LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 6/15 pp. 22-26
  • Għix fi qbil mat-talba mudell—L-1 parti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għix fi qbil mat-talba mudell—L-1 parti
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “MISSIERNA FIS-​SMEWWIET”
  • “ĦA JITQADDES ISMEK”
  • “ĦA TIĠI SALTNATEK”
  • “ĦA JKUN LI TRID INT . . . FUQ L-​ART”
  • “Mulej, Għallimna Nitolbu”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Kif Tistaʼ Tkun Ċert li Alla Jismaʼ t-Talb Tiegħek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2021
  • Dwar Talb li Jismaʼ Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Talb li Żgur Jiġi Mwieġeb
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 6/15 pp. 22-26
Ġenituri jisimgħu t-tifla ż-żgħira tagħhom titlob qabel torqod

Għix fi qbil mat-talba mudell—L-1 parti

“Ħa jitqaddes ismek.”—MATTEW 6:9.

X’TIFTAKAR?

  • X’nitgħallmu mill-​kelma “Missierna”?

  • Għala għandna nitolbu biex isem Alla jitqaddes?

  • Huwa biżżejjed li nitolbu biex issir ir-​rieda t’Alla fuq l-​art? Spjega.

1. Meta nkunu qed nippritkaw, kif nistgħu nużaw it-​talba taʼ Ġesù li nsibu f’​Mattew 6:9-​13?

ĦAFNA nies jafu l-​kliem tat-​talba li tinsab f’​Mattew 6:9-​13. Meta nippritkaw, nużaw il-​kliem taʼ din it-​talba biex ngħallmu lin-​nies li s-​Saltna hi gvern reali mingħand Alla li se jbiddel l-​art f’ġenna. Apparti minn hekk, nużaw il-​kliem “ħa jitqaddes ismek” biex nuru li Alla għandu isem u li għandna nittrattaw l-​isem bħala li hu qaddis.—Mattew 6:9.

2. Kif nafu li Ġesù ma ridniex nirripetu l-​istess kliem kull darba li nitolbu?

2 Riedna Ġesù nirripetu l-​kliem li uża kull darba li nitolbu, bħalma ħafna jagħmlu? Le. Ġesù kien qal: “Meta titlob, toqgħodx tirripeti l-​istess ħaġa.” (Mattew 6:7) Darb’oħra, meta kien qed jgħallem lid-​dixxipli tiegħu kif jitolbu, irripeta t-​talba imma ma qalhiex kelma b’kelma. (Luqa 11:1-​4) Allura Ġesù kien qed jagħtina talba mudell biex jgħallimna għal liema affarijiet għandna nitolbu.

3. Liema mistoqsijiet tistaʼ ssaqsi lilek innifsek hekk kif tistudja t-​talba mudell?

3 F’dan l-​artiklu u f’li jmiss, se nistudjaw bir-​reqqa t-​talba mudell. Hekk kif nagħmlu dan, saqsi lilek innifsek, ‘Din it-​talba kif tistaʼ tgħinni ntejjeb it-​talb?’ U iktar importanti minn hekk, ‘Qed ngħix fi qbil mat-​talba mudell?’

“MISSIERNA FIS-​SMEWWIET”

4. Il-​kelma “Missierna” xi tfakkarna, u Ġeħova kif inhu Missierna?

4 Ġesù beda t-​talba billi qal, “Missierna.” Dan ifakkarna li Ġeħova hu Missier għal ħutna kollha, irġiel u nisa, madwar id-​dinja. (1 Pietru 2:17) Dawk li huma magħżulin minn Ġeħova biex jgħixu fis-​sema ġew adottati bħala wliedu, u allura hu Missierhom f’sens speċjali. (Rumani 8:15-​17) Anki dawk li se jgħixu għal dejjem fuq l-​art jistgħu jsejħulu ‘Missier.’ Ġeħova jagħtihom il-​ħajja u bi mħabba jipprovdilhom il-​bżonnijiet tagħhom. Huma se jissejħu “wlied Alla” wara li jsiru perfetti u jibqgħu leali lejn Ġeħova fit-​test finali.—Rumani 8:21; Rivelazzjoni 20:7, 8.

5, 6. X’inhu l-​aqwa rigal li l-​ġenituri jistgħu jagħtu lil uliedhom, u kull tifel jew tifla x’għandha tagħmel b’dan ir-​rigal? (Ara l-​ewwel stampa.)

5 Il-​ġenituri jkunu qed jagħtu rigal lil uliedhom meta jgħinuhom jifhmu li Ġeħova hu Missierhom tas-​sema u meta jgħallmuhom biex jitolbu lilu. Indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet fl-​Afrika t’Isfel jgħid: “Minn mindu l-​bniet tagħna twieldu, kont nitlob magħhom kull lejl dment li kont inkun id-​dar. Il-​bniet tagħna spiss jgħidu li ma jiftakrux il-​kliem eżatt taʼ dak it-​talb. Madankollu, jiftakru l-​atmosfera, kemm kien sagru l-​fatt li jikkomunikaw maʼ Missierna, Ġeħova, u s-​sens taʼ kalmezza u sigurtà. Malli setgħu jitolbu waħedhom, inkuraġġejthom biex jitolbu b’leħen għoli ħalli nkun nistaʼ nismagħhom jesprimu l-​ħsibijiet u s-​sentimenti li għandhom maʼ Ġeħova. Din kienet opportunità mill-​aqwa biex ikolli idea taʼ x’hemm f’qalbhom. Imbagħad stajt ngħallimhom biex jinkludu affarijiet importanti li nsibu fit-​talba mudell biex it-​talba tagħhom tkun sinifikanti.”

6 Il-​bniet tiegħu baqgħu jersqu qrib taʼ Ġeħova anki meta kibru. Illum huma miżżewġin u qed jaqdu lil Ġeħova full-​time flimkien maʼ żwieġhom. L-​aqwa rigal li l-​ġenituri jistgħu jagħtu lil uliedhom hu li jgħallmuhom li Ġeħova hu Persuna reali u li jistgħu jkunu ħbieb tal-​qalb tiegħu. Imma kull tifel jew tifla għandha bżonn iżżomm din ir-​relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova.—Salm 5:11, 12; 91:14.

“ĦA JITQADDES ISMEK”

7. X’unur għandna, u għalhekk x’m’għandniex nagħmlu?

7 Aħna għandna l-​unur li nafu isem Alla u li aħna “poplu għal ismu.” (Atti 15:14; Isaija 43:10) Aħna nitolbu, “Ħa jitqaddes ismek.” Barra minn hekk, nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna ħalli ma nagħmlux jew ngħidu xi ħaġa li forsi tiddiżonorah. Ma rridux inkunu bħal xi wħud tal-​ewwel seklu li għallmu mod imma mbagħad għamlu mod ieħor. Pawlu kitbilhom: “L-​isem t’Alla qed jiġi mkasbar minħabba fikom fost il-​ġnus.”—Rumani 2:21-24.

8, 9. Agħti eżempju taʼ kif Ġeħova jgħin lil dawk li jridu jqaddsu lil ismu.

8 Aħna nagħmlu minn kollox biex nonoraw isem Ġeħova. Oħt min-​Norveġja li spiċċat trabbi lit-​tifel taʼ sentejn waħedha għax romlot tgħid: “Kien żmien diffiċli ħafna għalija. Tlabt kuljum, kważi kull siegħa, għas-​saħħa biex inżomm bilanċ emozzjonali ħalli ma nagħtix lil Satana raġuni biex joqgħod jgħajjar lil Ġeħova minħabba xi deċiżjoni mhux għaqlija min-​naħa tiegħi jew minħabba li ma nkunx leali. Ridt inqaddes isem Ġeħova, u ridt li ibni jerġaʼ jara lil missieru fil-​Ġenna tal-​art.”—Proverbji 27:11.

9 Ġeħova wiġbilha t-​talb tagħha? Iva. Minħabba li kienet tkun b’mod regulari maʼ ħutha rġiel u nisa, hi ġiet inkuraġġita. Ħames snin wara, iżżewġet anzjan. Binha, li issa għandu 20 sena, hu ħu mgħammed. Hi tgħid: “Ninsab kuntenta ħafna li żewġi għenni nrabbih.”

10. Alla kif se jqaddes lil ismu għalkollox?

10 Ġeħova se jqaddes ismu għalkollox meta jneħħi lil dawk kollha li jiddiżonorawh u jirrifjutawh bħala l-​Mexxej tagħhom. (Aqra Eżekjel 38:22, 23.) F’dak iż-​żmien, il-​bnedmin se jsiru perfetti, u kull min ikun fis-​sema u kull min ikun fuq l-​art se jqim lil Ġeħova u se jonora l-​isem qaddis tiegħu. Fl-​aħħar, Missierna kollu mħabba se “jkun kollox għal kulħadd.”—1 Korintin 15:28.

“ĦA TIĠI SALTNATEK”

11, 12. Fl-​1876, Ġeħova x’għen lill-​poplu tiegħu jifhem?

11 Qabel ma Ġesù mar lura s-​sema, id-​dixxipli saqsew: “Mulej, f’dan iż-​żmien se terġaʼ tistabbilixxi s-​saltna taʼ Israel?” Ġesù wiġibhom li kien għadu mhux iż-​żmien għalihom li jkunu jafu meta s-​Saltna t’Alla kienet se tibda tmexxi. Hu qal lid-​dixxipli tiegħu biex jiffokaw fuq ix-​xogħol importanti tal-​ippritkar. (Aqra Atti 1:6-​8.) Imma għallimhom ukoll biex jitolbu ħalli tiġi s-​Saltna t’Alla u biex iħarsu ’l quddiem għal dak iż-​żmien. Għalhekk għadna nitolbu biex tiġi s-​Saltna.

12 Meta kien wasal iż-​żmien għal Ġesù biex jibda jmexxi fis-​sema, Ġeħova għen lill-​poplu tiegħu jifhem f’liema sena kien se jseħħ dan. Fl-​1876, Charles Taze Russell kiteb l-​artiklu “Żminijiet il-​Ġentili: Meta jintemmu?” Hu spjega li s-​“sebaʼ żminijiet” tal-​profezija taʼ Danjel huma l-​istess bħaż-​“żminijiet stabbiliti tal-​ġnus” tal-​profezija taʼ Ġesù. L-​artiklu spjega li dawk iż-​żminijiet kellhom jispiċċaw fl-​1914.a (Ara n-​nota taʼ taħt.)—Danjel 4:16; Luqa 21:24.

13. X’ġara fl-​1914, u l-​ġrajjiet tad-​dinja minn dik is-​sena ’l hawn taʼ xiex jagħtu prova?

13 Fl-​1914, faqqgħet il-​gwerra fl-​Ewropa u wara ftit infirxet mad-​dinja kollha. Minħabba l-​gwerra, kien hemm ħafna ġuħ. U sa tmiem il-​gwerra, fl-​1918, influwenza qerrieda qatlet iktar nies mad-​dinja kollha milli qatlet il-​gwerra nfisha. Dawn l-​affarijiet kollha kienu parti mis-​“sinjal” li ta Ġesù. Dan is-​sinjal ta prova li Ġesù sar Sultan fis-​sema fl-​1914. (Mattew 24:3-​8; Luqa 21:10, 11) F’dik is-​sena, hu “ħareġ jirbaħ u jtemm ir-​rebħa tiegħu.” (Rivelazzjoni 6:2) Ġesù keċċa lil Satana u lid-​demonji tiegħu ’l barra mis-​sema u waddabhom ’l isfel lejn l-​art. Wara dan, il-​profezija bdiet isseħħ: “Gwaj għall-​art u għall-​baħar, għax ix-​Xitan niżel għandkom u għandu rabja kbira, għax jaf li żmien qasir baqagħlu.”—Rivelazzjoni 12:7-12.

14. (a) Għala għadna nitolbu biex tiġi s-​Saltna t’Alla? (b) Liema xogħol importanti għandna nagħmlu issa?

14 Dik il-​profezija taʼ Rivelazzjoni kapitlu 12 tgħinna nifhmu għala bdew iseħħu affarijiet terribbli fuq l-​art fiż-​żmien meta Ġesù sar Sultan tas-​Saltna t’Alla. Għalkemm Ġesù qed imexxi fis-​sema, Satana xorta għadu qed jaħkem fuq l-​art. Imma Ġesù dalwaqt se “jtemm ir-​rebħa tiegħu” billi jneħħi l-​ħażen kollu. Sadattant, aħna nkomplu nitolbu biex tiġi s-​Saltna t’Alla, u aħna nżommu ruħna okkupati f’li nippritkaw dwar dik is-​Saltna. Ix-​xogħol tagħna qed iwettaq il-​profezija taʼ Ġesù: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.”—Mattew 24:14.

“ĦA JKUN LI TRID INT . . . FUQ L-​ART”

15, 16. Huwa biżżejjed li nitolbu biex issir ir-​rieda t’Alla fuq l-​art? Spjega.

15 Madwar 6,000 sena ilu, kienet qed issir ir-​rieda t’Alla fuq l-​art. Huwa għalhekk li Ġeħova qal li kollox “kien tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:31) Imbagħad Satana rribella, u minn dak iż-​żmien ’il hawn, il-​maġġorparti tan-​nies m’għamlux ir-​rieda t’Alla. Imma llum hemm madwar tmien miljun ruħ li qed jaqdu lil Ġeħova. Huma mhux biss qed jitolbu biex issir ir-​rieda t’Alla fuq l-​art, imma wkoll qed jagħmlu ħilithom biex jgħixu fi qbil maʼ dik it-​talba. Huma jgħixu b’tali mod li jogħġob ’l Alla u b’żelu jgħallmu ’l oħrajn dwar is-​Saltna tiegħu.

1. Familja tipprepara preżentazzjoni għas-servizz tal-għalqa; 2. Il-missier jaħdem maʼ bintu fis-servizz tal-għalqa

Qed tgħallem lil uliedek jagħmlu r-rieda t’Alla? (Ara paragrafu 16)

16 Pereżempju, missjunarja fl-​Afrika li għandha 80 sena u li kienet tgħammdet fl-​1948, tgħid: “Spiss nitlob biex dawk kollha bħal nagħaġ jiġu kkuntattjati u megħjuna biex isiru jafu lil Ġeħova qabel ikun tard wisq. Apparti minn hekk, meta nkun se nagħti xhieda lil xi ħadd, nitlob għall-​għerf biex nilħaq il-​qalb taʼ dak li jkun. U rigward dawk li huma bħal nagħaġ u li diġà nstabu, jien nitlob li Ġeħova jbierek l-​isforzi tagħna biex nieħdu ħsiebhom.” Din l-​oħt imdaħħla fiż-​żmien għenet lil ħafna biex jitgħallmu dwar Ġeħova. Tistaʼ taħseb fi wħud imdaħħlin fiż-​żmien li b’żelu qed jagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova?—Aqra Filippin 2:17.

17. Kif tħossok dwar x’se jagħmel Ġeħova fil-​futur għan-​nies u għall-​art?

17 Sakemm Ġeħova jneħħi l-​għedewwa tiegħu mill-​art, aħna se nibqgħu nitolbu biex ir-​rieda tiegħu sseħħ. Imbagħad l-​art se ssir ġenna, u biljuni taʼ nies se jirxoxtaw. Ġesù qal li “ġejja s-​siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu.” (Ġwanni 5:28, 29) Immaġina kemm se nkunu ferħanin meta nilqgħu lura l-​maħbubin tagħna! Alla se ‘jixxottalna kull demgħa minn għajnejna.’ (Rivelazzjoni 21:4) Il-​maġġorparti taʼ dawk li se jirxoxtaw se jkunu minn “dawk li m’humiex sewwa,” jiġifieri dawk li qatt ma tgħallmu l-​verità dwar Ġeħova u Ġesù. Aħna se nieħdu pjaċir ngħallmuhom dwar ir-​rieda t’Alla ħalli jkunu jistgħu jkollhom “il-​ħajja taʼ dejjem.”—Atti 24:15; Ġwanni 17:3.

18. Il-​bnedmin x’għandhom bżonn l-​iktar?

18 Meta tiġi s-​Saltna t’Alla, se tqaddes ismu, u dawk kollha fl-​univers se jqimu lil Ġeħova flimkien. Iva, Alla se jagħti lill-​bnedmin l-​affarijiet li l-​iktar għandhom bżonn meta jwieġeb l-​ewwel tliet talbiet li nsibu fit-​talba mudell. Fl-​artiklu li jmiss, se niddiskutu bżonnijiet importanti oħra li Ġesù għallimna biex nitolbu għalihom.

a Sabiex titgħallem kif nafu li din il-​profezija seħħet fl-​1914, ara l-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?, paġni 215-​218.

XI ESPRESSJONIJIET SPJEGATI

  • Talba mudell: It-​talba li Ġesù uża biex jgħallimna kif għandna nitolbu. Hu ma ridniex nirripetu l-​kliem taʼ din it-​talb għal darba wara l-​oħra, imma għallimna għal liema affarijiet għandna nitolbu

  • Biex jitqaddes isem Alla: Biex nagħmlu kulma nistgħu ħalli nonoraw isem Ġeħova. Qatt ma rridu ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa li forsi ġġiegħel lin-​nies jgħidu affarijiet ħżiena dwaru. Ġeħova se jqaddes ismu għalkollox meta jneħħi lil dawk kollha li jiddiżonorawh u jirrifjutawh bħala l-​Mexxej tagħhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja