Bijografija
Ħajja Sodisfaċenti u Hienja taʼ Sagrifiċċju mill-Qalb
KIF RAKKONTAT MINN MARIAN U ROSA SZUMIGA
“Minn qalbi noffrilek is-sagrifiċċju,” jiddikjara Salm 54:8 (54:6, NW). Din l-istqarrija minn dejjem kienet it-tema fil-ħajja taʼ Marian Szumiga u martu, Rosa, li jgħixu Franza. Dan l-aħħar irrakkontaw ftit mill-affarijiet li spikkaw fil-ħajja twila u sodisfaċenti li qattgħu fis-servizz taʼ Jehovah.
MARIAN: Il-ġenituri tiegħi kienu immigranti Kattoliċi Rumani mill-Polonja. Missieri kien raġel umli. Qatt ma ġietu l-opportunità biex imur l-iskola. Madankollu, matul l-ewwel gwerra dinjija, hu tgħallem jaqra u jikteb matul iż-żmien li għamel fil-militar. Missieri kellu l-biżaʼ t’Alla, imma spiss ħassu diżappuntat mill-knisja.
Kien hemm ġrajja partikulari li baqgħet sew f’moħħu. Darba minnhom waqt il-gwerra, kien hemm kappillan li żar il-kwartier fejn kien missieri. Meta splodiet bomba fil-qrib, il-kappillan ħarab jiġri mifxul u liż-żiemel beda jagħtih bil-kurċifiss biex iħaffef. Missieri baqaʼ xxokkjat li “rappreżentant” t’Alla uża oġġett “sagru” biex iħaffef jaħrab. Minkejja dawn l-esperjenzi u l-orruri tal-gwerra li ra, il-fidi taʼ missieri f’Alla ma naqsitx. Hu spiss kien jagħti l-kredtu lil Alla għall-fatt li ġie lura d-dar qawwi u sħiħ mill-gwerra.
“Polonja Żgħira”
Fl-1911, missieri żżewweġ tfajla minn raħal fil-qrib. Kien jisimha Anna Cisowski. Ftit wara l-gwerra, fl-1919, ommi u missieri emigraw mill-Polonja għal Franza, fejn missieri sab jaħdem fil-minjieri tal-faħam. Jien twilidt f’Marzu taʼ l-1926 f’Cagnac-les-Mines, fil-lbiċ taʼ Franza. Wara dan, il-ġenituri tiegħi ssetiljaw f’komunità Pollakka ġo Loos-en-Gohelle, qrib Lens fit-tramuntana taʼ Franza. Il-furnar kien Pollakk, il-bejjiegħ tal-laħam kien Pollakk, u l-kappillan tal-parroċċa kien Pollakk. Mhux taʼ b’xejn li dan il-post kien jissejjaħ Polonja Żgħira. Il-ġenituri tiegħi kienu involuti f’attivitajiet tal-komunità. Missieri spiss kien jorganizza l-ispettakli, li kienu jinkludu reċtar, mużika, u kant. Kien ikollu wkoll diskussjonijiet regulari mal-qassis, imma ma kienx iħossu sodisfatt meta ġeneralment il-qassis kien iwieġbu, “Hemm ħafna misteri.”
Darba minnhom, fl-1930, żewġ nisa ħabbtulna l-bieb. Dawn kienu Studenti tal-Bibbja, bħalma kienu jissejħu x-Xhieda taʼ Jehovah dak iż-żmien. Missieri kiseb Bibbja mingħandhom, ktieb li kien ilu s-snin biex jaqrah. Hu u ommi qraw ukoll bil-ħeġġa kollha l-pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja li ħallewlhom dawn in-nisa. Il-ġenituri tiegħi ġew effettwati ħafna minn dak li qraw f’dawn il-pubblikazzjonijiet. Minkejja l-ħajja mimlija li kellhom, il-ġenituri tiegħi bdew jattendu l-laqgħat imħejjija mill-Istudenti tal-Bibbja. Id-diskussjonijiet mal-qassis bdew isiru dejjem iktar qliel sakemm darba minnhom hu hedded lill-ġenituri tiegħi li jekk jibqgħu jissieħbu maʼ l-Istudenti tal-Bibbja, oħti Stéphanie kienet se titkeċċa mill-katekiżmu. “Tinkwetax,” qallu missieri. “Minn issa ’l quddiem, binti u t-tfal l-oħra se jiġu magħna l-laqgħat taʼ l-Istudenti tal-Bibbja.” Missieri telaq mill-knisja, u kmieni fl-1932, il-ġenituri tiegħi tgħammdu. Dak iż-żmien, kien hemm biss xi 800 pubblikatur tas-Saltna fi Franza.
Rosa: Il-ġenituri tiegħi kienu mill-Ungerija u, bħall-familja taʼ Marian, kienu ssetiljaw fit-tramuntana taʼ Franza biex jaħdmu fil-minjieri tal-faħam. Jien twilidt fl-1925. Fl-1937, wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, Auguste Beugin, jew papà Auguste kif konna nsibuh, beda jġib It-Torri taʼ l-Għassa bl-Ungeriż lill-ġenituri tiegħi. Huma kienu jieħdu interess fir-rivisti, imma ħadd minnhom ma sar Xhud taʼ Jehovah.
Avolja kont għadni żgħira, dak li qrajt mit-Torri taʼ l-Għassa messli qalbi, u l-mara tat-tifel taʼ papà Auguste, Suzanne Beugin, ħadet ħsiebi. Il-ġenituri tiegħi ħallewha tiħodni magħha l-laqgħat. Iktar tard, meta bdejt naħdem, missieri ddejjaq għax kont nattendi llaqgħat nhar taʼ Ħadd. Għalkemm ġeneralment hu kellu karattru ġwejjed, hu lmenta, “Matul il-ġimgħa ma tkunx hawn, u nhar taʼ Ħadd tmur il-laqgħat tiegħek!” Madankollu, jien bqajt immur. Allura, darba minnhom missieri qalli, “Aqbad ħwejġek u itlaq!” Kien tard fil-għaxija. Kelli biss 17-il sena u ma kontx naf fejn se naqbad immur. Spiċċajt għand Suzanne, nibki kemm niflaħ. Bqajt maʼ Suzanne għal xi ġimgħa qabel ma missieri bagħat lil oħti biex tiħodni lura d-dar. Jien minn dejjem kont mistħija imma l-ħsieb li hemm fl-1 Ġwanni 4:18 għinni nżomm sod. Dik l-iskrittura tgħid li “l-imħabba sħiħa tkeċċi l-biżaʼ ’l barra.” Jien tgħammidt fl-1942.
Wirt Spiritwali Prezzjuż
Marian: Jien tgħammidt fl-1942 maʼ ħuti l-bniet Stéphanie u Mélanie u maʼ ħija Stéphane. Id-dar, il-ħajja tal-familja kienet tiffoka fuq il-Kelma t’Alla. Hekk kif konna npoġġu kollha madwar il-mejda, missieri kien jaqralna l-Bibbja bil-Pollakk. Spiss, fil-għaxija konna noqogħdu nisimgħu lill-ġenituri tagħna jirrakkontaw l-esperjenzi tagħhom fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna. Dawn il-mumenti taʼ inkuraġġiment spiritwali għallmuna nħobbu lil Jehovah u nafdaw dejjem iktar fih. Missieri kellu jieqaf jaħdem minħabba problemi taʼ saħħa, imma hu kompla jieħu ħsiebna spiritwalment u materjalment.
Peress li issa missieri kellu l-ħin liberu, darba fil-ġimgħa kien jikkonduċi studju tal-Bibbja bil-Pollakk maż-żgħażagħ tal-kongregazzjoni. F’dan iż-żmien tgħallimt naqra bil-Pollakk. Missieri kien jinkuraġġixxi liż-żgħażagħ b’modi oħra wkoll. Darba, meta Ħuna Gustave Zopfer, li dak iż-żmien kien jindokra x-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah fi Franza, żar il-kongregazzjoni tagħna, missieri organizza kor u drama Biblika bil-kostumi bbażata fuq il-festa tas-Sultan Beltassar u l-kitba fuq il-ħajt. (Danjel 5:1–6:1 [5:1-31, NW]) Louis Piéchota, li iktar tard żamm sod meta kien f’idejn in-Nazisti, kellu l-irwol taʼ Danjel.a Din kienet l-atmosfera li aħna t-tfal trabbejna fiha. Konna naraw lill-ġenituri tagħna dejjem okkupati bl-affarijiet spiritwali. Illum nirrealizza kemm il-ġenituri tagħna ħallewlna wirt prezzjuż.
Meta bdiet it-tieni gwerra dinjija fl-1939, l-attività taʼ l-ippridkar tax-Xhieda taʼ Jehovah ġiet projbita fi Franza. Darba minnhom, saret tfittxija fil-villaġġ tagħna. Id-djar kollha kienu mdawrin bis-suldati Ġermaniżi. Missieri kien għamel qiegħ doppju fil-gwardarobba, u aħna ħbejna ħafna pubblikazzjonijiet mill-Bibbja taħt dan il-qiegħ. Madankollu, f’kexxun fil-kamra taʼ l-ikel kien hemm ħafna kopji tal-ktejjeb Fascism or Freedom (Faxxiżmu jew Libertà). Missieri ħbiehom malajr fil-but taʼ ġakketta li kienet imdendla fil-kuritur. Żewġ suldati u pulizija Franċiż fittxew id-dar tagħna. Aħna stennejna b’ansjetà kbira. Wieħed mis-suldati beda jfittex fil-ħwejjeġ imdendlin fil-kuritur, u ftit wara hu daħal fil-kċina, fejn konna aħna, bil-kotba f’idu. Hu ħares lejna, poġġa l-kotba fuq il-mejda, u kompla jfittex xi mkien ieħor. Jien ħtaft il-kotba u poġġejthom f’kexxun fejn is-suldati kienu diġà fittxew. Is-suldat ma reġax staqsa għalihom—kien bħallikieku ħarġulu minn moħħu!
Nidħol fis-Servizz Full-Time
Fl-1948, iddeċidejt li nagħmel ruħi disponibbli biex naqdi lil Jehovah full-time fis-servizz taʼ pijunier. Ftit jiem wara, irċivejt ittra mill-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah fi Franza. L-ittra kien fiha inkarigu għalija biex naqdi bħala pijunier fil-kongregazzjoni taʼ Sedan, ħdejn il-Belġju. Il-ġenituri tiegħi tgħidx kemm ferħu meta rawni nħaddan is-servizz taʼ Jehovah b’dan il-mod. Minkejja dan, missieri enfasizzali li s-servizz taʼ Jehovah m’huwiex xogħol li se jħallini b’idi fuq żaqqi. Kien xogħol iebes. Madankollu, hu qalli li daru kienet dejjem miftuħa għalija u li kien lest jgħinni jekk niffaċċja xi problemi. Għalkemm il-ġenituri tiegħi ma tantx kellhom flus, huma xtrawli rota ġdida. Għad għandi l-irċivuta taʼ dik ir-rota, u meta nħares lejha għajnejja jimtlew bid-dmugħ. Ommi u missieri mietu fl-1961, imma l-kliem għaqli taʼ missieri għadu jidwi f’widnejja; dan il-kliem inkuraġġieni u farraġni tul is-snin tiegħi fis-servizz.
Sors ieħor taʼ inkuraġġiment kienet oħt Kristjana taʼ 75 sena fil-kongregazzjoni taʼ Sedan li jisimha Elise Motte. Matul is-sajf kont immur bir-rota tiegħi fl-irħula barra l-belt biex nippriedka, u Elise kienet tiltaqaʼ miegħi billi tiġi bit-trejn. Madankollu, darba l-inġiniera tat-trejn għamlu strajk, u Elise ma setgħetx tmur id-dar. L-unika soluzzjoni li ġietni f’moħħi kienet li tirkeb fuq ir-rota warajja fejn norbot il-bagalji u niħodha d-dar—żgur li ma kienx mod komdu biex tivvjaġġa. L-għada fil-għodu ġibt imħadda żgħira u mort għal Elise d-dar tagħha. Hi ma baqgħetx taqbad it-trejn, u bil-flus li ffrankat, setgħet tixtri għalina t-tnejn xarba sħuna f’nofsinhar. Min qatt kien jobsor li r-rota tiegħi kienet se sservi bħala trasport pubbliku?
Iktar Responsabbiltajiet
Fl-1950, talbuni naqdi bħala indokratur tas-circuit għall-parti kollha tat-tramuntana taʼ Franza. Peress li kelli biss 23 sena, l-ewwel reazzjoni tiegħi kienet li bżajt. Ħsibt li l-uffiċċju tal-fergħa ħa xi żball! Għaddewli ħafna mistoqsijiet minn moħħi: ‘Nikkwalifika jien kemm spiritwalment kif ukoll fiżikament biex nagħmel dan l-inkarigu? Kif se nidra akkomodazzjoni differenti kull ġimgħa?’ Iktar minn hekk, jien ili minn meta kelli sitt snin inbati b’marda taʼ l-għajnejn li tissejjaħ strabiżmu. Din iġġiegħel lil waħda minn għajnejja tħares band’oħra. Minn dejjem kont konxju ħafna taʼ kif kien se jirreaġixxi ħaddieħor. Jien grat li f’din l-okkażjoni ġejt megħjun ħafna minn Stefan Behunick, ħu li ggradwa mill-iskola għas-servizz missjunarju taʼ Gilgħad. Ħuna Behunick kien tkeċċa mill-Polonja minħabba l-attività tiegħu taʼ l-ippridkar u reġaʼ ġie inkarigat fi Franza. Il-kuraġġ tiegħu verament impressjonani. Hu kien jirrispetta ferm lil Jehovah u l-verità. Xi wħud kienu jaħsbu li kien iebes miegħi, imma jien tgħallimt ħafna minnu. Il-qlubija tiegħu għenitni nsir iktar kunfidenti.
Ix-xogħol tas-circuit ippermettieli ngawdi esperjenzi meraviljużi fis-servizz taʼ l-għalqa. Fl-1953, intlabt immur għand ċertu Sur Paoli, li kien jgħix fin-nofsinhar taʼ Pariġi u kien abbonat biex jirċievi t-Torri taʼ l-Għassa. Iltqajna, u sirt naf li hu kien irtira mill-armata u li tgħidx kemm kien jogħġbu t-Torri taʼ l-Għassa. Qalli li wara li qara artiklu dwar it-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu f’ħarġa reċenti, hu ċċelebra t-Tifkira waħdu u qattaʼ l-bqija tal-lejla jaqra s-Salmi. Domna nitkellmu kważi nofs taʼ nhar sħiħ. Qabel tlaqt, tkellimna fil-qosor ukoll dwar il-magħmudija. Iktar tard bgħattlu stedina biex jattendi l-assemblea tas-circuit tagħna, li kellha ssir fil-bidu taʼ l-1954. Hu ġie, u kien wieħed mis-26 ruħ li tgħammdu f’din l-assemblea. Esperjenzi bħal din għadhom iġibuli l-ferħ sa llum.
Rosa: F’Ottubru taʼ l-1948, bdejt naqdi bħala pijuniera. Wara li qdejt f’Anor, ħdejn il-Belġju, ġejt inkarigata naqdi f’Pariġi maʼ pijuniera oħra, Irène Kolanski (issa Leroy). Konna noqogħdu f’naqra taʼ kamra fil-qalba tal-belt f’Saint-Germain-des-Près. Peress li trabbejt fil-kampanja, kelli ċertu biżaʼ min-nies taʼ Pariġi. Kont nimmaġina li kienu kollha sofistikati u intelliġenti ħafna. Imma meta bdejt nippridkalhom malajr irrealizzajt li huma kienu nies bħal ħaddieħor. Spiss, il-purtinar taʼ l-appartamenti kien ikeċċina ’l barra, u kien diffiċli ferm biex tibda studji tal-Bibbja. Xorta waħda, kien hemm min aċċetta l-messaġġ tagħna.
Waqt assemblea tas-circuit fl-1951, jien u Irène ġejna intervistati dwar is-servizz tagħna taʼ pijunier. Aqtaʼ min għamlilna l-intervista? Indokratur tas-circuit żagħżugħ jismu Marian Szumiga. Konna ltqajna darba qabel, imma wara dik l-assemblea, bdejna niktbu ’l xulxin. Jien u Marian kellna ħafna affarijiet komuni bejnietna, inkluż il-fatt li tgħammidna fl-istess sena u sirna pijunieri fl-istess sena. Madankollu, l-iktar importanti kien li t-tnejn ridna nibqgħu fis-servizz full-time. Allura, wara li tlabna dwar is-sitwazzjoni, iżżewwiġna fil-31 taʼ Lulju, 1956. Minħabba dan il-pass, bdiet ħajja kompletament ġdida għalija. Kelli nidra mhux biss li nkun mara miżżewġa imma wkoll li nakkumpanja lil Marian fix-xogħol tas-circuit, u dan kien ifisser sodda differenti kull ġimgħa. Għall-ewwel ma tantx sibtha faċli, imma kien hemm hena kbir maħżun għalina.
Ħajja Sodisfaċenti
Marian: Matul is-snin, kellna l-privileġġ li ngħinu fit-tħejjija taʼ diversi konvenzjonijiet. Għandi memorji għeżież ferm taʼ waħda li saret fl-1966, f’Bordeaux. Dak iż-żmien, l-attivitajiet tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Portugall kienu projbiti. Allura, il-programm taʼ l-assemblea ġie preżentat ukoll bil-Portugiż għall-benefiċċju taʼ dawk ix-Xhieda li setgħu jivvjaġġaw lejn Franza. Mijiet minn ħutna l-Kristjani waslu mill-Portugall, imma l-isfida kienet fejn se nakkomodawhom. Peress li l-aħwa f’Bordeaux ma kellhomx biżżejjed wisaʼ fi djarhom, aħna krejna teatru taċ-ċinema vojt biex nużawh bħala dormitorju. Neħħejna s-siġġijiet kollha, u użajna purtiera li kien hemm fuq il-palk sabiex is-sala tinqasam f’żewġ dormitorji, wieħed għall-aħwa rġiel u l-ieħor għall-aħwa nisa. Waħħalna wkoll doċoċ u sinkijiet, poġġejna t-tiben fuq l-art tal-konkos, u għattejnieh bil-kanvas. Kulħadd kien sodisfatt b’dan l-arranġament.
Wara s-sessjonijiet tal-konvenzjoni, aħna żorna lill-aħwa fid-dormitorju. Kien hemm atmosfera mill-isbaħ. Kemm konna inkuraġġiti bl-esperjenzi li kellhom minkejja s-snin twal t’oppożizzjoni li ssaportew! Meta telqu fi tmiem l-assemblea, ilkoll kemm aħna kellna d-dmugħ f’għajnejna.
Privileġġ ieħor kien ġie sentejn qabel, fl-1964, meta talbuni nibda naqdi bħala indokratur tad-distrett. Għal darb’oħra kont inkwetat dwar jekk iniex kapaċi nagħmel dan l-inkarigu. Imma jien għedt bejni u bejn ruħi li jekk dawk bir-responsabbiltajiet talbuni naċċetta l-inkarigu, bilfors ħassew li kont kapaċi nwettqu. Kienet esperjenza mill-aqwa li stajt naqdi daqshekk mill-qrib maʼ indokraturi oħra li jivvjaġġaw. Tgħallimt ħafna mingħandhom. Ħafna minnhom huma eżempji taʼ veru fejn tidħol il-paċenzja u l-perseveranza, kwalitajiet li huma vitali f’għajnejn Jehovah. Sirt nirrealizza li jekk nitgħallmu nistennew, Jehovah jaf fejn għandu jsibna.
Fl-1982 l-uffiċċju tal-fergħa talabna wkoll biex nieħdu ħsieb grupp żgħir taʼ 12-il pubblikatur Pollakk f’Boulogne-Billancourt, fl-inħawi taʼ barra taʼ Pariġi. Din kienet sorpriża. Kont naf it-termini teokratiċi bil-Pollakk, imma kont insibha diffiċli biex nifforma s-sentenzi. Però, il-qalb tajba u l-kooperazzjoni mill-qalb taʼ l-aħwa għenuni ħafna. Illum, hemm xi 170 pubblikatur fil-kongregazzjoni, inkluż kważi 60 pijunier. Iktar tard, jien u Rosa żorna wkoll gruppi u kongregazzjonijiet Pollakki fl-Awstrija, fid-Danimarka, u fil-Ġermanja.
Jinbidlu ċ-Ċirkustanzi
Iż-żjajjar f’kongregazzjonijiet differenti kienu saru parti minn ħajjitna, imma minħabba li saħħti marret lura, fl-2001 kellna nieqfu mill-ministeru taʼ l-ivvjaġġar. Sibna appartament fil-belt taʼ Pithiviers, fejn toqgħod oħti Ruth. L-uffiċċju tal-fergħa b’qalb tajba ħatarna bħala pijunieri speċjali bi ħtieġa taʼ sigħat addattata għaċ-ċirkustanzi tagħna.
Rosa: L-ewwel sena wara li waqafna mix-xogħol tas-circuit kienet diffiċli ħafna għalija. Il-bidla tant kienet kbira li ħassejtni ma niswa għal xejn. Imbagħad fakkart lili nnifsi, ‘Xorta għadek tistaʼ tuża tajjeb il-ħin u s-saħħa li għad għandek billi taqdi bħala pijuniera.’ Illum, inħossni kuntenta naqdi mal-pijunieri l-oħra fil-kongregazzjoni tagħna.
Jehovah Dejjem Ħa Ħsiebna
Marian: Jien grat ħafna lejn Jehovah li Rosa ilha takkumpanjani għal dawn l-aħħar 48 sena. Waqt dawn is-snin kollha fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar, hi kienet appoġġ kbir għalija. Kieku qatt smajtha tgħid, ‘Nixtieq li nissetiljaw u jkollna dar għalina.’
Rosa: Kultant kien hemm min kien jgħidli, “M’għandkomx ħajja normali. Intom dejjem tgħixu maʼ ħaddieħor.” Imma x’inhi verament “ħajja normali”? Spiss indawru lilna nfusna b’ħafna affarijiet li ma jħalluniex inwettqu attivitajiet spiritwali. Kulma għandna bżonn verament hi sodda komda, mejda, u ftit affarijiet bażiċi oħra. Bħala pijunieri ma tantx kellna materjalment, madankollu kellna kulma neħtieġu biex nagħmlu r-rieda taʼ Jehovah. Kultant kienu jistaqsuni, “X’se tagħmlu la tixjieħu u ma jkollkomx dar għalikom u pensjoni?” Imbagħad kont nikkwotalhom il-kliem taʼ Salm 34:11 (34:10, NW): “Min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.” Jehovah dejjem ħa ħsiebna.
Marian: Tabilħaqq! Fil-fatt, Jehovah tana ħafna iktar milli għandna bżonn. Per eżempju, fl-1958, intgħażilt biex nirrappreżenta lis-circuit tagħna f’konvenzjoni internazzjonali fi New York. Madankollu, ma kellniex biżżejjed flus biex nixtru biljett għal Rosa. Darba fil-għaxija, kien hemm ħu li tana envelop li fuqu kellu miktub “New York.” Ir-rigal li kien hemm fih ippermetta lil Rosa biex tivvjaġġa miegħi!
Jien u Rosa m’għandna ebda dispjaċir dwar is-snin li qattajna fis-servizz taʼ Jehovah. Ma tlifna xejn imma ggwadanjajna kollox—ħajja sodisfaċenti u hienja fis-servizz full-time. Jehovah hu verament Alla meraviljuż. Tgħallimna nistrieħu fuqu għalkollox, u l-imħabba tagħna għalih saret iktar qawwija. Xi wħud minn ħutna l-Kristjani ħallsu għal-lealtà tagħhom b’ħajjithom stess. Però, jien nemmen li tul is-snin, dak li jkun jistaʼ wkoll jissagrifika ħajtu ftit ftit. Dan hu dak li jien u Rosa ħabrikna biex nagħmlu s’issa, u hekk aħna determinati li nibqgħu nagħmlu fil-futur.
[Nota taʼ taħt]
a Il-bijografija taʼ Louis Piéchota, “I Survived the ‘Death March’” (Salvajt mill-“Mixja tal-Mewt”), ġiet pubblikata fil-Watchtower tal-15 t’Awissu, 1980.
[Stampa f’paġna 20]
François u Anna Szumiga u wliedhom, Stéphanie, Stéphane, Mélanie, u Marian madwar l-1930. Marian qiegħed bil-wieqfa fuq il-banketta
[Stampa f’paġna 22]
Fuq: Nippreżentaw letteratura mill-Bibbja fuq bank fis-suq f’Armentières, fit-tramuntana taʼ Franza, fl-1950
[Stampa f’paġna 22]
Xellug: Stefan Behunick maʼ Marian fl-1950
[Stampa f’paġna 23]
Rosa (l-ewwel waħda mix-xellug) mas-sieħba tagħha pijuniera, Irène (ir-rabaʼ mix-xellug), huma u jirreklamaw assemblea fl-1951
[Stampa f’paġna 23]
Marian u Rosa fil-jum taʼ qabel it-tieġ
[Stampa f’paġna 23]
Ir-rota kienet it-trasport prinċipali tagħna fiż-żjajjar tas-“circuit”