LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 2/1 pp. 8-12
  • “Mulej, Għallimna Nitolbu”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Mulej, Għallimna Nitolbu”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Missier Kollu Mħabba
  • Imħabba għall-​Isem taʼ Jehovah
  • Is-​Saltna li Nitolbu Għaliha
  • Għala Nkomplu Nitolbu biex Tiġi s-​Saltna?
  • “Ikun li Trid Int”
  • Ir-​Rieda taʼ Jehovah fis-​Sema
  • Ir-​Rieda taʼ Jehovah għall-​Art
  • Għix fi qbil mat-talba mudell—L-1 parti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Talb li Żgur Jiġi Mwieġeb
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Dwar Talb li Jismaʼ Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Il-Missierna—Dak li Tfisser Għalik
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 2/1 pp. 8-12

“Mulej, Għallimna Nitolbu”

“Wieħed mid-​dixxipli tiegħu qallu: ‘Mulej, għallimna nitolbu.’”—LUQA 11:1.

1. Wieħed mid-​dixxipli taʼ Ġesù għala xtaqu jgħallimhom kif jitolbu?

DARBA waħda fis-​sena 32 E.K., wieħed mid-​dixxipli taʼ Ġesù kien qed josservah jitlob. Hu ma setax jismaʼ dak li Ġesù kien qed jgħid lil Missieru, għax x’aktarx kien qed jitlob f’qalbu. Minkejja dan, meta Ġesù spiċċa jitlob, dan id-​dixxiplu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu.” (Luqa 11:1) X’kien li ġagħlu jgħid hekk? It-​talb kien xi ħaġa regulari fil-​ħajja u l-​qima tal-​Lhud. L-​Iskrittura Ebrajka fiha għadd taʼ talb fil-​ktieb tas-​Salmi u anki f’postijiet oħra. Għalhekk, id-​dixxiplu ma kienx qed jgħidlu biex jgħallmu xi ħaġa li ma kien jaf xejn dwarha jew li qatt ma kien għamilha qabel. Bla dubju, hu kien familjari mat-​talb formalistiku tal-​mexxejja reliġjużi tal-​Ġudaiżmu. Imma issa li kien osserva lil Ġesù jitlob, hu x’aktarx induna li kien hemm differenza kbira bejn il-​mod bombastiku kif kienu jitolbu r-​rabbini biex jagħmluha taʼ qaddisin u l-​mod kif kien jitlob Ġesù.—Mattew 6:5-8.

2. (a) X’jindika li Ġesù ma ridniex nirrepetu t-​talba mudell kelma b’kelma? (b) Għala jinteressana li nkunu nafu kif nitolbu?

2 Madwar sena u nofs qabel, fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù kien ta mudell lid-​dixxipli tiegħu fuqiex jibbażaw it-​talb tagħhom. (Mattew 6:9-13) X’aktarx li dan id-​dixxiplu partikulari ma kienx preżenti dakinhar, u għalhekk Ġesù b’qalb tajba rripeta l-​punti essenzjali taʼ dik it-​talba mudell. Taʼ min jinnota l-​fatt li hu ma rripetihiex kelma b’kelma, u b’hekk indika li hu ma kienx qed jagħti xi talba liturġika li kellha tiġi ripetuta bl-​amment. (Luqa 11:1-4) Bħal dak id-​dixxiplu, li ismu mhux magħruf, aħna wkoll irridu niġu mgħallmin kif nitolbu sabiex permezz tat-​talb tagħna nersqu eqreb lejn Jehovah. Għalhekk, ejja neżaminaw il-​verżjoni iktar dettaljata tat-​talba mudell, kif imniżżla bil-​miktub mill-​appostlu Mattew. Din fiha sebaʼ affarijiet differenti li rridu nitolbu għalihom, li tlieta minnhom għandhom x’jaqsmu maʼ l-​iskopijiet t’Alla u l-​erbaʼ l-​oħra mal-​bżonnijiet materjali u spiritwali tagħna. F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw l-​ewwel tlieta.

Missier Kollu Mħabba

3, 4. Xi jfisser li nindirizzaw lil Jehovah bħala “Missierna”?

3 Ġesù wera mill-​bidu li t-​talb tagħna għandu jirrifletti r-​relazzjoni intima imma fl-​istess ħin taʼ rispett li aħna għandna maʼ Jehovah. Waqt li tkellem prinċipalment għall-​benefiċċju tad-​dixxipli tiegħu, li kienu miġburin madwaru fuq il-​muntanja, Ġesù qalilhom biex jindirizzaw lil Jehovah bħala “Missierna, li inti fis-​smewwiet.” (Mattew 6:9) Skond wieħed studjuż, sew jekk Ġesù kien qed jitkellem bil-​lingwa popolari Ebrajka u sew jekk bl-​Aramajk, it-​terminu li uża għal “Missierna” jixbah il-​mod kif it-​tfal ċkejknin isejħu b’mod intimu lil missierhom, ‘kelma li jużaw it-​tfal.’ Meta nindirizzaw lil Jehovah bħala “Missierna” nkunu qed nuru li r-​relazzjoni tagħna hija bbażata fuq l-​affezzjoni u l-​fiduċja.

4 Meta ngħidu “Missierna,” inkunu wkoll qed nagħrfu li aħna parti minn familja kbira taʼ rġiel u nisa li jirrikonoxxu lil Jehovah bħala d-​Donatur tal-​Ħajja. (Isaija 64:7 [64:8, NW]; Atti 17:24, 28) Il-​Kristjani midlukin bl-​ispirtu huma adottati bħala “wlied Alla,” u huma jistgħu ‘jgħajtulu “Abba! Missier!”’ (Rumani 8:14, 15, korsiv tagħna.) Miljuni taʼ nies saru sħabhom leali. Huma ddedikaw ħajjithom lil Jehovah u ssimbolizzaw id-​dedikazzjoni tagħhom bil-​magħmudija fl-​ilma. Dawn in-​“nagħaġ oħra” kollha jistgħu wkoll jersqu lejn Jehovah f’isem Ġesù u jsejħulu “Missierna.” (Ġwanni 10:16; 14:6) Nistgħu nersqu regolarment lejn Missierna tas-​sema bit-​talb biex infaħħruh, nirringrazzjawh għat-​tjubija kollha li juri magħna, u biex nerħu t-​tagħbijiet tagħna f’idejh, b’fiduċja sħiħa li hu jieħu ħsiebna.—Filippin 4:6, 7; 1 Pietru 5:6, 7.

Imħabba għall-​Isem taʼ Jehovah

5. X’inhi l-​ewwel petizzjoni fit-​talba mudell, u għala hija xierqa?

5 L-​ewwel petizzjoni turi minnufih x’inhu l-​iktar importanti. Din hi: “Jitqaddes ismek.” (Mattew 6:9) Iva, it-​taqdis taʼ isem Jehovah għandu jkun taʼ importanza primarja għalina għaliex inħobbu lil Jehovah u ma niħdux gost naraw it-​tmaqdir kollu li ntefaʼ fuq ismu. L-​irvell taʼ Satana u l-​fatt li hu ħajjar lill-​ewwel koppja umana biex ma tobdix lil Alla Jehovah ġabu tmaqdir fuq Ismu minħabba l-​fatt li tefgħu dubju fuq il-​mod kif Alla kien qed jeżerċita s-​sovranità universali tiegħu. (Ġenesi 3:1-6) Barra minn hekk, matul is-​sekli, l-​isem taʼ Jehovah ġie mmaqdar bl-​għemejjel bla mistħija u t-​tagħlim taʼ dawk li jsostnu li qed jirrappreżentawh.

6. X’m’aħniex se nagħmlu jekk nitolbu biex jitqaddes l-​isem taʼ Jehovah?

6 It-​talba tagħna biex jitqaddes isem Jehovah turi x’inhi l-​qagħda tagħna f’konnessjoni mas-​sovranità universali—li nappoġġaw kompletament id-​dritt taʼ Jehovah li jmexxi l-​univers. Jehovah irid li l-​univers ikun abitat minn ħlejjaq intelliġenti li minn jeddhom u bil-​ferħ jissottomettu ruħhom lejn is-​sovranità ġusta tiegħu għaliex iħobbuh u jħobbu dak kollu li ismu jirrappreżenta. (1 Kronaki 29:10-13; Salm 8:2 [8:1, NW]; 148:13) L-​imħabba tagħna għal isem Jehovah se tgħinna nżommu lura milli nagħmlu kwalunkwe ħaġa li tistaʼ ġġib tmaqdir fuq dak l-​isem qaddis. (Eżekjel 36:20, 21; Rumani 2:21-24) Ladarba l-​paċi taʼ l-​univers u taʼ l-​abitanti li jinsabu fih tiddependi mit-​taqdis taʼ isem Jehovah u mis-​sottomissjoni mill-​qalb għas-​sovranità tiegħu, it-​talba tagħna “jitqaddes ismek” hija espressjoni tal-​fiduċja tagħna li l-​iskop taʼ Jehovah se jitwettaq għat-​tifħir tiegħu.—Eżekjel 38:23.

Is-​Saltna li Nitolbu Għaliha

7, 8. (a) X’inhi s-​Saltna li Ġesù għallimna nitolbu għaliha? (b) X’nitgħallmu dwar din is-​Saltna mill-​kotba taʼ Danjel u Apokalissi?

7 It-​tieni petizzjoni fit-​talba mudell hi: “Tiġi saltnatek.” (Mattew 6:10) Din għandha x’taqsam ħafna maʼ dik taʼ qabilha. L-​istrument li Jehovah juża biex iqaddes l-​isem qaddis tiegħu hu s-​Saltna Messjanika, il-​gvern tiegħu fis-​sema, li kif jixraq, Ibnu, Ġesù Kristu, hu s-​Sultan maħtur tagħha. (Salm 2:1-9) Il-​profezija taʼ Danjel tagħti stampa tas-​Saltna Messjanika bħala “ġebla” maqtugħa minn “muntanja.” (Danjel 2:34, 35, 44, 45) Il-​muntanja tirrappreżenta s-​sovranità universali taʼ Jehovah, u għalhekk is-​Saltna rappreżentata mill-​ġebla hija mod ġdid kif Jehovah jesprimi l-​ħakma universali tiegħu. Fil-​profezija, il-​ġebla, imbagħad, ‘issir muntanja kbira li timla l-​art kollha,’ u dan jindika li s-​Saltna Messjanika se tirrappreżenta s-​sovranità divina billi taħkem għal fuq l-​art.

8 Flimkien maʼ Kristu f’dan il-​gvern tas-​Saltna hemm ukoll 144,000, “mifdija minn fost il-​bnedmin” biex jaħkmu miegħu bħala slaten u qassisin. (Apokalissi 5:9, 10; 14:1-4; 20:6) Danjel jirreferi għal dawn bħala “l-​qaddisin taʼ Alla l-​Għoli,” li flimkien maʼ Kristu bħala l-​Kap tagħhom jirċievu “s-​saltna u s-​setgħa u l-​kobor tas-​saltniet taʼ taħt is-​smewwiet kollha . . . [Saltnathom] saltna għal dejjem, u kull setgħa [taqdihom] u tismaʼ [minnhom].” (Danjel 7:13, 14, 18, 27) Hekk se jkun il-​gvern tas-​sema li Kristu għallem lis-​segwaċi tiegħu jitolbu għalih.

Għala Nkomplu Nitolbu biex Tiġi s-​Saltna?

9. Għala huwa xieraq li nitolbu biex tiġi s-​Saltna t’Alla?

9 Fit-​talba tiegħu li tana bħala mudell, Kristu għallimna nitolbu biex tiġi s-​Saltna t’Alla. It-​twettiq tal-​profeziji tal-​Bibbja jindika li s-​Saltna Messjanika ġiet stabbilita fis-​sema fl-​1914.a Allura, xorta għadu xieraq li nitolbu biex “tiġi” dik is-​Saltna? Ċertament. Għax fil-​profezija taʼ Danjel, is-​Saltna Messjanika, li hija rappreżentata minn ġebla, tinsab f’konfront dirett mal-​gvernijiet politiċi tal-​bniedem, rappreżentati minn statwa tassew kbira. Il-​ġebla għad trid tiġi fuq dik l-​istatwa, u bid-​daqqa li tagħtiha tfarrakha. Il-​profezija taʼ Danjel tgħid: “Il-​ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-​saltniet l-​oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Danjel 2:44.

10. Għala nixxennqu biex tiġi s-​Saltna t’Alla?

10 Aħna nixxennqu li naraw is-​Saltna t’Alla tiġi kontra s-​sistema mill-​agħar taʼ Satana għaliex dan ikun ifisser it-​taqdis taʼ l-​isem qaddis taʼ Jehovah u t-​tneħħija min-​nofs taʼ kulmin jopponi s-​sovranità divina. Aħna nitolbu bil-​ħeġġa: “Tiġi saltnatek,” u maʼ l-​appostlu Ġwanni ngħidu: “Hekk ikun. Ejja, Mulej Ġesù!” (Apokalissi 22:20) Iva, jalla Ġesù jiġi u jqaddes isem Jehovah u jivvindika s-​sovranità Tiegħu, sabiex jitwettaq kliem is-​salmista: “Biex jagħrfu li Jaħweh hu ismek, li int waħdek l-​Għoli fuq l-​art kollha.”—Salm 83:19 (83:18, NW).

“Ikun li Trid Int”

11, 12. (a) Għalxiex inkunu qed nitolbuh lil Alla meta ngħidu “jkun li trid int, kif fis-​sema, hekkda fl-​art”? (b) Xi jfisser iktar il-​fatt li nitolbu biex issir ir-​rieda taʼ Jehovah?

11 Imbagħad Ġesù għallem lid-​dixxipli biex jitolbu: “Ikun li trid int, kif fis-​sema, hekkda fl-​art.” (Mattew 6:10) L-​univers beda jeżisti minħabba r-​rieda taʼ Jehovah. Il-​ħlejjaq setgħana tas-​sema jgħajtu: “Jistħoqqlok, Mulej Alla tagħna, li tilqaʼ l-​glorja u l-​ġieħ u s-​setgħa, għax int ħlaqt il-​ħlejjaq kollha, u huma kienu u nħolqu bir-​rieda tiegħek.” (Apokalissi 4:11) Jehovah għandu skop għal “kull ma hu fis-​sema u kull ma hu fl-​art.” (Efesin 1:8-10) Meta nitolbu biex ikun li jrid Alla, aħna, fil-​fatt, inkunu qed nitolbu lil Jehovah biex iwettaq l-​iskop tiegħu. Barra minn hekk, aħna b’dan inkunu qed nuru li nixxennqu biex naraw ir-​rieda t’Alla ssir fl-​univers kollu.

12 B’din it-​talba nuru wkoll kemm aħna lesti li nġibu ħajjitna fi qbil mar-​rieda taʼ Jehovah. Ġesù qal: “L-​ikel tiegħi hu li nagħmel ir-​rieda taʼ min bagħatni u li nwassal fit-​tmiem l-​opra tiegħu.” (Ġwanni 4:34) Bħala Kristjani dedikati, aħna, bħal Ġesù, hija l-​għaxqa tagħna li nagħmlu r-​rieda t’Alla. L-​imħabba tagħna lejn Jehovah u lejn Ibnu tqanqalna biex ma ngħixux iktar “skond il-​passjonijiet tal-​bnedmin, imma skond ir-​rieda taʼ Alla.” (1 Pietru 4:1, 2; 2 Korintin 5:14, 15) Nagħmlu ħilitna kollha biex nevitaw li nagħmlu affarijiet li nafu li huma kontra r-​rieda taʼ Jehovah. (1 Tessalonikin 4:3-5) Jekk nixtru l-​ħin għall-​qari u l-​istudju tal-​Bibbja, aħna nkunu qed ‘infittxu x’inhi r-​rieda tal-​Mulej,’ li tinkludi li jkollna sehem attiv fl-​ippridkar taʼ “dan l-​Evanġelju tas-​Saltna.”—Efesin 5:15-17; Mattew 24:14.

Ir-​Rieda taʼ Jehovah fis-​Sema

13. Ir-​rieda t’Alla kif kienet qed issir ħafna qabel ma seħħ l-​irvell taʼ Satana?

13 Ir-​rieda taʼ Jehovah kienet qed titwettaq fis-​sema ħafna qabel ma wieħed minn uliedu spirti rribella u sar Satana. Il-​ktieb tal-​Proverbji jitkellem dwar l-​ewwel Iben imwieled t’Alla bħala l-​għerf personifikat. Dan juri li matul dawk il-​biljuni taʼ snin kollha, l-​Iben uniġenitu t’Alla kien ‘jitliegħeb il-​ħin kollu quddiemu,’ hieni li jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru. Meta wasal il-​waqt, hu sar il-​“ħaddiem tas-​sengħa” (NW) taʼ Jehovah fil-​ħolqien taʼ kulma hu “fis-​sema u fl-​art, dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx.” (Proverbji 8:22-31; Kolossin 1:15-17) Jehovah uża lil Ġesù bħala l-​Verb, jew il-​Kelliemi tiegħu.—Ġwanni 1:1-3.

14. X’nistgħu nitgħallmu minn Salm 103 dwar kif l-​anġli jwettqu r-​rieda taʼ Jehovah fis-​sema?

14 Is-​salmista juri li s-​sovranità taʼ Jehovah hija fuq il-​ħolqien kollu u li l-​qtajjaʼ taʼ l-​anġli jobdu l-​kliem taʼ istruzzjoni u l-​kmandi li jagħtihom. Naqraw: “Waqqaf il-​Mulej it-​tron tiegħu fis-​sema, u saltnatu fuq kollox taħkem. Bierku l-​Mulej, anġli tiegħu kollha, setgħana u qawwija li tagħmlu l-​ordni tiegħu, malli tisimgħu leħen il-​kelma tiegħu. Bierku l-​Mulej, eżerċti tiegħu kollha, qaddejja tiegħu, li tagħmlu r-​rieda tiegħu. Bierku l-​Mulej, għemejjel tiegħu kollha, kullimkien fis-​saltna [jew, sovranità] tiegħu.”—Salm 103:19-22.

15. Il-​fatt li Ġesù rċieva l-​awtorità tas-​Saltna kif effettwa t-​twettiq tar-​rieda t’Alla fis-​sema?

15 Wara li rribella, Satana xorta setaʼ jidħol fis-​sema, bħalma juri ċar il-​ktieb taʼ Ġob. (Ġob 1:6-12; 2:1-7) Iżda, il-​ktieb taʼ l-​Apokalissi pprofetizza li kellu jiġi żmien meta Satana u d-​demonji tiegħu kellhom jitkeċċew mis-​sema. Dak iż-​żmien, milli jidher, ġie ftit wara li Ġesù Kristu ngħata l-​awtorità tas-​Saltna fl-​1914. Minn dakinhar ’l hawn ma kienx hemm iktar post għal dawk ir-​ribelli fis-​sema. Huma jinsabu limitati għall-​viċinanzi taʼ l-​art. (Apokalissi 12:7-12) M’hemm ħadd iktar fis-​sema li jinstemaʼ jħaqqaqha dwar is-​sovranità taʼ Jehovah. Jinstemgħu biss ilħna li lkoll flimkien jesprimu l-​ferħ tagħhom għall-​“Ħaruf,” Kristu Ġesù, u t-​tifħir b’sottomissjoni lejn Jehovah. (Apokalissi 4:9-11) Ir-​rieda taʼ Jehovah tabilħaqq qed titwettaq fis-​sema.

Ir-​Rieda taʼ Jehovah għall-​Art

16. It-​talba mudell kif tikkontradixxi t-​tagħlim tal-​Kristjaneżmu rigward it-​tama tal-​bniedem?

16 Ir-​reliġjonijiet tal-​Kristjaneżmu jeskludu l-​art mill-​iskopijiet t’Alla, billi jsostnu li n-​nies tajbin kollha jmorru fis-​sema. Imma Ġesù għallimna nitolbu: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-​sema, hekkda fl-​art.” (Mattew 6:10) Tistaʼ qatt tgħid li b’mod ġenerali r-​rieda taʼ Jehovah qed titwettaq illum fuq art mimlija vjolenza, inġustizzji, mard, u mewt? Assolutament le! Għalhekk, għandna nitolbu bis-​sinċerità kollha li ssir ir-​rieda t’Alla fuq l-​art, fi qbil mal-​wegħda mniżżla bil-​miktub mill-​appostlu Pietru: “Aħna, skond il-​wegħda tiegħu, nistennew smewwiet ġodda [il-gvern tas-​Saltna Messjanika mmexxi minn Kristu] u art ġdida [soċjetà taʼ bnedmin ġusti], li fihom tgħammar il-​ġustizzja.”—2 Pietru 3:13.

17. X’inhu l-​iskop taʼ Jehovah għall-​art?

17 Jehovah l-​art ħalaqha bi skop. Hu nebbaħ lill-​profeta Isaija biex jikteb: “Dan jgħid il-​Mulej li ħalaq is-​smewwiet; Hu li hu tassew Alla, li sawwar l-​art, għamilha u wettaqha, ma ħalaqhiex għall-​baħħ, sawwarha biex jgħammru fiha: ‘Jien hu l-​Mulej, u m’hemm ħadd ħliefi!’” (Isaija 45:18) Alla poġġa lill-​ewwel koppja umana f’ġenna u qalilhom: “Nisslu u oktru, u imlew l-​art, u aħkmuha.” (Ġenesi 1:27, 28; 2:15) Huwa ovvju li l-​iskop tal-​Ħallieq hu li l-​art tkun abitata minn razza perfetta taʼ bnedmin ġusti li b’ferħ jissottomettu ruħhom lejn is-​sovranità taʼ Jehovah u jgħixu għal dejjem fil-​Ġenna mwiegħda minn Kristu.—Salm 37:11, 29; Luqa 23:43.

18, 19. (a) Xi jrid isir qabel ma r-​rieda t’Alla titwettaq kompletament fuq l-​art? (b) Liema aspetti oħra tat-​talba mudell li tana Ġesù se jiġu eżaminati fl-​artiklu li jmiss?

18 Ir-​rieda taʼ Jehovah għall-​art qatt ma tistaʼ titwettaq kompletament dment li l-​art hija mimlija bi rġiel u nisa li jisfidaw is-​sovranità tiegħu. Alla se juża l-​eżerċti taʼ spirti setgħana taħt it-​tmexxija taʼ Kristu biex ‘jeqred lil dawk li qegħdin jeqirdu d-​dinja.’ Is-​sistema mill-​agħar taʼ Satana kollha kemm hi, bir-​reliġjon falza, bil-​politika korrotta, bil-​kummerċ rgħib u qarrieq, u bil-​militar qerriedi tagħha, se jiġu meqrudin għal dejjem. (Apokalissi 11:18; 18:21; 19:1, 2, 11-18) Is-​sovranità taʼ Jehovah se tiġi vindikata u ismu se jitqaddes. Dan kollu nitolbu għalih meta ngħidu: “Missierna, li inti fis-​smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-​sema, hekkda fl-​art.”—Mattew 6:9, 10.

19 Madankollu, fit-​talba mudell li tana Ġesù, hu wera li aħna nistgħu nitolbu wkoll dwar affarijiet persunali. Dawn l-​aspetti taʼ l-​istruzzjoni li tana dwar it-​talb se jiġu eżaminati fl-​artiklu li jmiss.

[Nota taʼ taħt]

a Ara kapitlu 6 tal-​ktieb Oqgħod Attent għall-​Profezija taʼ Danjel! pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Bħala Reviżjoni

• Għala huwa xieraq li nindirizzaw lil Jehovah bħala “Missierna”?

• Għala huwa taʼ importanza primarja għalina li nitolbu biex jitqaddes isem Jehovah?

• Għala nitolbu biex tiġi s-​Saltna t’Alla?

• Xi jfisser li nitolbu biex ikun li jrid Alla fl-​art bħalma hu fis-​sema?

[Stampa f’paġna 9]

It-​talb taʼ Ġesù kien ferm differenti mill-​mod bombastiku kif kienu jitolbu l-​Fariżej biex jagħmluha taʼ qaddisin

[Stampa f’paġna 10]

Il-​Kristjani jitolbu biex tiġi s-​Saltna t’Alla, biex jitqaddes ismu, u biex issir ir-​rieda tiegħu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja