LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 10/1 pp. 20-23
  • Qiegħed Int Tistenna lil Jehovah b’Attitudni Xierqa?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Qiegħed Int Tistenna lil Jehovah b’Attitudni Xierqa?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Każ taʼ Stennija għal Raġuni Żbaljata
  • Għala Jehovah Hu Paċenzjuż
  • Nistennew bl-​Attitudni x-​Xierqa
  • Attivi Waqt li Nistennew
  • Il-​Paċenzja tal-​Mulej Tagħna Tfisser Salvazzjoni
  • Tgħallem Lezzjoni Dwar il-Ħniena
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Ġeħova kien paċenzjuż maʼ Ġona
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Ġona Jsir Jaf X’Inhi l-Ħniena taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Ipprova Ara lill-Oħrajn Kif Jarahom Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 10/1 pp. 20-23

Qiegħed Int Tistenna lil Jehovah b’Attitudni Xierqa?

FID-​DINJA taʼ llum, ma tantx issib nies li jieħdu gost joqogħdu jistennew lil xi ħadd jew xi ħaġa. Il-​biċċa l-​kbira jispiċċaw jitilfu l-​paċenzja. Madankollu, l-​Iskrittura tħeġġeġ lin-​nies t’Alla biex jikkultivaw l-​attitudni li jistennew. B’kuntrast man-​nies taʼ madwaru, il-​profeta Mikea ddikjara: “Jien . . . nistenna ’l Alla tas-​salvazzjoni tiegħi.”—Mikea 7:7; Lamentazzjonijiet 3:26.

Iżda, xi jfisser li nistennew lil Jehovah? Il-​Kristjan kif għandu jistenna lil Alla? Hemm xi modi xierqa u mhux xierqa kif nagħmlu dan? L-​esperjenza tal-​profeta Ġona li għex fid-​disaʼ seklu Q.E.K. tgħallimna lezzjoni fuq din il-​kwistjoni.

Każ taʼ Stennija għal Raġuni Żbaljata

Alla Jehovah qal lil Ġona biex imur jippriedka lin-​nies taʼ Ninwè, il-​belt kapitali taʼ l-​Imperu Assirjan. Ninwè kienet magħrufa bħala “belt id-​dmija” minħabba l-​ħruxija u l-​kefrija sfaċċata tagħha, fatt konfermat tajjeb mill-​kittieba taʼ l-​istorja u l-​arkeoloġi. (Naħum 3:1, Saydon) Għall-​ewwel, Ġona pprova jaħrab minn dan l-​inkarigu, imma Jehovah ħa ħsieb li eventwalment il-​profeta jmur Ninwè.—Ġona 1:3–3:2.

“Ġona, kif daħal il-​belt, beda ġurnata mixi, ixandar u jgħid: ‘Erbgħin jum ieħor, u Ninwè ssir ħerba!’” (Ġona 3:4) L-​isforzi taʼ Ġona qanqlu reazzjoni straordinarja: “In-​nies taʼ Ninwè emmnu f’Alla, nedew sawma u libsu x-​xkejjer, mill-​kbir saż-​żgħir.” (Ġona 3:5) Għaldaqstant, Jehovah, Alla li “ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-​indiema,” ħafirha lill-​belt.—2 Pietru 3:9.

X’kienet ir-​reazzjoni taʼ Ġona? Ir-​rakkont jgħid: “Iżda dan xejn li xejn m’għoġbu lil Ġona, u inkorla.” (Ġona 4:1) Għaliex? Forsi Ġona ħass li l-​fatt li ma seħħitx il-​qerda li ħabbar sa ċerta data ġagħlu jitlef ġieħu bħala profeta. Milli jidher iktar kien jinteressah mir-​reputazzjoni tiegħu milli tintwera ħniena m’oħrajn u s-​salvazzjoni tagħhom.

M’għandniex xi ngħidu, Ġona ma wasalx sal-​punt li jieqaf jaqdi bħala profeta. Minkejja dan, hu stenna biex “jara x’kien se jiġri mill-​belt.” Iva, l-​attitudni tiegħu kienet bħal dik taʼ wieħed li jissuppervja u joqgħod jistenna biex jara x’se jiġri. Meta induna li l-​affarijiet ma ġrawx bħalma kien mistenni, bena għarix, qagħad bil-​qiegħda fid-​dell u, b’nervi kbar fuqu, qagħad jistenna biex jara x’kien se jiġri. Iżda Jehovah m’approvahiex l-​attitudni taʼ Ġona, u għalhekk bi mħabba kkoreġa l-​ħsieb żbaljat tal-​profeta tiegħu.—Ġona 4:5, 9-11.

Għala Jehovah Hu Paċenzjuż

Għalkemm Ninwè nidmet u ħelsitha ħafif, iktar tard reġgħet lura għall-​prattiċi mill-​agħar tagħha. Permezz tal-​profeti Naħum u Sofonija, Jehovah bassar il-​qerda tagħha. Waqt li tkellem dwar “belt id-​dmija,” Jehovah iddikjara li kien se jeqred lill-​Assirja u jagħmel ħerba sħiħa minn Ninwè. (Naħum 3:1, Saydon; Sofonija 2:13) Fis-​sena 632 Q.E.K., Ninwè nqerdet darba għal dejjem.

Bl-istess mod, id-​dinja taʼ llum hi ħatja taʼ tixrid taʼ demm bl-​addoċċ u fuq skala ferm akbar minn dik taʼ Ninwè tal-​qedem. Din kienet waħda mir-​raġunijiet għala Jehovah qatagħha li din is-​sistema mill-​agħar tiġi fi tmiemha fi tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha.—Mattew 24:21, 22.

Madankollu, Jehovah żamm lura l-​qerda mwiegħda sabiex nies sinċieri llum, bħal dawk li nidmu f’Ninwè, ikunu jistgħu jindmu u jinħelsu. L-​appostlu Pietru jirreferi għall-​paċenzja t’Alla b’dan il-​kliem: “Mhux għax jiddawwar il-​Mulej li jtemm il-​wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-​indiema.”—2 Pietru 3:9, 10, 13.

Nistennew bl-​Attitudni x-​Xierqa

Pietru jkompli jgħid: “Ladarba hekk kollox għandu jintemm, araw daqsxejn kif għandkom [“tkunu f’dawk li huma atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla,” NW], waqt li tistennew b’ħerqa kbira l-​miġja tal-​Jum taʼ Alla.” (2 Pietru 3:11, 12) Innota li għandna nuru “atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla” waqt li nistennew jum Jehovah. Mela, hu xieraq li nkunu attivi u mhux inattivi.

Iva, billi jkollna attitudni tajba waqt li nistennew inkunu qed nuru li għandna fiduċja assoluta li jum Jehovah ġej eżatt meta qal hu. Fidi bħal din tipproduċi atti qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni, li fosthom jispikka l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Ġesù tana eżempju eċċellenti fl-​ippridkar, u lis-​segwaċi midlukin tiegħu tahom dawn l-​istruzzjonijiet: “Żommu ġenbejkom imħażżma u l-​imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-​festa tat-​tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. Henjin dawk il-​qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru!”—Luqa 12:35-37.

Fl-ewwel seklu, il-​qaddejja kienu ‘jħażżmu ġenbejhom’ billi jgħollu t-​truf taʼ l-​ilbiesi tagħhom taħt it-​terħa. B’dan il-​mod setgħu jagħmlu xogħol taʼ strapazz b’iktar faċilità. Għaldaqstant, il-​Kristjan għandu jkun mimli enerġija u żelu għal għemejjel tajbin. Għandu jiġġieled kwalunkwe tendenza li ‘jibred’ fl-​attività spiritwali, forsi billi juża l-​enerġija kollha tiegħu għall-​pjaċiri jew il-​ġiri materjali. Minflok, għandu ‘jħabrek fil-​ħidma tal-​Mulej’ waqt li jistenna l-​jum il-​kbir u tal-​biżaʼ taʼ Jehovah.—Rumani 12:11; 1 Korintin 15:58.

Attivi Waqt li Nistennew

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ikomplu jħabirku waqt li jistennew jum Jehovah. Per eżempju, matul is-​sena taʼ servizz 2003, huma qattgħu medja taʼ 3,383,000 siegħa kuljum jippridkaw il-​kelma taʼ Jehovah. Immaġina ftit, biex iwettaq dak li sar f’ġurnata waħda, individwu wieħed irid jagħmel 386 sena jippriedka bla waqfien!

Minkejja dan, nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, ‘Qiegħed jien nistenna lil Jehovah b’attitudni xierqa?’ Ġesù ta parabbola li tiddeskrivi l-​bżulija li hi mistennija mill-​Kristjani midlukin leali. Hu tkellem dwar tliet qaddejja: “Lil wieħed [is-sid] tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-​ħila tiegħu. U siefer. Dak li kien ħa l-​ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qalaʼ ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qalaʼ tnejn oħra. Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-​art u ħeba flus sidu. Wara ħafna, sid dawk il-​qaddejja raġaʼ lura u beda jagħmel il-​kontijiet magħhom.”—Mattew 25:15-19.

Kull wieħed mit-​tliet qaddejja stenna lis-​sid jiġi lura. Meta dan wasal, liż-​żewġ qaddejja, li baqgħu jħabirku waqt li qagħdu jistennew lil sidhom, intqalilhom: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil.” Iżda l-​qaddej li sakemm dam jistenna qagħad jitlef il-​ħin ġie trattat b’mod differenti. Qal is-​sid: “Lil dan il-​qaddej bla fejda itfgħuh ’il barra fid-​dlam.”—Mattew 25:20-30.

Għalkemm din il-​parabbola tapplika għall-​Kristjani midlukin, għandha tagħlima għalina lkoll, hi x’inhi t-​tama tagħna. Is-​Sid, Ġesù Kristu, jistenna li lkoll kemm aħna nħabirku fis-​servizz tiegħu waqt li nistennewh jiġi fil-​jum il-​kbir taʼ Jehovah. Hu japprezza x-​xogħol iebes li kull wieħed minna jagħmel “skond il-​ħila” u ċ-​ċirkustanzi tiegħu. Kemm se nkunu ferħanin meta sa fl-​aħħar ma jkollniex għalfejn nistennew iżjed u nisimgħu lis-​Sid jgħidilna “sewwa,” jew prosit!

Il-​Paċenzja tal-​Mulej Tagħna Tfisser Salvazzjoni

Xi ngħidu jekk din is-​sistema damet iktar milli konna naħsbu jew nittamaw? Dan ma kienx għalxejn. L-​appostlu Pietru kiteb: “Is-​sabar li bih il-​Mulej jeħodna qisuh bħala salvazzjoni tagħna.” (2 Pietru 3:15) Jekk ikollna għarfien eżatt dwar l-​iskop t’Alla u nirrikonoxxu umilment li m’aħniex importanti daqs it-​twettiq taʼ dan l-​iskop, nistgħu nibqgħu paċenzjużi għaż-​żmien kollu li Jehovah jara li hu xieraq li jdum jieħu paċenzja b’din is-​sistema qadima.

Sabiex iħeġġeġ lill-​Kristjani jkunu paċenzjużi, il-​kittieb tal-​Bibbja Ġakbu ta tixbiha. Hu kiteb: “Ara, il-​bidwi joqgħod b’sabar kbir jistenna l-​frott għażiż taʼ l-​art, sa ma jieħu x-​xita bikrija u mwaħħra. Stabru intom ukoll; qawwu qalbkom, għax il-​miġja tal-​Mulej hi fil-​qrib.”—Ġakbu 5:7, 8.

Alla Jehovah ma jridniex naqtgħu qalbna jew negħjew nistennewh. Hu għandu xogħol għalina x’nagħmlu u jieħu gost jekk, waqt li nistennew, nużaw il-​ħin tagħna biex inħabirku f’dan ix-​xogħol. Hu jridna nkunu fost dawk li l-​appostlu Pawlu jiddeskrivi fl-​ittra tiegħu lil-​Lhud: “Nixtieq li kull wieħed minnkom juri l-​istess ħerqa, biex it-​tama tagħkom tilħaq il-​milja tagħha sa l-​aħħar. Ma nixtiqukomx li taqgħu fl-​għażż, imma li tgħixu fuq l-​eżempju taʼ dawk li bil-​fidi u s-​sabar jiksbu l-​wegħdiet.”—Lhud 6:11, 12.

Għalhekk, ejja ma negħjewx. Minflok, jalla r-​relazzjoni persunali tagħna m’Alla Jehovah, il-​fidi tagħna fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa, u t-​tama sabiħa fis-​sistema l-​ġdida jkunu l-​forza li timlielna ħajjitna bl-​enerġija. Bħall-​qaddejja ‘tajbin u fidili’ tal-​parabbola taʼ Ġesù, jalla nuru li aħna jistħoqqilna li niġu mfaħħrin u premjati billi nibqgħu nħabirku biex infaħħru lil Alla, bħalma għamel is-​salmista li qal: “Imma jien nibqaʼ dejjem [“nistenna,” NW], u nkattar tifħirek kollu.”—Salm 71:14.

[Stampa f’paġna 21]

Diżappuntat, Ġona qagħad jistenna biex jara x’kien se jiġri minn Ninwè

[Stampi f’paġna 22]

Ejja nuru devozzjoni lejn Alla waqt li nistennew jum Jehovah

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja