forsi ma kontx inkun daqshekk inċert dwar dak li kien qed jiġi prattikat madwari.—Atti 15:19, 20.

Sodisfatt li Ngħin lin-​Nies

Maż-​żmien, jien sirt kirurgu u bdejt nopera, u sirt ukoll direttur taʼ ċentru għall-​għajnuna medika f’Santa Lucía. Kelli wkoll xi responsabbiltajiet fl-​Istitut Nazzjonali tax-​Xjenza Bijoloġika. Dan kien taʼ sodisfazzjon kbir għalija. Kont ngħin lin-​nies morda billi nserraħhom mill-​uġigħ fiżiku tagħhom, u f’ħafna każi salvajt il-​ħajjiet u ġibt ħajjiet oħra fid-​dinja billi għent lill-​ommijiet waqt il-​ħlas. Minħabba l-​esperjenzi li kelli qabel, kont nevita li nagħti trasfużjonijiet tad-​demm u għamilt eluf taʼ operazzjonijiet mingħajr demm. Irraġunajt li emorraġija hija bħal barmil imtaqqab. L-​unika soluzzjoni hi li ssodd it-​toqba u mhux tkompli timla l-​barmil.

Nikkura Pazjenti li Kienu Xhieda

Il-​kuntatti li kelli max-​Xhieda taʼ Jehovah bdew fl-​1960 meta dawn bdew ġejjin fil-​klinika fejn kont naħdem biex jiġu operati mingħajr demm. Qatt ma ninsa l-​każ taʼ pazjenta minnhom, pijuniera (ministru full-time) li kien jisimha Mercedes Gonzalez. Hi tant kellha anemija li t-​tobba fl-​isptar taʼ l-​università ma ridux jieħdu r-​riskju li joperawha, għax ħassew li żgur ma kinitx tibqaʼ ħajja. Għalkemm kienet qed titlef ħafna demm, aħna operajnieha fil-​klinika tagħna. L-​operazzjoni kienet suċċess, u hi kompliet tagħmel ix-​xogħol taʼ pijuniera għal iktar minn 30 sena oħra sakemm mietet reċentement fl-​età taʼ 86 sena.

Dejjem kont nibqaʼ impressjonat bl-​imħabba u l-​interess li x-​Xhieda kienu juru meta kienu jieħdu ħsieb ħuthom Kristjani fl-​isptar. Meta kont inkun qed inżur lill-​pazjenti, kont nieħu gost nismagħhom jitkellmu dwar it-​twemmin tagħhom, u kont naċċetta l-​pubblikazzjonijiet li kienu joffruli. Qatt m’għaddieli minn moħħi li f’qasir żmien ma kontx se nkun biss it-​tabib tagħhom imma wkoll ħuhom spiritwali.

Il-konnessjoni tiegħi max-​Xhieda kompliet tiżdied meta żżewwiġt lil Beatriz, bint wieħed mill-​pazjenti. Il-​biċċa l-​kbira mill-​familja tagħha diġà kienu qed jassoċjaw max-​Xhieda, u wara li żżewwiġna, hi wkoll saret attiva bħala Xhud. Mill-​banda l-​oħra, jien kont medhi għalkollox fix-​xogħol tiegħi u kelli ċerta prominenza fil-​qasam mediku. Kont sodisfatt ħafna b’ħajti. Lanqas f’mitt sena ma kont noħlom li f’qasir żmien kien se jinqalagħli daqshekk inkwiet.

Jibda l-​Inkwiet

Waħda mill-​agħar affarijiet li jistaʼ jiġrilu kirurgu hi li jitlef id-​dawl t’għajnejh. Jien hekk ġrali. F’daqqa waħda, iċċarrtitli r-​retina t’għajnejja t-​tnejn—għamejt u ma kontx naf jekk qattx stajt nerġaʼ niġi nara. Wara l-​operazzjoni, kont qiegħed fis-​sodda b’għajnejja nfaxxati, u ħassejtni dipress ħafna. Tant ħassejtni bla skop u bla tama li ddeċidejt li nneħħi ħajti. Peress li kont fir-​rabaʼ sular, qomt mis-​sodda u bdejt inteftef mal-​ħajt biex insib it-​tieqa. Ridt naqbeż mit-​tieqa. Iżda spiċċajt fil-​kuritur taʼ l-​isptar, u kien hemm infermiera li reġgħet ħaditni fis-​sodda tiegħi.

Ma rġajtx ipprovajt nagħmel hekk. Imma minħabba d-​dlam li sibt ruħi fih bqajt inħossni dipress u bla sabar. Matul dan il-​perijodu li domt agħma, għamilt wegħda m’Alla li jekk nerġaʼ niġi nara, naqra l-​Bibbja mill-​bidu sa l-​aħħar. Maż-​żmien erġajt ksibt id-​dawl, għalkemm mhux għalkollox; imma stajt naqra. Però ma stajtx nibqaʼ kirurgu. Imma, fl-​Urugwaj hemm qawl popolari: “No hay mal que por bien no venga,” “Mill-​ħażin joħroġ it-​tajjeb.” Dalwaqt kont se nġarrab il-​verità taʼ dan il-​qawl.

Bdejt bil-​Ħażin

Ridt nixtri The Jerusalem Bible, l-​edizzjoni b’ittri kbar, imma sirt naf li x-​Xhieda taʼ Jehovah kellhom Bibbja li kienet tiswa inqas, u Xhud żagħżugħ offra li jġibli waħda d-​dar. L-​għada fil-​għodu, kien qiegħed iħabbatli l-​bieb bil-​Bibbja f’idu. Marti fetħet il-​bieb u qagħdet titkellem miegħu. Dak il-​ħin insejt il-​manjieri kollha u bdejt ngħajjat minn ġewwa biex marti tfittex tħallsu ħalli jitlaq ’il barra, u dan, m’għandniex xi ngħidu, hekk għamel. Lanqas qatt ma bsart li dan l-​istess individwu kien se jkollu rwol sinifikanti f’ħajti.

Darba għamilt wegħda lil marti u ma kontx kapaċi nwettaqha. Għalhekk, biex inpattilha u nferraħha, għedtilha li kont se mmur magħha għat-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù li ssir kull sena. Meta wasal dak il-​jum, ftakart fil-​wegħda li għamilt u mort magħha għal din l-​okkażjoni. Bqajt impressjonat bl-​atmosfera taʼ ħbiberija u l-​merħba mill-​qalb li ngħatajt. Meta l-​kelliemi beda t-​taħdita tiegħu, bqajt mistagħġeb li dan kien l-​istess wieħed li b’nuqqas t’edukazzjoni kont keċċejt mid-​dar tiegħi. It-​taħdita li għamel effettwatni ħafna, u ddispjaċieni ħafna li kont ittrattajtu daqshekk ħażin. Kif stajt inpattilu?

Tlabt lil marti biex tistiednu għall-​ikel, imma hi ssuġġeriet: “Ma taħsibx li jkun iktar xieraq jekk tistiednu int? Oqgħod hawn, issa jiġi jkellimna.” Sewwa qalet. Hu ġie jkellimna u laqaʼ l-​istedina bil-​qalb kollha.

Id-diskursata li kellna dik il-​lejla li ġie għandna kienet il-​bidu taʼ ħafna bidliet għalija. Hu wrieni l-​ktieb Il-​Verità li Twassal għal Ħajja Eterna,a u jien urejtu sitt kopji taʼ dak l-​istess ktieb. Pazjenti differenti li kienu Xhieda tawhomli l-​isptar, imma jien qatt ma kont qrajthom. Matul l-​ikla u wara, sa tard bil-​lejl, staqsejtu mistoqsija wara l-​oħra—li kollha ġew imweġbin minn fuq il-​Bibbja. Id-​diskussjoni damet sejra sas-​sigħat bikrin taʼ l-​għada fil-​għodu. Qabel ma telaq, dan iż-​żagħżugħ offra li jistudja l-​Bibbja miegħi permezz tal-​ktieb Verità. Spiċċajna nistudjaw dan il-​ktieb fi tliet xhur u komplejna bil-​ktieb “Babylon the Great Has Fallen!” God’s Kingdom Rules!b Wara dan iddedikajt ħajti lil Alla Jehovah u tgħammidt.

Nerġaʼ Nħossni Utli

Waqt li kont agħma fiżikament, infetħuli ‘l-​għajnejn taʼ qalbi’ għall-​veritajiet tal-​Bibbja li kont ili ninjora sa dakinhar! (Efesin 1:18) Meta sirt naf lil Jehovah u l-​iskop tiegħu kollu mħabba, ħajti nbidlet mil-​lejl għan-​nhar. Qed nerġaʼ nħossni utli u ferħan. Qed ngħin lin-​nies kemm fiżikament u kemm spiritwalment u nurihom kif itawlu ħajjithom għal ftit tas-​snin oħra f’din id-​dinja u għall-​eternità kollha fid-​dinja l-​ġdida.

Jien żammejt ruħi aġġornat fil-​mediċina, u għamilt riċerki fuq ir-​riskji tad-​demm, kif ukoll fuq tipi taʼ kura alternattiva, id-​drittijiet tal-​pazjenti, u l-​bijoetika, jiġifieri r-​regoli taʼ mġiba fir-​riċerka medika jew bijoloġika. Kelli opportunitajiet biex naqsam din l-​informazzjoni mal-​komunità medika lokali meta ġejt mistieden nitkellem dwar dawn is-​suġġetti f’seminars mediċi. Fl-​1994, attendejt l-​ewwel kungress dwar it-​terapija mingħajr demm f’Rio de Janeiro, il-​Brażil, u tajt taħdita fuq kif wieħed għandu jittratta l-​emorraġija. Parti minn dik l-​informazzjoni ġiet inkluża f’artiklu li ktibt, “Una propuesta: Estrategias para el Tratamiento de las Hemorragias” (Proposta Strateġika għall-​Kura Kontra l-​Emorraġija), pubblikat fir-​rivista medika Hemoterapia.

Inżomm l-​Integrità Minkejja l-​Pressjonijiet

Fil-​bidu, id-​dubji li kelli dwar it-​trasfużjonijiet tad-​demm kienu bbażati l-​iktar fuq għarfien xjentifiku. Madankollu, meta jien stess sirt pazjent fl-​isptar, sibt li ma kinitx xi ħaġa faċli li nirrifjuta t-​trasfużjonijiet tad-​demm u nżomm il-​fidi tiegħi meta kelli nħabbat wiċċi mal-​pressjoni kbira li għamluli t-​tobba. Wara attakk tal-​qalb qawwi, domt sagħtejn nispjega l-​pożizzjoni tiegħi lit-​tabib li kien se joperani. Hu kien bin wieħed mill-​ħbieb kbar tiegħi u qalli li ma kienx se jħallini mmut jekk kien iħoss li trasfużjoni tad-​demm kienet se ssalvali ħajti. Tlabt lil Jehovah f’qalbi biex jgħin lil dan it-​tabib jifhem u jirrispetta l-​pożizzjoni tiegħi anki jekk ma kienx jaqbel magħha. Fl-​aħħar, it-​tabib wegħedni li jirrispetta x-​xewqa tiegħi.

F’okkażjoni oħra, kellhom ineħħuli tumur kbir mill-​prostata. Ġietni emorraġija. Għal darb’oħra, sibt ruħi nispjega r-​raġunijiet għala kont qed nirrifjuta t-​trasfużjonijiet tad-​demm, u għalkemm tlift iktar minn żewġ terzi tad-​demm, l-​istaff mediku rrispetta l-​pożizzjoni tiegħi.

Bidla fl-​Attitudni

Bħala membru taʼ l-​Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-​Bijoetika, kelli s-​sodisfazzjon li nara bidla fl-​attitudni taʼ l-​istaff mediku u l-​awtoritajiet legali lejn id-​drittijiet tal-​pazjenti. It-​tobba qed ibiddlu l-​attitudni protettiva żżejjed tagħhom għal waħda taʼ rispett lejn il-​kunsens informat, l-​għażla li l-​pazjent jagħmel wara li jkun ngħata l-​informazzjoni kollha. Huma issa qed jippermettu lill-​pazjenti jagħżlu x’kura jkunu jridu. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah m’għadhomx jitqiesu bħala fanatiċi li ma jixirqilhomx attenzjoni medika. Minflok, qed jitqiesu bħala pazjenti informati tajjeb u li d-​drittijiet tagħhom għandhom jiġu rispettati. F’seminars mediċi u fi programmi televiżivi, professuri magħrufin ħafna qalu: “Grazzi għall-​isforzi li għamlu x-​Xhieda taʼ Jehovah, aħna issa nistgħu nifhmu . . . ” “Tgħallimna mix-​Xhieda . . . ” u “Huma għallmuna nitjiebu.”

Jingħad li l-​ħajja hija l-​iktar ħaġa importanti għaliex il-​ħelsien, il-​libertà, u d-​dinjità ma jkunu jfissru xejn mingħajrha. Ħafna issa qed jaċċettaw konċett legali superjuri, u jirrikonoxxu li kull individwu għandu d-​dritt jiddeċiedi personalment għalih innifsu u hu l-​uniku wieħed li jistaʼ jiddeċiedi liema wieħed mid-​drittijiet tiegħu hu l-​iktar importanti f’xi ċirkustanza partikulari. B’dan il-​mod, id-​dinjità, il-​libertà taʼ l-​għażla, u t-​twemmin reliġjuż jingħataw prijorità. Il-​pazjent għandu dritt jieħu d-​deċiżjonijiet li jrid hu dwar saħħtu. L-​arranġament li għandhom ix-​Xhieda taʼ Jehovah rigward is-​Servizz taʼ Informazzjoni Dwar l-​Isptarijiet għen lil ħafna tobba biex jifhmu iktar dawn il-​kwistjonijiet.

L-appoġġ kontinwu tal-​familja tiegħi ppermettieli nkun utli fis-​servizz taʼ Jehovah kif ukoll naqdi bħala anzjan fil-​kongregazzjoni Kristjana. Bħalma diġà għedt, l-​iktar ħaġa li jiddispjaċini hi li ma tgħallimtx dwar Jehovah meta kont għadni iżgħar. Xorta waħda, inħossni grat ħafna li hu fetaħli għajnejja biex nara t-​tama meraviljuża taʼ ħajja taħt is-​Saltna t’Alla, meta “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’”—Isaija 33:24.c

[Noti taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

b Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

c Waqt li kien qed jiġi preparat dan l-​artiklu, Ħuna Egon Hauser miet leali, u aħna nifirħu miegħu li t-​tama tiegħu hija waħda ċerta.

[Stampa f’paġna 24]

Meta kelli fuq it-​30 sena, waqt li kont naħdem fl-​isptar f’Santa Lucía

[Stampa f’paġna 26]

Maʼ marti, Beatriz, fl-​1995

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja