LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 9/15 pp. 29-31
  • Ħarsa Lejn it-Teżori taʼ Chester Beatty

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn it-Teżori taʼ Chester Beatty
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Kollezzjonijiet Ġabar?
  • Affaxxinat bil-​Kotba
  • Manuskritti Bibliċi Imprezzabbli
  • Kollezzjoni Imprezzabbli taʼ Manuskritti tal-​Papiru
  • Il-Bibbja baqgħet teżisti minkejja attentati biex jinbidel il-messaġġ tagħha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2016
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 9/15 pp. 29-31

Ħarsa Lejn it-​Teżori taʼ Chester Beatty

“MIMLIJA b’teżori taʼ bosta ċivilizzazzjonijiet li m’għadhomx jeżistu, . . . tlellex bis-​sbuħija taʼ pitturi kbar u żgħar.” Il-​Librerija Chester Beatty f’Dublin, l-​Irlanda, ġiet deskritta b’dan il-​mod minn R. J. Hayes, il-​kuratur li kien hemm qabel. Fil-​librerija hemm kollezzjoni vasta t’antikitajiet prezzjużi, xogħlijiet taʼ l-​arti mill-​isbaħ, u kotba u manuskritti rari tistaʼ tgħid imprezzabbli. Allura min kien Chester Beatty? U liema teżori ġabar?

Alfred Chester Beatty, imwieled fl-​1875 fi New York, l-​Istati Uniti, kellu dixxendenza Skoċċiża, Irlandiża, u Ingliża. Sakemm kellu 32 sena, hu kien għamel fortuna bħala inġinier u konsulent tal-​minjieri. Matul ħajtu kollha, hu uża l-​ġid konsiderevoli li kellu biex iġemmaʼ oġġetti taʼ sbuħija u taʼ kwalità għolja. Meta miet fl-​1968 fl-​età taʼ 92 sena, Beatty ħalla l-​kollezzjoni kollha tiegħu lill-​poplu taʼ l-​Irlanda.

X’Kollezzjonijiet Ġabar?

Il-​kollezzjonijiet taʼ Beatty huma kbar u differenti. Madwar 1 fil-​mija biss jitqiegħed għall-​wiri kull darba li ssir esibizzjoni. Hu ġabar oġġetti rari u prezzjużi minn ħafna perijodi u kulturi differenti li jkopru eluf taʼ snin—mill-​Ewropa taʼ żmien il-​Medju Evu u r-​Rinaxximent kif ukoll minn diversi pajjiżi Asjatiċi u Afrikani. Biex inġibu eżempju, il-​kollezzjoni tiegħu taʼ pitturi Ġappuniżi mill-​isbaħ, stampati permezz taʼ blokok taʼ injam minqux, hija meqjusa bħala waħda mill-​aqwa li hawn fid-​dinja.

Kollezzjoni li m’għandha x’taqsam xejn max-​xogħlijiet fini taʼ l-​arti hija dik taʼ iktar minn mitt tavla tat-​tafal Babiloniża u Sumirika b’kitba kunejformi antika. In-​nies li kienu jgħixu fil-​Mesopotamja iktar minn 4,000 sena ilu kienu jiktbu rakkonti dettaljati dwar ħajjithom fuq twavel friski tat-​tafal, u mbagħad jaħmuhom. Sal-​ġurnata taʼ llum għad baqaʼ ħafna minn dawn it-​twavel li jipprovdu evidenza ċara taʼ kemm hija antika l-​arti tal-​kitba.

Affaxxinat bil-​Kotba

Milli jidher, Chester Beatty kien affaxxinat ħafna bis-​sengħa artistika li kienet tintuża biex isiru kotba sbieħ. Hu ġabar eluf taʼ kotba sekulari u reliġjużi, inkluż xi kopji tal-​Koran b’tiżjin elaborat. Skond wieħed kittieb, hu kien “jissaħħar bis-​simetrija matematika tal-​kitba Għarbija, . . . u l-​apprezzament li kellu għall-​kuluri kien ikompli jitqanqal bil-​mod kif il-​kitba bl-​idejn kienet tiżżejjen b’folji rqaq taʼ deheb u fidda u minerali jleqqu oħra.”

Chester Beatty kien affaxxinat bil-​ġada, bħalma kienu wkoll xi wħud mill-​imperaturi taċ-​Ċina f’sekli iktar bikrin. Għalihom, il-​ġada fina kienet l-​iktar mineral prezzjuż, ħafna iktar mid-​deheb. Dawn il-​ħakkiema kienu jqabbdu nies taʼ sengħa kbira biex jittrasformaw blokok taʼ ġada f’folji lixxi u rqaq. Imbagħad, il-​pitturi kienu b’talent kbir jimlew dawn il-​paġni tal-​ġada b’kitba bl-​idejn u stampi mirquma u inċiżi bid-​deheb. Ir-​riżultat kien li ġew prodotti xi wħud mill-​iktar kotba taʼ l-​għaġeb li qatt saru. Dawn il-​kotba li ġabar Beatty huma magħrufin mad-​dinja kollha.

Manuskritti Bibliċi Imprezzabbli

Għal min iħobb il-​Bibbja, l-​akbar teżor taʼ Chester Beatty huwa l-​kollezzjoni vasta taʼ manuskritti Bibliċi antiki u medjevali. Il-​manuskritti mirquma b’kuluri ħajjin u sbieħ jirriflettu l-​paċenzja u l-​ħila artistika taʼ l-​iskribi li kkopjawhom bl-​idejn. Il-​kotba stampati juru l-​ħila u s-​sengħa taʼ l-​ewwel nies li llegaw u stampaw il-​kotba. Per eżempju, il-​Biblia Latina ġiet stampata f’Nuremberg fl-​1479 minn Anton Koberger, li kien jgħix madwar l-​istess żmien taʼ Johannes Gutenberg u huwa deskritt bħala “wieħed mill-​iktar stampaturi importanti u attivi tal-​bidu.”

Esibizzjoni straordinarja fil-​Librerija Chester Beatty hija manuskritt mill-​bidu tar-​rabaʼ seklu, miktub fuq parċmina fina minn Efrajm, studjuż Sirjan. Efrajm jikkwota ħafna minn xogħol tat-​tieni seklu msejjaħ id-​Diatessaron. F’dan ix-​xogħol, il-​kittieb Tazjanu ġabar l-​erbaʼ rakkonti taʼ l-​Evanġelji tal-​ħajja taʼ Ġesù Kristu f’rakkont unit. Iktar tard xi kittieba għamlu referenza għad-​Diatessaron, imma m’għadha teżisti l-​ebda kopja tiegħu. Xi studjużi tas-​seklu 19 saħansitra ddubitaw l-​eżistenza tiegħu. Madankollu, fl-​1956, Beatty skopra l-​kummentarju taʼ Efrajm fuq id-​Diatessaron taʼ Tazjanu—sejba li kompliet tipprovdi evidenza taʼ l-​awtentiċità u l-​verità tal-​Bibbja.

Kollezzjoni Imprezzabbli taʼ Manuskritti tal-​Papiru

Beatty ġabar ukoll għadd ġmielu taʼ manuskritti tal-​papiru, kemm reliġjużi u kemm sekulari. Iktar minn 50 manuskritt tal-​papiru jmorru lura sa qabel ir-​rabaʼ seklu E.K. Xi ftit minn dawn il-​papiri ġew salvati minn gzuz kbar taʼ papiri—bażikament miżbliet tal-​karti—li kienu ilhom għal sekli sħaħ mirdumin fid-​deżert Eġizzjan. Ħafna mid-​dokumenti tal-​papiru kienu mtertqin għall-​aħħar meta nbiegħu. Il-​bejjiegħa kienu jiġu b’kaxxi tal-​kartun mimlijin bċejjeċ tal-​papiru. “Min kien interessat li jixtrihom kien sempliċement idaħħal idu u jagħżel l-​akbar biċċa bl-​iktar kitba,” jgħid Charles Horton, kuratur tal-​Kollezzjonijiet tal-​Punent fil-​Librerija Chester Beatty.

“L-​iktar sejba sensazzjonali” taʼ Beatty, jgħid Horton, tikkonsisti f’manuskritti Bibliċi prezzjużi li “kienu jinkludu xi ftit mill-​iktar kopji bikrin li jafu bihom tat-​Testment il-​Qadim u l-​Ġdid Kristjani.” Il-​bejjiegħa li kienu jafu x’valur kellhom dawn il-​manuskritti kienu jagħmlu iktar qligħ li kieku qattgħuhom u bigħuhom f’partijiet separati lil xerrejja differenti. Madankollu, Beatty irnexxielu jixtri l-​biċċa l-​kbira minnhom. Imma kemm huma sinifikanti dawn il-​manuskritti? Sir Frederic Kenyon jiddeskrivi s-​sejba tagħhom bħala “l-​iktar waħda importanti” mindu Tischendorf skopra l-​Manuskritt Sinajtiku fl-​1844.

Dawn il-​manuskritti huma datati bejn it-​tieni u r-​rabaʼ seklu E.K. Fost il-​kotba taʼ l-​Iskrittura Ebrajka fil-​verżjoni tas-​Settanta Griega hemm żewġ kopji tal-​Ġenesi. Dawn huma taʼ valur speċjali, jgħid Kenyon, “għax il-​ktieb [tal-Ġenesi] huwa nieqes kważi kollu fil-​Vatikan u fis-​Sinajtiku,” manuskritti tar-​rabaʼ seklu miktubin fuq parċmina fina. Tliet manuskritti fihom kotba mill-​Iskrittura Griega Kristjana. Wieħed minnhom fih il-​biċċa l-​kbira mill-​erbaʼ Evanġelji u ħafna mill-​ktieb taʼ l-​Atti. It-​tieni manuskritt, b’xi paġni oħra li Beatty kiseb iktar tard, fih kopja kważi sħiħa taʼ l-​ittri taʼ l-​appostlu Pawlu, inkluż l-​ittra tiegħu lill-​Ebrej. It-​tielet manuskritt fih madwar terz tal-​ktieb taʼ l-​Apokalissi. Skond Kenyon, dawn il-​papiri “pprovdew evidenza materjali li saħħet il-​bażi—diġà qawwija ħafna—tal-​fiduċja tagħna fit-​test tat-​Testment il-​Ġdid kif nafuh illum.”

Il-papiri Bibliċi taʼ Chester Beatty juru li l-​Kristjani bdew minn kmieni ħafna jużaw il-​ktieb manuskritt, jew il-​ktieb bil-​paġni, minflok l-​iskroll li ma kienx prattiku. Dan x’aktarx ġara qabel it-​tmiem taʼ l-​ewwel seklu E.K. Il-​papiri juru wkoll li peress li ma kienx hemm abbundanza taʼ materjal għall-​kitba, dawk li kienu jikkopjaw kienu spiss jerġgħu jużaw folji qodma tal-​papiru. Per eżempju, manuskritt Koptiku taʼ parti mill-​Evanġelju taʼ Ġwanni huwa miktub “fuq speċi taʼ pitazz taʼ l-​iskola mimli somom Griegi.”

Dawn id-​dokumenti tal-​papiru m’għandhomx xi sbuħija speċjali mad-​daqqa t’għajn, imma huma imprezzabbli. Dawn jipprovdu konnessjoni viżibbli u konkreta mal-​bidunett tal-​Kristjanità. “Hawnhekk, quddiem għajnejk stess,” jgħid Charles Horton, “tistaʼ tara t-​tip taʼ kotba li kienu jintużaw minn xi wħud mill-​ewwel komunitajiet Kristjani—kotba li kienu jgħożżuhom.” (Proverbji 2:4, 5) Jekk ikollok l-​opportunità li tara xi ftit minn dawn it-​teżori fil-​Librerija Chester Beatty, m’intix se toħroġ diżappuntat.

[Stampa f’paġna 31]

Pittura Ġappuniża stampata bl-​injam minqux, minn Katsushika Hokusai

[Stampa f’paġna 31]

Il-​“Biblia Latina” kienet fost l-​ewwel kopji stampati tal-​Bibbja

[Stampa f’paġna 31]

Il-​kummentarju taʼ Efrajm fuq id-​“Diatessaron” taʼ Tazjanu jkompli jsaħħaħ l-​awtentiċità tal-​Bibbja

[Stampa f’paġna 31]

Chester Beatty P45, l-​eqdem ktieb manuskritt fid-​dinja, fih il-​biċċa l-​kbira mill-​erbaʼ Evanġelji u ħafna mill-​ktieb taʼ l-​Atti f’volum wieħed

[Sors tal-​Istampa f’paġna 29]

Reproduced by kind permission of The Trustees of the Chester Beatty Library, Dublin

[Sors tal-​Istampa f’paġna 31]

L-​istampi kollha: Reproduced by kind permission of The Trustees of the Chester Beatty Library, Dublin

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja