LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 9/1 pp. 25-28
  • Liema Wirt Għandek Tħalli lil Uliedek?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Liema Wirt Għandek Tħalli lil Uliedek?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Provvedimenti għall-​Futur
  • “Frugħa u Ħaġa mill-​Agħar”
  • Il-​Wirt u r-​Regħba
  • “L-​Għerf Flimkien mal-​Ġid”
  • Wirt Dejjiemi
  • Uliedna —Wirt Prezzjuż
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Ġenituri—Ħarrġu lil Uliedkom bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Ġenituri, Ipprovdu għall-Bżonnijiet tal-Familja Tagħkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Ibni Familja Soda Spiritwalment
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 9/1 pp. 25-28

Liema Wirt Għandek Tħalli lil Uliedek?

PAVLOS, raġel tal-​familja min-​nofsinhar taʼ l-​Ewropa, rari jkun id-​dar biex iqattaʼ ftit ħin maʼ martu u wliedu—żewġt ibniet taʼ 13 u 11-il sena, u tifel taʼ 7 snin. Pavlos jaħdem żewġ xiftijiet twal mit-​Tnejn sal-​Ħadd sabiex jipprova jaqlaʼ biżżejjed flus u jwettaq il-​ħolma tiegħu. Hu jixtieq jixtri appartament lil kull waħda mill-​bniet, u jixtieq jibda negozju żgħir għal ibnu. Martu, Sofia, titħabat biex iġġemmaʼ l-​bjankerija, l-​affarijiet għall-​kċina, il-​porċellana, u l-​pożati għal meta jakkwistaw dawn id-​djar. Meta jiġu mistoqsijin għala jaħdmu tant iebes, huma jwieġbu flimkien, “Għal uliedna!”

Bħal Pavlos u Sofia, ħafna ġenituri madwar id-​dinja jagħmlu ħilithom biex uliedhom jibdew il-​ħajja bit-​tajjeb. Xi wħud iwarrbu l-​flus sabiex it-​tfal jużawhom fil-​futur. Oħrajn jaraw kif jagħmlu biex uliedhom jiksbu edukazzjoni xierqa u jitgħallmu snajjaʼ li jsibuhom utli iktar tard fil-​ħajja. Għalkemm il-​maġġuranza tal-​ġenituri jqisu rigali bħal dawn bħala turija taʼ mħabbithom, huma jsibu ruħhom taħt pressjoni kbira biex iħejju wirt skond ma jaħsbu li huwa xieraq il-​qraba, il-​ħbieb, u n-​nies tal-​komunità li jgħixu fiha. Għaldaqstant, il-​ġenituri jinkwetaw u bix-​xieraq jistaqsu, ‘Kemm għandna nħallulhom lil uliedna?’

Provvedimenti għall-​Futur

Il-​fatt li l-​ġenituri Kristjani jipprovdu għal uliedhom m’huwiex biss xi ħaġa naturali imma huwa wkoll Skritturali. L-​appostlu Pawlu qal lill-​Kristjani taʼ żmienu: “Mhux sewwa li l-​ulied ifaddlu għall-​ġenituri, iżda l-​ġenituri jfaddlu għal uliedhom.” (2 Korintin 12:14) Pawlu qal ukoll li l-​ġenituri għandhom l-​obbligu serju li jieħdu ħsieb uliedhom. Hu kiteb: “Jekk xi ħadd ma jiħux ħsieb niesu, l-​aktar dawk tal-​familja tiegħu, dan ċaħad il-​fidi u hu agħar minn wieħed li ma jemminx.” (1 Timotju 5:8) Diversi rakkonti fil-​Bibbja juru li l-​kwistjoni tal-​wirt kienet importanti fost il-​qaddejja t’Alla fi żminijiet Bibliċi.—Rut 2:19, 20; 3:9-13; 4:1-22; Ġob 42:15.

Madankollu, xi drabi l-​ġenituri jinkwetaw iżżejjed biex iħallu wirt kbir lil uliedhom. Għala? Manolis, missier li min-​nofsinhar taʼ l-​Ewropa mar jgħix l-​Istati Uniti, isemmi raġuni waħda: “Il-​ġenituri li batew il-​ġuħ u l-​faqar minħabba t-​tħarbit tat-​Tieni Gwerra Dinjija, huma determinati li jtejbu l-​qagħda taʼ wliedhom.” Hu jkompli: “Minħabba li għandhom sens esaġerat taʼ responsabbiltà u xewqa li jgħinu lil uliedhom jibdew il-​ħajja bl-​aħjar mod possibbli, xi drabi l-​ġenituri jagħmlu l-​ħsara lilhom infushom.” Tabilħaqq, xi ġenituri jiċċaħħdu mill-​bżonnijiet tal-​ħajja jew jgħixu ħajja iebsa sabiex jaħżnu ġid materjali għal uliedhom. Imma huwa għaqli li l-​ġenituri jaġixxu b’dan il-​mod?

“Frugħa u Ħaġa mill-​Agħar”

Is-​Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-​qedem kellu twissija x’jagħmel dwar il-​wirt. Hu kiteb: “Stmerrejt ukoll ix-​xogħol kollu taħt ix-​xemx li fih tħabatt u li jkolli nħallih għal min jiġi warajja. U dan min jaf ikunx għaref inkella iblah? Ikun xi jkun hu jsir is-​sid taʼ xogħli kollu, li fih ħlejt saħħti u għaqli taħt ix-​xemx. Dan ukoll hu frugħa. . . . Għax dan jiġri: wieħed, li jkun ħadem bl-​għaqal u l-​ħila u b’suċċess, ikollu jgħaddi sehmu lil ħaddieħor li xejn ma tħabat għalih. Dan ukoll frugħa u ħaġa mill-​agħar.”—Koħèlet 2:18-21.

Bħalma jispjega Salamun, dawk li jirċievu wirt għandhom mnejn ma japprezzawx bis-​sħiħ kemm jiswa għax huma infushom ma jkunux stinkaw għalih. Minħabba f’hekk, il-​werrieta forsi ma jiħdux bis-​serjetà dak li l-​ġenituri jkunu stinkaw biex iwarrbulhom. Forsi saħansitra jaslu biex iħarbtu dan il-​ġid li tant ikun sewa xogħol. (Luqa 15:11-16) Xi “frugħa u ħaġa mill-​agħar” tkun din!

Il-​Wirt u r-​Regħba

Hemm xi ħaġa oħra li l-​ġenituri jridu jikkunsidraw. F’kulturi fejn in-​nies huma moħħhom fil-​wirt u fir-​rigali taż-​żwieġ, it-​tfal jistgħu jsiru rgħiba, u jippretendu proprjetà, jew dota, ħafna iktar milli l-​ġenituri jkunu jifilħu jagħtu. “Miskin hu l-​missier li għandu żewġ jew tlett ibniet,” jgħid b’nofs daħqa Loukas, missier mill-​Greċja. Hu jgħid: “Il-​bniet jistgħu jqabblu dak li missierhom kapaċi jagħtihom maʼ dak li ġenituri oħrajn igeddsu ‘bir-​radam’ għal uliedhom. Forsi jgħidu li l-​prospetti taż-​żwieġ se jonqsulhom jekk ma jkollhomx dota sodisfaċenti.”

Manolis, imsemmi qabel, jgħid: “Żagħżugħ jistaʼ jtawwal l-​għerusija sakemm missier il-​mara prospettiva jwiegħdu xi ħaġa għaliha, ġeneralment xi proprjetà jew somma flus sabiħa. Dan jistaʼ jsir tip taʼ rikatt.”

Il-Bibbja twissi kontra kull forma taʼ regħba. Salamun kiteb: “Il-​ġid miksub [“bir-​regħba,” NW] mill-​ewwel, ma jkollux barka fi tmiemu.” (Proverbji 20:21) L-​appostlu Pawlu enfasizza: “Ir-​regħba għall-​flus hi l-​għerq taʼ kull ħażen.”—1 Timotju 6:10; Efesin 5:5.

“L-​Għerf Flimkien mal-​Ġid”

M’għandniex xi ngħidu, il-​wirt jiswa għal xi ħaġa, imma l-​għerf jiswa ħafna iktar mill-​ġid materjali. Is-​Sultan Salamun kiteb: “Tajjeb l-​għerf flimkien mal-​ġid . . . Fih kenn l-​għerf u fihom kenn il-​flus; imma aħjar l-​għerf għax iħarreġ għall-​ħajja lil min għandu lilu.” (Koħèlet 7:11, 12; Proverbji 2:7; 3:21) Filwaqt li min għandu l-​flus ikollu ammont taʼ protezzjoni għax ikun jistaʼ jikseb dak li jeħtieġ, dawn xorta jistgħu jispiċċaw fix-​xejn. Mill-​banda l-​oħra, l-​għerf—l-​abbiltà li tuża l-​għarfien biex issolvi l-​problemi jew tilħaq ċerti miri—jistaʼ jgħin lil individwu biex ma jiħux riskji bla għaqal. Meta jkun ibbażat kif jixraq fuq il-​biżaʼ t’Alla, l-​għerf jistaʼ jgħinu jikseb ħajja eterna fid-​dinja ġdida t’Alla li dalwaqt ġejja—wirt tassew prezzjuż!—2 Pietru 3:13.

Il-ġenituri Kristjani juru għerf bħal dan billi jistabbilixxu prijoritajiet xierqa għalihom infushom u għal uliedhom. (Filippin 1:10) L-​affarijiet materjali li jakkumulaw għal uliedhom m’għandhomx ikunu iktar importanti mill-​affarijiet spiritwali. Ġesù ħeġġeġ lis-​segwaċi tiegħu: “Mela fittxu l-​ewwel is-​Saltna u l-​ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.” (Mattew 6:33) Il-​ġenituri li jagħmlu miri spiritwali għall-​familji Kristjani tagħhom jistgħu jistennew barkiet kbar. Is-​Sultan għaref Salamun kiteb: “Missier il-​ġust għandu ħafna biex jifraħ, min għandu ibnu għaref jithenna bih. Jithennew bik missierek u ommok, u tifraħ bik dik li wilditek!”—Proverbji 23:24, 25.

Wirt Dejjiemi

Għall-​Iżraelin tal-​qedem, il-​kwistjoni tal-​wirt kienet importanti ħafna. (1 Slaten 21:2-6) Madankollu, Jehovah wissiehom: “Żomm f’qalbek dan il-​kliem u dawn il-​kmandamenti li qiegħed nagħtik illum. Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-​triq, u meta timtedd, u meta tqum.” (Dewteronomju 6:6, 7) Il-​ġenituri Kristjani bl-​istess mod jintqalilhom: “Rabbuhom [lil uliedkom] fid-​dixxiplina u t-​twiddib tal-​Mulej.”—Efesin 6:4.

Il-ġenituri li għandhom ħarsa spiritwali jirrealizzaw li biex jipprovdu għall-​familja tagħhom iridu wkoll jipprovdu taħriġ mill-​Bibbja. Andreas, missier taʼ tlett itfal, jikkummenta: “Jekk it-​tfal jitgħallmu japplikaw prinċipji divini f’ħajjithom, se jkunu armati ħafna aħjar għall-​futur.” Wirt bħal dan jiffoka wkoll fuq li t-​tfal jiġu megħjunin jistabbilixxu u jikkultivaw relazzjoni persunali mal-​Ħallieq tagħhom.—1 Timotju 6:19.

Ħsibt int dwar li tipprovdi għall-​futur spiritwali taʼ wliedek? Per eżempju, x’jistgħu jagħmlu l-​ġenituri jekk xi ħadd mit-​tfal qiegħed jieħu sehem fil-​ministeru full-time? Filwaqt li ministru full-time m’għandu la jitlob bilfors u lanqas jippretendi appoġġ finanzjarju, il-​ġenituri jistgħu jiddeċiedu bi mħabba li ‘jaqsmu ġidhom miegħu’ skond il-​bżonn li għandu sabiex jgħinuh jibqaʼ fis-​servizz full-time. (Rumani 12:13; 1 Samwel 2:18, 19; Filippin 4:14-18) Appoġġ bħal dan żgur jogħġbu lil Jehovah.

Mela, il-​ġenituri x’għandhom iħallulhom lil uliedhom? Minbarra li jipprovdulhom għall-​bżonnijiet materjali tagħhom, il-​ġenituri Kristjani għandhom ikunu ċerti li wliedhom jirċievu wirt spiritwali abbundanti li jibbenefikaw minnu għal dejjem. B’dan il-​mod, jitwettaq il-​kliem misjub f’Salm 37:18: “Fi ħsieb il-​Mulej il-​ħajja tat-​tajbin, u wirthom jibqaʼ għal dejjem.”

[Stampi f’paġna 26, 27]

X’futur għandek f’moħħok għal uliedek?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja