LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 9/1 pp. 4-7
  • X’Inhu Meħtieġ Tassew biex Tkun Hieni

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Inhu Meħtieġ Tassew biex Tkun Hieni
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Istqarrijiet taʼ Ġesù Huma Eżatti?
  • Persegwitati imma Henjin—Kif Jistaʼ Jkun?
  • L-​Għemejjel tal-​Ġisem jew il-​Frott taʼ l-​Ispirtu?
  • L-​Hena Huwa Għażla
  • X’Inhu Meħtieġ biex Tkun Hieni?
  • Ferħanin dawk li jaqdu lill-“Alla l-hieni”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Qaddejja Henjin taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Kif Kliem Ġesù Jippromwovi l-Hena
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Kif Insibu l-Hena
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 9/1 pp. 4-7

X’Inhu Meħtieġ Tassew biex Tkun Hieni

JEHOVAH, “l-​Alla l-​hieni,” u Ġesù Kristu, “il-​hieni u waħdu setgħani,” jafu iktar minn kulħadd x’inhu meħtieġ biex inkunu henjin. (1 Timotju 1:11, NW; 6:15) Għalhekk, m’għandniex għalfejn niskantaw li l-​fattur fundamentali għall-​hena jinsab fil-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja.—Apokalissi 1:3; 22:7.

Fil-​Priedka famuża tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù ddeskriva x’inhu meħtieġ biex inkunu henjin. Hu qal: “Henjin” dawk (1) li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom, (2) li huma mnikktin, (3) taʼ qalbhom ħelwa, (4) li huma bil-​ġuħ u l-​għatx għall-​ġustizzja, (5) li jħennu, (6) li huma safja f’qalbhom, (7) li jġibu l-​paċi, (8) li huma persegwitati minħabba s-​sewwa, u (9) li huma mgħajrin u persegwitati minħabba fih.—Mattew 5:3-11.a

L-​Istqarrijiet taʼ Ġesù Huma Eżatti?

M’hemmx dubju li ċerti stqarrijiet taʼ Ġesù huma minnhom. Min se jiċħad li individwu kollu ħlewwa, ħniena, u li hu paċifiku u mqanqal minn qalb safja se jkun iktar hieni minn xi ħadd irrabjat, ġelliedi, u bla ħniena?

Madankollu, għandna mnejn niskantaw kif nies bil-​ġuħ u l-​għatx għall-​ġustizzja jew uħud imnikktin jistgħu jissejħu henjin. Individwi bħal dawn għandhom ħarsa realistika lejn il-​kundizzjonijiet tad-​dinja. Huma ‘jitniehdu u jitbikkew minħabba l-​qżiżijiet kollha li qed isiru’ fi żmienna. (Eżekjel 9:4) Dan il-​fatt fih innifsu ma jagħmilhomx henjin. Imma meta jitgħallmu dwar l-​iskop li għandu Alla li jġib kundizzjonijiet ġusti fuq l-​art u ġustizzja lill-​magħkusin, l-​hena tagħhom ikun bla tarf.—Isaija 11:4.

Iżjed minn hekk, l-​imħabba għas-​sewwa ġġiegħel lil individwi jitnikktu minħabba li dawn spiss jonqsu milli jagħmlu dak li hu xieraq. B’hekk, huma jkunu konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom. Nies bħal dawn ikunu lesti li jduru lejn Alla għall-​gwida, għax jagħrfu li hu biss jistaʼ jgħin lin-​nies jegħlbu d-​dgħjufijiet tagħhom.—Proverbji 16:3, 9; 20:24.

Nies li jitnikktu, li huma bil-​ġuħ u bil-​għatx għall-​ġustizzja, u li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom jafu kemm hu importanti li jkollok relazzjoni tajba mal-​Ħallieq. Relazzjoni tajba mal-​bnedmin iġġib l-​hena, imma kemm iktar iġġib hena relazzjoni tajba m’Alla! Iva, dawk li bis-​serjetà jħobbu dak li hu sewwa u huma lesti jaċċettaw il-​gwida divina jistgħu jissejħu henjin tassew.

Madankollu, forsi ssibha diffiċli biex temmen li xi ħadd persegwitat u mgħajjar jistaʼ jkun hieni. Iżda dan bilfors li huwa minnu ladarba Ġesù nnifsu qal hekk. Għaldaqstant, kif għandna nifhmu kliemu?

Persegwitati imma Henjin—Kif Jistaʼ Jkun?

Innota li Ġesù ma qalx li t-​tagħjir u l-​persekuzzjoni nfushom iwasslu għall-​hena. Hu speċifika: “Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-​sewwa, . . . meta jgħajjrukom u jippersegwitawkom . . . minħabba fija.” (Mattew 5:10, 11) Mela l-​hena jiġi biss jekk wieħed ikun mgħajjar għax ikun segwaċi taʼ Kristu u għax ifassal ħajtu skond il-​prinċipji ġusti li għallem Ġesù.

Dan narawh minn dak li ġara lill-​Kristjani tal-​bidu. Xi membri tas-​Sinedriju, il-​qorti għolja tal-​Lhud, “sejjħu lill-​appostli quddiemhom, u, wara li tawhom is-​swat, ordnawlhom li ma jitkellmux fuq l-​isem taʼ Ġesù; mbagħad telquhom.” X’kienet ir-​reazzjoni taʼ l-​appostli? “Huma ħarġu minn quddiem is-​Sinedriju ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-​isem taʼ Ġesù. U kuljum, fit-​tempju u fi djarhom, kienu jgħallmu u jxandru bla waqfien li Ġesù hu l-​Messija.”—Korsiv tagħna; Atti 5:40-42; 13:50-52.

L-appostlu Pietru kompla jgħinna nifhmu l-​konnessjoni bejn it-​tagħjir u l-​hena. Hu kiteb: “Jekk tkunu mkasbrin minħabba l-​isem taʼ Kristu, henjin intom! Fuqkom għandkom l-​Ispirtu tal-​glorja, li hu l-​Ispirtu taʼ Alla.” (1 Pietru 4:14) Iva, il-​fatt li wieħed ibati għax ikun Kristjan u jagħmel dak li hu sewwa jagħmlu hieni, minkejja li din it-​tbatija mhix pjaċevoli, għax jaf li għandu l-​ispirtu qaddis t’Alla. L-​ispirtu t’Alla kif inhu marbut maʼ l-​hena?

L-​Għemejjel tal-​Ġisem jew il-​Frott taʼ l-​Ispirtu?

L-​ispirtu qaddis t’Alla hu fuq dawk biss li jobdu lil Alla bħala l-​ħakkiem tagħhom. (Atti 5:32) Jehovah ma jagħtix l-​ispirtu tiegħu lil dawk li jipprattikaw “l-​għemejjel tal-​ġisem.” Dawn l-​għemejjel huma “żína, faħx, nuqqas taʼ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn.” (Galatin 5:19-21) Veru, fid-​dinja taʼ llum “l-​għemejjel tal-​ġisem” huma evidenti ħafna. Iżda dawk li jipprattikawhom ma jgawdux hena ġenwin u permanenti. Għall-​kuntrarju, dawn l-​għemejjel iħassru relazzjonijiet tajbin mal-​qraba u l-​ħbieb. Iktar minn hekk, il-​Kelma t’Alla tistqarr li “min jagħmel dawn il-​ħwejjeġ ma jiritx is-​saltna taʼ Alla.”

B’kuntrast maʼ dan, Alla jagħti l-​ispirtu tiegħu lil dawk li jikkultivaw “il-​frott taʼ l-​Ispirtu.” Il-​kwalitajiet li jiġbor fih dan il-​frott huma “l-​imħabba, l-​hena, is-​sliem, is-​sabar, il-​ħniena, it-​tjieba [jew, tjubija], il-​fidi, il-​ħlewwa, ir-​rażan.” (Galatin 5:22, 23) Meta nuru dawn il-​kwalitajiet, noħolqu kundizzjonijiet biex ikollna relazzjonijiet paċifiċi m’oħrajn u m’Alla, u dawn iwasslu għall-​hena veru. (Ara l-​kaxxa.) Iżjed importanti minn hekk, billi nuru l-​imħabba, il-​ħniena, it-​tjubija, u kwalitajiet divini oħrajn inkunu qed nogħġbu lil Jehovah u jkollna t-​tama taʼ ferħ li ngħixu għal dejjem fid-​dinja l-​ġdida t’Alla fejn se jgħammar is-​sewwa.

L-​Hena Huwa Għażla

Meta Wolfgang u Brigitte, koppja li toqgħod il-​Ġermanja, bdew jistudjaw il-​Bibbja bis-​serjetà, huma kellhom ħafna mill-​affarijiet materjali li n-​nies iħossu li għandhom bżonn biex ikunu henjin. Huma kienu għadhom żgħar u jbigħu s-​saħħa. Kienu jilbsu ħwejjeġ li jqumu l-​flus, jgħixu f’dar imżejna sabiħ ħafna, u kellhom negozju li kien sejjer tajjeb. Il-​maġġorparti tal-​ħin tagħhom kienu jqattgħuh jiġru wara affarijiet materjali oħra, imma dan ma ġabilhomx hena ġenwin. Maż-​żmien, iżda, Wolfgang u Brigitte għamlu għażla deċiżiva. Huma bdew jiddedikaw iktar mill-​ħin u l-​isforzi tagħhom biex jiksbu valuri spiritwali, u fittxew modi kif jersqu eqreb lejn Jehovah. L-​għażla tagħhom malajr ġabet bidla fl-​attitudni tagħhom, u din, min-​naħa tagħha, qanqlithom biex jissimplifikaw ħajjithom u jaqdu bħala pijunieri, jew bħala evanġelizzaturi tas-​Saltna full-time. Illum, huma jaqdu bħala volontieri fl-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Ġermanja. Ukoll, huma qed jitgħallmu lingwa Asjatika sabiex jgħinu lil nies barranin jitgħallmu l-​verità li nsibu fil-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja.

Sabitu l-​hena veru din il-​koppja? Wolfgang jgħid: “Minn mindu ntfajna b’ruħna u b’ġisimna fuq l-​affarijiet spiritwali, sirna iżjed ferħanin u qed ikollna iktar sodisfazzjon. U l-​fatt li qed naqdu lil Jehovah b’qalbna kollha saħħaħ ukoll iż-​żwieġ tagħna. Qabel kellna żwieġ hieni, imma kellna obbligazzjonijiet u interessi li kienu jifirduna minn xulxin. Issa qed naħdmu flimkien għall-​istess mira.”

X’Inhu Meħtieġ biex Tkun Hieni?

Fi ftit kliem: Evita “l-​għemejjel tal-​ġisem,” u ikkultiva “l-​frott taʼ l-​Ispirtu [t’Alla].” Sabiex inkunu henjin, għandna bżonn nixxennqu għal relazzjoni mill-​qrib m’Alla. Wieħed li jistinka biex jikseb din ir-​relazzjoni jaqbel mad-​deskrizzjoni mogħtija minn Ġesù taʼ persuna hienja.

Għalhekk, tikkonkludix b’mod żbaljat li lhena huwa xi ħaġa li ma tistax tiksibha. Veru, forsi bħalissa m’intix f’saħħtek jew saħansitra għandek il-​problemi fiż-​żwieġ. Għandek mnejn m’għadx jistaʼ jkollok tfal jew qed tikkumbatti biex issib karriera taʼ suċċess. Jistaʼ jkun li l-​portafoll m’għadux ikun mimli bħal qabel. Minkejja dan, taqtax qalbek; m’għandikx għalfejn tiddispra! Il-​ħakma tas-​Saltna t’Alla se ssolvi dawn il-​problemi u mijiet oħra. Tabilħaqq, Alla Jehovah dalwaqt se jwettaq il-​wegħda tiegħu li qal is-​salmista: “Saltnatek hi saltna għaż-​żminijiet kollha . . . Int tiftaħ idek, u xxabbaʼ ’l kulħadd bil-​ġid.” (Salm 145:13, 16) Bħalma jistgħu jixhdu miljuni taʼ qaddejja taʼ Jehovah madwar id-​dinja, il-​fatt li żżomm f’moħħok din il-​wegħda rassiguranti taʼ Jehovah se jgħinek ħafna biex tkun hieni llum.—Apokalissi 21:3.

[Nota taʼ taħt]

a Kull waħda minn dawn id-​disaʼ beatitudnijiet, bħalma jiġu msejħin taʼ spiss, tibda bil-​kelma Griega makarjoj. Minflok ma jittraduċu din il-​kelma bħala “mberkin,” bħalma jagħmlu xi traduzzjonijiet, in-​New World Translation u xi traduzzjonijiet oħra, bħall-​Għaqda Biblika Maltija, jużaw il-​kelma iżjed eżatta “henjin.”

[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]

Fatturi li Jwasslu għall-​Hena

L-​imħabba tqanqal lil oħrajn biex iħobbuk lura.

Il-​ferħ isaħħek biex tkampa maʼ problemi u provi.

Is-​sliem jgħinek iżżomm lura mill-​ġlied fir-​relazzjonijiet tiegħek.

Is-​sabar fit-​tul jgħinek tibqaʼ hieni anki waqt il-​provi.

Il-​ħniena tqarreb lill oħrajn lejk.

It-​tjubija li turi se ġġiegħel lil oħrajn jgħinuk meta jkollok bżonn.

Il-​fidi se tiżgurak li Alla se jidderiġik bl-​imħabba.

Il-​ħlewwa se tagħtik il-​paċi f’qalbek, moħħok, u ġismek.

Ir-​rażan se jgħinek tagħmel inqas żbalji.

[Stampi f’paġna 7]

Sabiex tikseb l-​hena, għandek bżonn tissodisfa l-​bżonnijiet spiritwali tiegħek

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja