LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 8/15 pp. 4-7
  • Insibu l-Pariri li Jagħmlulna l-Iktar Ġid

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Insibu l-Pariri li Jagħmlulna l-Iktar Ġid
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Fedeltà fiż-​Żwieġ
  • It-​Trobbija taʼ Wliedna
  • Ħu Vantaġġ mill-​Iktar Pariri taʼ Ġid
  • “Ismaʼ Kliem l-Għorrief”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Sors taʼ Għerf Iktar Għoli
    Il-Bibbja—Il-Kelma tʼAlla jew tal-Bniedem?
  • Agħti Widen għall-Pariri, Aċċetta d-Dixxiplina
    Qim lill-Uniku Alla Veru
  • Ktieb Prattiku għall-​Ħajja fi Żmienna
    Ktieb Għan-Nies Kollha
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 8/15 pp. 4-7

Insibu l-​Pariri li Jagħmlulna l-​Iktar Ġid

KULĦADD jixtieq jirnexxi f’ħajtu. Sabiex wieħed jagħmel dan f’din id-​dinja komplikata jeħtieġ żewġ affarijiet ewlenin, jiġifieri li jirċievi pariri tajbin u li jkun lest li jaġixxi fi qbil magħhom. Madankollu, il-​bnedmin mhux dejjem lesti li jagħtu kas pariri tajbin. Ħafna qalu li dak li jkun għandu jgħix ħajtu kif jippreferi hu. Fil-​fatt, il-​Bibbja turi li Satana, l-​għadu oriġinali tas-​sovranità t’Alla, offra l-​indipendenza lill-​ewwel bnedmin. F’Ġenesi 3:5 nsibu dak li hu qal lil Eva: “Alla jaf li dak in-​nhar li tieklu [mis-siġra taʼ tagħrif it-​tajjeb u l-​ħażin] jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-​tajjeb u l-​ħażin.”

Irnexxielhom Adam u Eva, minn dakinhar ’il quddiem, jgħixu ħajja sabiħa bla konsegwenzi, gwidati biss mill-​opinjonijiet tagħhom? Lanqas xejn. Mill-​ewwel ħarġu diżappuntati minħabba li kienu prużuntużi u sostnew li kienu kapaċi jagħrfu t-​tajjeb mill-​ħażin. Alla b’mod ġust ma baqax japprovahom u bdew jgħixu ħajja iebsa fl-​imperfezzjoni, li finalment kienet tispiċċa bil-​mewt. (Ġenesi 3:16-19, 23) Il-​mewt teffettwana lkoll. Il-​Bibbja tgħid: “Permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] li fid-​dinja daħal id-​dnub, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u hekk il-​mewt laħqet il-​bnedmin kollha, għax kollha dinbu.”—Rumani 5:12.

Għalkemm l-​għażla taʼ Adam u Eva rriżultat f’konsegwenzi koroh, ħafna għadhom ma kkonvinċewx ruħhom li huwa għaqli li japplikaw il-​pariri taʼ Dak li għamel il-​bnedmin. Madankollu, il-​Bibbja tgħid li hija ‘mnebbħa minn Alla, u hi siewja,’ u tistaʼ tgħinna ‘nkunu perfetti, mħejjijin għal kull ħidma tajba.’ (2 Timotju 3:16, 17) Żgur li se nkunu iktar ferħanin jekk insegwu l-​pariri tal-​Bibbja. Dan japplika ħafna fil-​ħajja tal-​familja.

Il-​Fedeltà fiż-​Żwieġ

Skond il-​Bibbja, l-​iskop t’Alla hu li ż-​żwieġ ikun permanenti. (Ġenesi 2:22-24; Mattew 19:6) Barra minn hekk, l-​Iskrittura tgħid li “s-​sodda taż-​żwieġ [għandha tkun] bla tinġis,” jiġifieri, din ir-​rabta m’għandhiex tkun imniġġsa b’relazzjonijiet sesswali barra ż-​żwieġ. (Lhud 13:4) Madankollu, int x’aktarx taf li llum ħafna żwiġijiet ma jimxux skond dan il-​livell. Xi nies għandhom il-​vizzju li jitkessħu maʼ individwi fuq il-​post tax-​xogħol li m’humiex is-​sieħeb jew is-​sieħba tagħhom. Oħrajn jigdbu lill-​familji tagħhom sabiex iqattgħu l-​ħin maʼ xi ħadd li jkollhom interess romantiku fih flok mar-​raġel jew il-​mara tagħhom. Xi wħud saħansitra jabbandunaw lil żwieġhom jew lin-​nisa tagħhom biex jgħixu maʼ xi ħadd iżgħar, għax jgħidu li b’hekk iħossuhom iżgħar u iktar ferħanin, bħalma ġara fil-​każ taʼ Verónica, li ssemmiet fl-​artiklu taʼ qabel.

Madankollu, il-​fatt li wieħed ikun determinat li jogħġob lilu nnifsu akkost taʼ kollox ma jwassalx għal ferħ dejjiemi. Ronald jixhed kemm dan huwa minnu. Billi kien ċert li ħajtu kienet se titjieb, hu abbanduna lil martu biex jibda familja ġdida maʼ mara li kien ilu jaraha bil-​moħbi sitt snin u li diġà kellu żewġt itfal minnha. Madankollu, xi żmien wara li temm iż-​żwieġ tiegħu, il-​ħabiba tiegħu abbandunatu! Ronald spiċċa biex mar joqgħod mal-​ġenituri tiegħu. Hu ddeskriva s-​sitwazzjoni bħala “umiljanti.” Dan huwa biss eżempju wieħed. Minħabba din l-​imġiba mqanqla minn xewqat egoistiċi, f’daqqa waħda hawn ħafna divorzji u familji mifrudin li jikkaġunaw tbatija għal bosta individwi—kemm kbar u kemm żgħar.

Mill-banda l-​oħra, l-​ubbidjenza għallpariri tal-​Bibbja ġġib l-​hena veru. Dan ġara fil-​każ taʼ Roberto, li jgħid: “Bl-​għajnuna tal-​pariri tal-​Bibbja ma kellix għalfejn nitlef lil marti. L-​hena veru ma niksbuhx billi nċedu għat-​tentazzjoni maʼ persuna li ma tkunx il-​mara tagħna, anki jekk din forsi tkun attraenti ħafna. L-​edukazzjoni tal-​Bibbja għenitni napprezza lil marti, li ilha tant snin maġenbi.” Il-​parir Bibliku li “ħadd ma jqarraq bil-​mara taʼ żgħożitu” kellu sehem importanti fil-​ħajja taʼ Roberto. (Malakija 2:15) F’liema aspetti oħra nistgħu nibbenefikaw mill-​pariri divini?

It-​Trobbija taʼ Wliedna

Snin ilu kienet saret popolari l-​idea li l-​ġenituri m’għandhomx jagħmlu ħafna limiti fit-​trobbija taʼ wliedhom. Kienet tidher xi ħaġa raġunata li wieħed iħalli lit-​tfal jiddeċiedu waħedhom x’jaħsbu u x’jagħmlu. L-​iskop taʼ dan kien li ma joħonqux l-​iżvilupp tagħhom. F’xi postijiet inħolqu sistemi edukattivi inqas organizzati li fihom, fost affarijiet oħra, l-​istudenti setgħu jiddeċiedu jekk joqogħdux għal-​lezzjonijiet jew le, u setgħu jagħżlu kemm jieħdu rikreazzjoni u tagħlim. Ir-​regola taʼ waħda minn dawn l-​iskejjel kienet li “tħalli lit-​tfal jesperjenzaw il-​varjetà sħiħa taʼ sentimenti mingħajr ma jiġu ġudikati u mfixklin mill-​kbar.” Illum, xi wħud li jagħtu l-​pariri dwar l-​imġiba tal-​bniedem għadhom jisħqu li mhux tajjeb li tingħata ċerta dixxiplina, anki f’każi li fihom il-​ġenituri jaraw il-​bżonn li tingħata dixxiplina bl-​imħabba.

X’kien ir-​riżultat? Hemm ħafna nies li jemmnu li l-​metodi permissivi fit-​trobbija tat-​tfal taw lit-​tfal wisq libertà. Huma jħossu li dan wassal għal żjieda fil-​kriminalità u l-​użu tad-​drogi. Stħarriġ li sar fl-​Istati Uniti wera li kważi 70 fil-​mija minn dawk li ħadu sehem fih jaħsbu li t-​tfal u ż-​żgħażagħ ma jkollhomx direzzjoni mill-​ġenituri kemm hemm bżonn. Meta jipprovaw jispjegaw għala xi adoloxxenti jieħdu sehem fi sparar fl-​iskejjel u f’delitti terribbli oħrajn, ħafna jwaħħlu “fin-​nuqqas taʼ kontroll mill-​ġenituri.” U anki meta r-​riżultati ma jkunux daqshekk traġiċi, il-​ġenituri u t-​tfal jaħsdu l-​frott qares taʼ trobbija ħażina.

Il-Bibbja x’għandha x’tgħid dwar dan? Il-​parir Skritturali hu li l-​ġenituri għandhom jużaw l-​awtorità tagħhom bl-​imħabba kif ukoll b’sodizza. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​bluha b’għeruqha fil-​qalb taʼ kull tifel; bis-​saħħa tat-​twiddib taqlagħhielu ’l barra.” (Proverbji 22:15) M’għandniex xi ngħidu, id-​dixxiplina kollha li tingħata mill-​ġenituri għandha tkun addattata għaċ-​ċirkustanzi. Il-​ħlewwa, ir-​rażna, u l-​konsiderazzjoni għandhom jikkontrollaw kull dixxiplina li tingħata. B’dan il-​mod, din tkun sinjal taʼ mħabba. Meta l-​ġenituri jeżerċitaw l-​awtorità tagħhom bi mħabba, mhux bi ħruxija, ikollhom l-​akbar ċans taʼ suċċess.

Wieħed jistaʼ jinnota r-​riżultati tajbin li joħorġu meta jiġi applikat dan il-​parir. Arturo, raġel taʼ 30 sena mill-​Messiku li żżewweġ dan l-​aħħar, jgħid: “Missieri spjegalna ċar, lili u lil ħuti, li hu u ommi kellhom l-​awtorità fil-​familja. Huma qatt ma qagħdu lura milli jiddixxiplinawna. Madankollu, dejjem sabu l-​ħin biex jitkellmu magħna. Issa li kbirt napprezza l-​ħajja stabbli li għandi, u naf li fil-​biċċa l-​kbira dan huwa minħabba l-​gwida tajba li ngħatajt.”

Ħu Vantaġġ mill-​Iktar Pariri taʼ Ġid

Il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, fiha l-​iktar pariri taʼ ġid li jistgħu jsibu l-​bnedmin. Il-​gwida tagħha ma tapplikax biss ġewwa l-​familja. Din tgħinna nkunu mħejjijin b’diversi modi għax tgħallimna kif naġixxu f’dinja fejn il-​biċċa l-​kbira min-​nies m’humiex lesti li jħallu ħajjithom tiġi kontrollata minn Sors superjuri t’għerf għall-​ġid tagħhom stess.

Alla Jehovah, il-​Ħallieq tal-​bnedmin, żgurana permezz tas-​salmista David: “Ngħallmek u nurik it-​triq li għandek tieħu; nwissik, u nżomm għajnejja fuqek.” (Salm 32:8) Tistaʼ timmaġina x’jiġifieri li jkollok il-​Ħallieq b’għajnejh fuqek sabiex jipproteġik mill-​periklu? Iżda, il-​mistoqsija għal kull wieħed minna hi din: ‘Se naċċetta bl-​umiltà l-​gwida protettiva taʼ Jehovah?’ Il-​Kelma tiegħu bi mħabba tgħidilna: “Ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-​għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.”—Proverbji 3:5, 6.

Biex wieħed isir jaf lil Jehovah jeħtieġ sforz u dedikazzjoni, madankollu l-​bniedem jistaʼ jagħmel dan permezz tal-​Bibbja. Il-​ħajja li Jehovah jirrikkmandalna “għandha l-​wegħda tal-​ħajja taʼ issa u taʼ dik li għad trid tiġi.” Verament fiha qligħ kbir meta nqisu l-​benefiċċji li toffri.—1 Timotju 4:8; 6:6.

Jekk tħossok miġbud mid-​dehen li toffri l-​Bibbja u mill-​barkiet li jirriżultaw meta wieħed jgħix fi qbil miegħu, agħmilha l-​prijorità f’ħajtek li taqra u timmedita fuq il-​Kelma t’Alla. Jekk tagħmel hekk se jirnexxilek tiffaċċja b’suċċess l-​isfidi taʼ issa u dawk tal-​futur. Iktar minn hekk, se ssir taf bit-​tama li tgħix fid-​dinja l-​ġdida t’Alla, fejn kulħadd se jkun mgħallem minn Jehovah u s-​sliem se jkun kbir.—Isaija 54:13.

[Stampa f’paġna 5]

Il-​pariri tal-​Bibbja jistgħu jsaħħu r-​rabta taż-​żwieġ

[Stampi f’paġna 6]

Il-​pariri tal-​Bibbja huma l-​bażi taʼ direzzjoni mill-​aħjar, madankollu jħalluna nieħdu pjaċir

[Stampi f’paġna 7]

Min japplika l-​pariri tal-​Bibbja jistaʼ jgawdi ħajja bilanċjata

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja