Il-Missierna—Dak li Tfisser Għalik
IL-MISSIERNA, kif mogħtija minn Ġesù Kristu fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, tinsab fil-Bibbja f’Mattew kapitlu 6, versi 9 sa 13. Eżatt qabel din it-talba, Ġesù qal: “Intom u titolbu toqogħdux tlabalbu bħall-pagani; dawn mingħalihom li, iktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu.”—Mattew 6:7.
Mela, jidher ċar li Ġesù ma qalx il-Missierna bl-intenzjoni li tiġi ripetuta kelma b’kelma. Huwa minnu li iktar tard hu rripeta din it-talba għall-benefiċċju taʼ udjenza differenti. (Luqa 11:2-4) Imma l-mod kif inhu mpoġġi l-kliem fit-talba fl-Evanġelju taʼ Mattew hu kemxejn differenti minn dak taʼ Luqa. Iktar minn hekk, it-talb li qalu iktar tard Ġesù u d-dixxipli tiegħu ma kienx jaqbel eżatt mal-kliem speċifiku tat-talba mudell tiegħu.
Il-Missierna għala hija mniżżla fil-Bibbja? Permezz taʼ dan il-mudell, Ġesù jgħallimna kif it-talb tagħna jistaʼ jkun aċċettat minn Alla. F’din it-talba nsibu wkoll it-tweġibiet għal xi mistoqsijiet bażiċi dwar ħajjitna. Mela ejja nikkunsidraw kull parti tat-Talba tal-Missierna.
X’Inhu l-Isem t’Alla?
“Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek.” (Mattew 6:9) Dan il-kliem fil-bidu tat-talba mudell jgħinna nersqu eqreb lejn Alla billi nsejħulu “Missierna.” Bħalma tfajjel jinġibed b’mod naturali lejn ġenitur li jħobbu u jifhmu, hekk ukoll aħna nistgħu nersqu lejn Missierna tas-sema b’fiduċja li hu jrid jismagħna. “Int, li tismaʼ talbna,” kanta s-Sultan David, “quddiemek jersaq kull bniedem.”—Salm 65:3, 4a (65:2, NW).
Ġesù jgħallimna nitolbu biex isem Alla jiġi mqaddes. Imma x’inhu l-isem t’Alla? Il-Bibbja twieġeb hekk: “Jaħweh hu ismek, li int waħdek l-Għoli fuq l-art kollha.” (Salm 83:19 [83:18, NW]) Qatt qrajtu l-isem Jehovah, jew Jaħweh, fil-Bibbja?
Fil-fatt, l-isem t’Alla, Jehovah, jidher madwar 7,000 darba fil-manuskritti antiki tal-Bibbja. Madankollu, xi tradutturi saħansitra waslu biex neħħew dan l-isem mill-verżjonijiet tagħhom tal-Bibbja. Għalhekk, bix-xieraq li nitolbu lill-Ħallieq tagħna biex iqaddes ismu. (Eżekjel 36:23) Mod wieħed kif naġixxu fi qbil maʼ din it-talba hu billi nużaw l-isem Jehovah meta nitolbu lil Alla.
Mara li jisimha Patricia trabbiet bħala Kattolika u kienet tafha sew it-Talba tal-Missierna. Kif irreaġixxiet meta waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah urietha l-isem t’Alla fil-Bibbja? “Ma ridtx nemmen!” qalet hi bi stagħġib. “Allura, fittixtu fil-Bibbja tiegħi, u sibtu fiha wkoll. Imbagħad, ix-Xhud urietni Mattew 6:9, 10 u spjegatli li t-Talba tal-Missierna tirreferi għall-isem t’Alla. Tgħidx kemm ħassejtni ferħana u tlabtha tistudja l-Bibbja miegħi.”
Ir-Rieda t’Alla Se Sseħħ fuq l-Art
“Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.” (Mattew 6:10) Kif se sseħħ din il-parti tat-talba mudell taʼ Ġesù? Ħafna nies jimmaġinaw is-sema bħala post taʼ paċi u serħan. L-Iskrittura tirreferi għas-sema bħala “l-għamara mqaddsa u glorjuża” taʼ Jehovah. (Isaija 63:15) Mhux taʼ b’xejn li aħna nitolbu biex ir-rieda t’Alla sseħħ “kif fis-sema” hekkda fl-art! Imma dan jistaʼ qatt iseħħ?
Danjel, il-profeta taʼ Jehovah, bassar: “Alla tas-sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha [taʼ l-art], waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” (Danjel 2:44) Din is-Saltna, jew gvern, tas-sema dalwaqt se taġixxi sabiex iġġib paċi globali permezz taʼ ħakma ġusta u sewwa.—2 Pietru 3:13.
Meta individwu jitlob biex tiġi s-Saltna t’Alla u sseħħ ir-rieda tiegħu fuq l-art ikun qed jesprimi l-fidi tiegħu u mhux se jkun diżappuntat. L-appostlu Kristjan Ġwanni kiteb: “Smajt leħen qawwi ġej mit-tron jgħid: ‘Din hi l-għamara taʼ Alla mal-bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.’” Wara dan, Ġwanni żied: “Mbagħad dak li hu bilqiegħda fuq it-tron qal: . . . ‘Ikteb, għax dawn il-kelmiet huma minnhom u taʼ min joqgħod fuqhom.’”—Apokalissi 21:3-5.
It-Talb u l-Bżonnijiet Fiżiċi Tagħna
Minn dak li qal fit-talba mudell, Ġesù wera li fit-talb tagħna għandna nagħtu prijorità lil dak li hu marbut maʼ l-isem u r-rieda t’Alla. Però, it-talba mudell tkompli b’talbiet persunali li kif jixraq huma preżentati lil Jehovah.
L-ewwel waħda minn dawn hi: “Ħobżna taʼ kuljum agħtina llum.” (Mattew 6:11) Din m’hijiex talba għall-għana materjali. Ġesù ħeġġiġna nitolbu: “Ħobżna taʼ kuljum agħtina kuljum,” jiġifieri skond ma neħtieġu f’dan il-jum. (Luqa 11:3) Fi qbil mat-Talba tal-Missierna, nistgħu nitolbu b’fiduċja sħiħa li Alla se jipprovdi l-bżonnijiet tagħna taʼ kuljum jekk inħobbuh u nobduh.
L-inkwiet żejjed dwar problemi ekonomiċi jistaʼ jġagħalna nittraskuraw il-bżonn spiritwali tagħna, u għalhekk nonqsu milli nagħmlu dak li Alla jistenna minna. Imma jekk inpoġġu l-qima t’Alla l-ewwel f’ħajjitna, nistgħu nkunu ċerti li meta nitolbu għall-bżonnijiet materjali, bħall-ilbies u l-ikel, hu se jismagħna. Ġesù qal: “[“Ibqgħu,” NW] fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.” (Mattew 6:26-33) Hija sfida għalina biex infittxu l-ġustizzja t’Alla, ladarba aħna lkoll imperfetti u għandna bżonn il-maħfra. (Rumani 5:12) Il-Missierna titkellem dwar dan ukoll.
It-Talb Tagħna u l-Maħfra
“Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.” (Mattew 6:12; Luqa 11:4) Tassew li Alla Jehovah lest li jaħfrilna dnubietna?
Għalkemm is-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem għamel dnubiet gravi, hu nidem u talab b’mod fiduċjuż: “Int, Sidi, twajjeb u taħfer, kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.” (Salm 86:5) Kemm hu taʼ faraġ dan il-ħsieb! Missierna tas-sema hu lest li ‘jaħfer’ id-dnubiet taʼ dawk li jsejħulu bi ndiema. Alla Jehovah jistaʼ jaħfrilna dnubietna għalkollox.
Madankollu, Ġesù semma kundizzjoni waħda: Biex Alla jaħfrilna, irridu naħfru lill-oħrajn. (Mattew 6:14, 15) Għalkemm ir-raġel ġust Ġob ġie trattat ħażin minn tlett iħbieb, hu ħafrilhom u saħansitra talab għalihom. (Ġob 42:10) Jekk naħfru lil dawk li jonqsuna, se nogħġbu lil Alla u se nkunu nistgħu nibbenefikaw mill-ħniena tiegħu.
Minħabba li Alla hu lest jismaʼ t-talb tagħna, aħna għandna nitqanqlu biex infittxu l-approvazzjoni tiegħu. U dan nistgħu nagħmluh avolja aħna imperfetti. (Mattew 26:41) Anki f’dan il-każ, Jehovah jistaʼ jgħinna, bħalma wera Ġesù billi kkonkluda t-talba mudell b’rikjesta vitali.
Għajnuna biex Nimxu fit-Triq it-Tajba
“U la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni.” (Mattew 6:13) Jehovah ma jabbandunaniex fit-tiġrib u lanqas ma jġagħalna naqgħu fid-dnub. Il-Kelma tiegħu tistqarr: “Alla ma jistax jiġġarrab għall-ħażin, u anqas m’hu se jġarrab lil ħadd.” (Ġakbu 1:13) Alla jħallina niġu mġarrbin, imma hu jistaʼ jeħlisna mit-Tentatur il-Kbir—dak li jagħmlilna ‘d-deni’ magħruf bħala Satana x-Xitan.
L-appostlu Pietru ħeġġeġ lil sħabu l-Kristjani: “Kunu meqjusa u għassu. L-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex ’il min sa jiblaʼ.” (1 Pietru 5:8) Satana ġarrab anki lir-raġel perfett Ġesù Kristu! X’kienet il-mira tax-Xitan? Hu ried ibiegħed lil Ġesù mill-qima pura t’Alla Jehovah. (Mattew 4:1-11) Jekk qed tipprova taqdi lil Alla, il-mira taʼ Satana hi li jiblaʼ lilek ukoll!
Permezz tad-dinja li tinsab taħt idejh, ix-Xitan jistaʼ jipprova jġarrabna biex nieħdu sehem fi prattiċi li Alla ma japprovahomx. (1 Ġwanni 5:19) Allura, hu vitali li regolarment nersqu lejn Alla biex nitolbuh l-għajnuna, speċjalment meta niffaċċjaw xi tentazzjoni persistenti. U jekk inqimu lil Jehovah skond il-Kelma ispirata tiegħu, il-Bibbja, hu se jeħlisna billi jgħinna nieqfu lix-Xitan. Il-Bibbja tgħidilna li ‘Alla hu [“leali,” NW] u ma jħalliniex niġġarrbu iktar milli nifilħu.’—1 Korintin 10:13.
Il-Fidi f’Alla Essenzjali
Kemm iqawwilna qalbna l-fatt li nafu kemm Missierna tas-sema jinteressah minn kull wieħed u waħda minna! Hu saħansitra ried li Ibnu, Ġesù Kristu, jgħallimna nitolbu. Żgur li dan iqanqalna biex inkunu rridu nogħġbu lil Alla Jehovah. Dan kif nistgħu nagħmluh?
Il-Bibbja tistqarr: “Mingħajr il-fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla. Għax kull min jersaq lejn Alla jeħtieġlu jemmen li Alla jeżisti u li hu jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh [“bil-ħeġġa,” NW].” (Lhud 11:6) Kif nistgħu niksbu fidi bħal din? Il-Bibbja tgħid: “Il-fidi . . . tiġi mis-smigħ.” (Rumani 10:17) Ix-Xhieda taʼ Jehovah jieħdu pjaċir jitkellmu dwar affarijiet Skritturali maʼ kulmin jixxennaq biex jaqdi lil Alla b’fidi vera.
Nittamaw li din id-diskussjoni dwar it-Talba tal-Missierna għenitek tapprezza iktar it-tifsira tagħha. Jekk tieħu iktar għarfien dwar Jehovah u l-barkiet li jagħti lil “dawk li jfittxuh bil-ħeġġa,” int se tkun tistaʼ ssaħħaħ il-fidi tiegħek f’Alla. Jalla titgħallem iktar dwaru u dwar l-iskopijiet tiegħu sabiex tgawdi relazzjoni intima maʼ Missierek tas-sema għal dejjem.—Ġwanni 17:3.
[Kumment f’paġna 5]
“Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art. Ħobżna taʼ kuljum agħtina llum. Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina. U la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni.”—Mattew 6:9-13
[Stampa f’paġna 7]
Jehovah jipprovdi l-bżonnijiet taʼ dawk li jħobbuh
[Stampa f’paġna 7]
Alla jgħinna wkoll biex nieqfu lix-Xitan
[Stampa f’paġna 7]
Jekk bħal Ġob aħna naħfru lil min jonqosna, nistgħu nibbenefikaw mill-ħniena t’Alla