LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 8/1 pp. 29-31
  • X’Jagħti lill-Ħajja Sinifikat Veru?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Jagħti lill-Ħajja Sinifikat Veru?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Is-​Sors tas-​Sinifikat u taʼ l-​Iskop tal-​Ħajja
  • Ħbiberija m’Alla
  • L-​Iskop t’Alla Mwettaq
  • Agħti Sinifikat lil Ħajtek
  • Alla X’Ħajja Jixtieq Għalina?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • X’Inhu l-Iskop tal-Ħajja?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Infittxu Skop Siewi fil-Ħajja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Jehovah Dak Alla taʼ Skop
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 8/1 pp. 29-31

X’Jagħti lill-​Ħajja Sinifikat Veru?

META Jesse, student taʼ 17-il sena ġie mistoqsi dwar x’sinifikat għandha l-​ħajja, hu wieġeb, “Ħu pjaċir kemm tiflaħ, sakemm għadek ħaj.” Suzie kellha ħarsa differenti. “Onestament naħseb li s-​sinifikat tal-​ħajja huwa x’tagħmilha tfisser int,” qalet hi.

Ġieli qgħadt taħseb dwar is-​sinifikat tal-​ħajja? Hemm biss skop wieħed għall-​umanità kollha? Jew inkella Suzie qalet sew—li essenzjalment il-​ħajja hija dak li jagħmilha kull wieħed minna? Minkejja kemm is-​soċjetà tagħna tavanza fit-​teknoloġija, xi ħaġa ġo fina tidher li tixxennaq għal skop fil-​ħajja. F’xi mument jew ieħor f’ħajjitna, ħafna minna nistaqsu, ‘Għala qegħdin hawn?’

Ix-xjenza moderna ħabirket ħafna biex twieġeb din il-​mistoqsija. B’liema riżultat? “Fih innifsu, li tkun ħaj ma fih l-​ebda sinifikat fil-​proċess taʼ l-​evoluzzjoni,” qal David P. Barash, professur tal-​psikoloġija u ż-​żooloġija. Għall-​bijoloġi li jistudjaw l-​evoluzzjoni, il-​ħlejjaq ħajjin għandhom skop wieħed biss: li jgħixu u jirriproduċu. Għalhekk, il-​Professur Barash jissuġġerixxi: “F’univers enormi li m’għandux sinifikat u li ma jiħux interess fin-​nies, jiddependi minna bħala bnedmin li nagħtu sinifikat lil ħajjitna permezz taʼ l-​għażliet li nagħmlu minħabba l-​libertà, il-​kuxjenza, u l-​intenzjoni tagħna.”

Is-​Sors tas-​Sinifikat u taʼ l-​Iskop tal-​Ħajja

Allura, huwa dan l-​iskop kollu tal-​ħajja—li kulħadd jagħmel dak li jrid? Minflok ma tħallina nduru u ngħaqdu f’univers bla sinifikat u bla skop, il-​Bibbja minn żmien ilu rrivelat li aħna qegħdin hawn għal raġuni. L-​eżistenza tagħna ma rriżultatx minn xi aċċident kosmiku. Jintqalilna li l-​Ħallieq dam snin twal jipprepara l-​art għall-​wasla tal-​bniedem. Xejn ma ġara b’kumbinazzjoni. Hu ħa ħsieb li kollox ikun “tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:31; Isaija 45:18) Għala? Dan seħħ minħabba li Alla kellu skop għall-​bniedem.

Madankollu, taʼ interess, Alla ma ppredestinax il-​futur taʼ kull individwu permezz taʼ intervent divin jew permezz taʼ xi proċess bijoloġiku. Għalkemm niġu influwenzati minn dak li writna ġenetikament, fil-​biċċa l-​kbira aħna għandna kontroll fuq l-​azzjonijiet tagħna. Aħna lkoll ħielsa li nagħżlu t-​triq li rridu naqbdu f’ħajjitna.

Filwaqt li kull wieħed minna jistaʼ jagħżel xi jrid jagħmel b’ħajtu, ikun żball li ma nikkunsidrawx lill-​Ħallieq fl-​għażliet tagħna. Fil-​fatt, ħafna skoprew li s-​sinifikat u l-​iskop veru fil-​ħajja huma minsuġin maʼ relazzjoni m’Alla. Ir-​rabta vitali bejn Alla u l-​iskop tagħna fil-​ħajja hija enfasizzata fl-​isem persunali t’Alla, Jehovah, li letteralment ifisser, “Hu Jġiegħel li Jsir.” (Eżodu 6:3; Salm 83:19 [83:18, NW]) Dan ifisser li b’mod progressiv hu jwettaq dak kollu li jwiegħed u dejjem iwassal l-​iskopijiet tiegħu sat-​tmiem. (Eżodu 3:14; Isaija 55:10, 11) Aħseb dwar dan. L-​isem Jehovah huwa garanzija għal kull wieħed u waħda minna li hu s-​Sors oriġinali u etern taʼ skop mimli sinifikat.

Is-sempliċi fatt li wieħed jemmen bl-​eżistenza tal-​Ħallieq jeffettwa ħafna l-​ħarsa tiegħu lejn il-​ħajja. Linet, li għandha 19-il sena, tgħid: “Meta nħares lejn l-​affarijiet meraviljużi li ħalaq Jehovah u lejn l-​iskop li għandhom, nara li anki jien inħloqt għal raġuni.” Amber tkompli: “Meta n-​nies jgħidu ‘li ma jafux’ [jekk hemmx Alla], inħossni tassew grata li jien naf. Il-​prova li Alla jeżisti qiegħda sempliċement fl-​affarijiet li għamel.” (Rumani 1:20) M’għandniex xi ngħidu, li tagħraf li l-​Ħallieq jeżisti hija ħaġa, imma li tiżviluppa relazzjoni tajba miegħu hija ħaġa oħra.

Ħbiberija m’Alla

Il-​Bibbja tistaʼ tkun t’għajnuna hawnhekk ukoll. L-​ewwel kapitli tagħha jipprovdu evidenza ċara li Alla Jehovah huwa Missier kollu mħabba. Per eżempju, hu ma ħalaqx lil Adam u Eva u ħallihom mingħajr ebda ħjiel dwar hu min kien. Minflok, kien jikkomunika magħhom regolarment. Hu ma telaqhomx fl-​Għeden biex jaqdfu għal rashom fid-​dinja waqt li hu kompla b’affarijiet oħra. Minflok, hu tahom direzzjoni speċifika dwar kif jgħixu bl-​aħjar mod. Hu tahom xogħol sodisfaċenti, u ħa ħsieb biex ikompli jedukahom. (Ġenesi 1:26-30; 2:7-9) Mhux hekk tistenna minn ġenitur kapaċi u kollu mħabba? Issa aħseb ftit x’jiġifieri dan. “Il-​fatt li nafu li Jehovah ħalaq l-​art u ddisinjana bl-​abbiltà li nieħdu pjaċir bil-​ħolqien tiegħu,” tgħid Denielle, “jurini li hu jridna nkunu ferħanin.”

Iktar minn hekk, bħal kull missier tajjeb, Jehovah irid li t-​tfal kollha tiegħu jkollhom relazzjoni persunali miegħu. Dwar dan, Atti 17:27 jaċċertana: “Hu m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.” Dan x’differenza jagħmel? Amber tgħid: “Hekk kif sirt naf lil Jehovah, ħassejtni fiduċjuża li qatt ma jien kompletament waħdi. Jiġri x’jiġri, dejjem għandi lil xi ħadd lejn min indur.” Iktar minn hekk, hekk kif issir taf lil Jehovah, int se ssib li hu ħanin, ġust, u tajjeb. Tistaʼ tiddependi minnu. “Meta Jehovah sar ħabib intimu,” jgħid Jeff, “kont naf li m’hemm ħadd ieħor li hu lest biex jgħinni daqsu.”

Sfortunatament, intqalu ħafna affarijiet negattivi dwar Jehovah. Hu nżamm responsabbli għal ħafna mit-​tbatijiet li sofra l-​bniedem u l-​imġiba ħażina minn nies reliġjużi. Xi wħud mill-​agħar atroċitajiet li qatt saru fl-​istorja tal-​bniedem twaddbu fuqu wkoll. Imma Dewteronomju 32:4, 5 jispjega: “Ilkoll ġusti t-​triqat tiegħu. . . . Mxew ħażin miegħu; m’humiex uliedu, [“id-​difett hu tagħhom stess,” NW].” Għalhekk, aħna obbligati ninvestigaw il-​fatti għalina nfusna.—Dewteronomju 30:19, 20.

L-​Iskop t’Alla Mwettaq

Madankollu, minkejja dak li niddeċiedu, xejn ma se jwaqqaf lil Alla milli jwettaq kompletament l-​iskop tiegħu għall-​art u l-​umanità. Wara kollox, hu l-​Ħallieq. X’inhu, mela, dan l-​iskop? Ġesù Kristu rrefera għalih fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja meta qal: “Henjin taʼ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-​art.” Iktar tard, lill-​appostlu tiegħu Ġwanni, hu wera li Alla hu determinat ‘li jeqred lil dawk li qegħdin jeqirdu d-​dinja.’ (Mattew 5:5; Apokalissi 11:18) Peress li Ġesù kien m’Alla matul il-​ħolqien, hu jaf li sa mill-​bidu l-​iskop t’Alla kien li jkollu familja umana perfetta li tgħix għal dejjem f’ġenna taʼ l-​art. (Ġenesi 1:26, 27; Ġwanni 1:1-3) U Alla ma jinbidilx. (Malakija 3:6) “Bħalma ħsibt jien,” iwegħedna Alla, “hekk jiġri; bħalma jien iddeċidejt, hekk isir.”—Isaija 14:24.

Fi żmienna, Jehovah diġà beda jqiegħed il-​pedament għal komunità magħquda li hi bbażata, mhux fuq ir-​regħba u l-​egoiżmu bħalma hi l-​maġġorparti tad-​dinja tagħna llum, imma fuq l-​imħabba għal Alla u għall-​proxxmu. (Ġwanni 13:35; Efesin 4:15, 16; Filippin 2:1-4) Din hija assoċjazzjoni volontarja taʼ individwi progressivi, mimlijin b’motivazzjoni qawwija u li għandhom missjoni x’jagħmlu—li qabel tintemm din is-​sistema dinjija jippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla li ġejja. (Mattew 24:14; 28:19, 20) F’iktar minn 230 pajjiż, iżjed minn sitt miljun Kristjan diġà qegħdin jagħtu qima flimkien fi fratellanza internazzjonali magħquda u kollha mħabba.

Agħti Sinifikat lil Ħajtek

Jekk qed tfittex għal iktar sinifikat f’ħajtek, għandek tkun taf li Alla Jehovah qed jistiednek biex tassoċja man-​nies tiegħu—“il-​poplu ġust” tiegħu—issa. (Isaija 26:2) Però, bħalissa għandek mnejn qed taħseb, ‘Kif inhi l-​ħajja f’din il-​komunità Kristjana? Jien tassew nixtieq inkun involut?’ Ara x’kellhom xi jgħidu xi żgħażagħ:

Quentin: “Il-​kongregazzjoni hija l-​protezzjoni tiegħi mid-​dinja. Il-​fatt li nirrealizza li Jehovah huwa attiv f’ħajti jgħinni nara li hu jeżisti u li jridni nkun ferħan.”

Jeff: “Il-​kongregazzjoni hija l-​aħjar post fejn nistaʼ mmur għall-​inkuraġġiment. Ħuti rġiel u nisa qegħdin hemm, joffru appoġġ u tifħir. Huma tassew il-​familja estiża tiegħi.”

Linet: “Il-​ferħ li nħoss meta nara lil xi ħadd iħaddan il-​verità tal-​Bibbja u jiddeċiedi li jaqdi lil Jehovah ma jistaʼ jitqabbel maʼ ebda ħaġa oħra. Dan iġibli sodisfazzjon kbir f’ħajti.”

Cody: “Ħajti ma tkun tiswa xejn mingħajr Jehovah. Kieku kont noqgħod niġri minn ħaġa għall-​oħra, bħalma jagħmlu ħafna, ħalli nipprova nsib il-​kuntentizza, biex wara kollox ma nsibhiex. Minflok, Jehovah tani l-​privileġġ inkredibbli li jkolli relazzjoni miegħu, u dan jagħti sinifikat lil ħajti.”

Għalfejn ma tinvestigax għall-​affari tiegħek? Int se tiskopri li billi tersaq qrib lejn il-​Ħallieq tiegħek, Alla Jehovah, se ssib sinifikat veru fil-​ħajja.

[Stampi f’paġna 31]

Relazzjoni m’Alla tagħti sinifikat lil ħajjitna

[Sors tal-​Istampa f’paġna 29]

NASA photo

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja