LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 11/1 pp. 19-23
  • Ġieli Esperjenzajt l-Hena li Jiġi Meta Tagħti?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġieli Esperjenzajt l-Hena li Jiġi Meta Tagħti?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għotjiet biex Jiġi Appoġġat ix-​Xogħol taʼ Ġeħova
  • L-​Għoti Kristjan Illum
  • Is-​Swali tas-​Saltna Jinkuraġġixxu ż-​Żjieda
  • Nagħtu bil-​Ferħ
  • Nibnu Lkoll Magħqudin biex Infaħħru lil Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Naqdu lil Alla b’“Qalb u Ruħ Waħda”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Għoti bil-Ferħ mill-Qalb
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Issib Int Ferħ fil-‘Privileġġ li Tagħti b’Qalb Tajba’?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 11/1 pp. 19-23

Ġieli Esperjenzajt l-​Hena li Jiġi Meta Tagħti?

KIENET qattgħet kważi 50 sena f’servizz Kristjan attiv. Għalkemm l-​effetti tax-​xjuħija kienu dgħajfuha fiżikament, kienet determinata li żżur is-​Sala tas-​Saltna li kienet għadha kemm inbniet. Bl-​għajnuna taʼ ħu Kristjan li offrielha biex isserraħ maʼ driegħu, hi daħlet fis-​sala u bil-​mod il-​mod baqgħet sejra dritt lejn dak li kellha f’moħħha—il-​kaxxa għall-​kontribuzzjonijiet. Fiha tefgħet l-​ammont raġunevoli taʼ flus li kienet faddlet għal din is-​Sala tas-​Saltna ġdida. Minkejja li ma setgħetx tagħti daqqa t’id fil-​bini, hi xorta waħda riedet tgħin.

Forsi din il-​mara Kristjana tfakkrek f’mara leali oħra—“l-​armla fqira” li Ġesù qagħad josserva meta din tefgħet żewġ muniti żgħar fit-​teżor tat-​tempju. Xejn ma jingħad dwar iċ-​ċirkustanzi tagħha, imma f’dak iż-​żmien, il-​mara li tkun tilfet lil żewġha setgħet tispiċċa f’sitwazzjoni finanzjarja diffiċli. Żgur li Ġesù ħass ħafna għaliha, għax hu fehem tajjeb l-​istat imwiegħer li kienet tinsab fih. Filwaqt li użaha bħala eżempju għad-​dixxipli tiegħu, hu qal li l-​għotja żgħira tagħha kienet tirrappreżenta “kulma kellha, l-​għajxien kollu tagħha.”—Marku 12:41-44.

Għalfejn mara fil-​bżonn bħal din l-​armla fqira għamlet sagrifiċċju bħal dan? Bla dubju, kien minħabba d-​devozzjoni profonda li kellha lejn Alla Ġeħova, li l-​qima tiegħu kienet ċentrata fit-​tempju f’Ġerusalemm. Għalkemm kienet limitata f’dak li setgħet tagħmel, hi riedet tippromwovi s-​servizz sagru. U min jaf kemm ħassitha verament ferħana meta tat dak kollu li setgħet!

Għotjiet biex Jiġi Appoġġat ix-​Xogħol taʼ Ġeħova

Il-​kontribuzzjonijiet materjali u finanzjarji dejjem kienu importanti fil-​qima pura, u dejjem kienu sors taʼ ferħ kbir. (1 Kronaki 29:9) F’Iżrael tal-​qedem, il-​kontribuzzjonijiet ma kinux jintużaw biss biex isebbħu t-​tempju, imma dawn kienu jservu wkoll sabiex, minn jum għal jum, ikunu jistgħu jitwettqu l-​aspetti kollha tal-​qima taʼ Ġeħova marbutin mat-​tempju. Il-​Liġi speċifikat li wlied Iżrael kellhom jagħtu wieħed minn kull għaxra minn dak li jipproduċu, u b’hekk jappoġġaw il-​Leviti li kienu jwettqu s-​servizzi fit-​tempju. Imma anki l-​Leviti kellhom jagħtu lil Ġeħova l-​għexur minn dak li jirċievu.—Numri 18:21-29.

Avolja l-​Kristjani ġew meħlusin mill-​ħtiġijiet tal-​patt tal-​Liġi, il-​prinċipju li l-​qaddejja t’Alla jagħtu materjalment biex jappoġġaw il-​qima vera ma nbidilx. (Galatin 5:1) Iżjed minn hekk, għall-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu kienet xi ħaġa taʼ ferħ li jikkontribwixxu biex jgħinu ’l ħuthom fil-​bżonnijiet tagħhom. (Atti 2:45, 46) L-​appostlu Pawlu fakkar lill-​Kristjani li bħalma Alla kien ġeneruż magħhom u pprovdielhom affarijiet tajbin, huma għandhom bl-​istess mod ikunu ġenerużi maʼ ħaddieħor. Hu kiteb: “Ordna lill-​għonja f’din is-​sistema biex ma jitkabbrux, u ma jqegħdux it-​tama tagħhom f’rikkezzi li ma tistax torbot fuqhom imma f’Alla, li jagħtina kollox b’mod għani għat-​tgawdija tagħna; biex jagħmlu l-​ġid, ikunu għonja f’għemejjel tajbin, ikunu idhom miftuħa, lesti biex jaqsmu m’oħrajn u, bħala t-​teżor tagħhom, iqiegħdu fis-​sigurtà għalihom infushom pedament tajjeb għall-​futur, sabiex jaqbdu qabda soda mal-​ħajja vera.” (1 Timotju 6:17-19; 2 Korintin 9:11) Tabilħaqq, mill-​esperjenza persunali tiegħu, Pawlu setaʼ jikkonferma l-​kliem taʼ Ġesù: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.

L-​Għoti Kristjan Illum

Illum, il-​qaddejja taʼ Ġeħova jkomplu jużaw il-​ġid materjali tagħhom biex jgħinu lil xulxin u jappoġġaw ix-​xogħol t’Alla. Anki dawk li għandhom ftit materjalment jagħtu kemm jistgħu. “L-​ilsir leali u għaqli” jħossu responsabbli quddiem Ġeħova li juża bl-​aħjar mod possibbli l-​flus li jingħataw bħala kontribuzzjoni. (Mattew 24:45) Il-​flus jintużaw għax-​xogħol fl-​uffiċċji tal-​fergħa, għat-​traduzzjoni u l-​pubblikazzjoni taʼ Bibbji u letteratura Biblika, għall-​organizzar taʼ laqgħat Kristjani kbar, għat-​taħriġ taʼ l-​indokraturi li jivvjaġġaw u l-​missjunarji li mbagħad jintbagħtu fl-​inkarigi tagħhom, għall-​għoti t’għajnuna f’każ taʼ diżastru, kif ukoll għal ħafna skopijiet essenzjali oħra. Ejja niffokaw fuq wieħed minn dawn l-​iskopijiet—l-​għoti taʼ l-​għajnuna biex jinbnew postijiet għall-​qima.

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jiltaqgħu diversi drabi matul il-​ġimgħa fis-​Swali tas-​Saltna tagħhom biex jibbenefikaw mill-​edukazzjoni spiritwali u s-​sħubija li tibni. Madankollu, f’ħafna pajjiżi, is-​sitwazzjoni ekonomika tagħmilha diffiċli għax-​Xhieda tal-​post biex jibnu s-​Swali tas-​Saltna, jekk ma jingħatawx għajnuna finanzjarja biex jibdew. Għalhekk, fl-​1999, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova bdew arranġament biex jużaw il-​flus minn pajjiżi iżjed sinjuri biex jgħinu fil-​bini taʼ Swali tas-​Saltna f’pajjiżi iktar fqar. Barra minn hekk, kien hemm eluf taʼ volontieri li offrew il-​ħin u l-​abbiltajiet tagħhom u, taʼ spiss, huma kellhom jaħdmu f’partijiet imwarrbin f’dawn il-​pajjiżi. Meta jkun qed isir il-​bini, ix-​Xhieda tal-​post jitgħallmu s-​sengħa tal-​bini u tal-​manutenzjoni, u permezz tal-​Fond għas-​Swali tas-​Saltna jkun jistaʼ jinxtara t-​tagħmir u l-​materjal meħtieġ. Ix-​Xhieda li issa jużaw dawn is-​swali ġodda huma grati ferm li sħabhom fit-​twemmin ikkontribwew il-​ħin u l-​flus. Minn xahar għal xahar, ix-​Xhieda tal-​lokal jagħmlu l-​kontribuzzjonijiet tagħhom biex iżommu s-​Sala tas-​Saltna l-​ġdida f’kundizzjoni tajba u biex jgħinu fil-​ħlas taʼ l-​ispejjeż tal-​bini. B’dan il-​mod, jgħinu biex jinbnew iktar Swali tas-​Saltna.

Is-Swali tas-​Saltna jinbnew bil-​metodu u bil-​materjal tal-​post. Għalkemm m’humiex elaborati, huma swali sbieħ, prattiċi, u komdi. Meta beda l-​arranġament tal-​bini fl-​1999, fil-​lista kien hemm inkluż madwar 40 pajjiż b’riżorsi limitati. Minn dakinhar ’l hawn, l-​arranġament tal-​bini tkabbar biex jinkludi 116-il pajjiż bħal dawn, u jinvolvi iktar minn nofs il-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fid-​dinja. F’dawn l-​aħħar ħames snin, inbnew iktar minn 9,000 Sala tas-​Saltna bl-​għajnuna taʼ dan l-​arranġament, medja taʼ iktar minn 5 swali ġodda kuljum! Iżda, f’dawn il-​116-il pajjiż xorta waħda hemm il-​bżonn taʼ 14,500 Sala tas-​Saltna ġdida. Bil-​barka taʼ Ġeħova u bl-​ispirtu ġeneruż li x-​Xhieda madwar id-​dinja huma dejjem lesti li juru, nittamaw li jkun hemm biżżejjed flus biex jiġi sodisfat dan il-​bżonn.—Salm 127:1.

Is-​Swali tas-​Saltna Jinkuraġġixxu ż-​Żjieda

X’effett kellu dan l-​isforz enormi fuq ix-​Xhieda lokali u x-​xogħol taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna? F’ħafna lokalitajiet, wara li tinbena Sala tas-​Saltna ġdida jkun hemm żjieda drammatika fl-​attendenza għal-​laqgħat. Eżempju tipiku taʼ dan jidher ċar minn dan ir-​rapport mill-​Burundi: “Hekk kif titlesta s-​Sala tas-​Saltna, din timtela mill-​ewwel. Per eżempju, waħda mis-​Swali tas-​Saltna nbniet għal kongregazzjoni li kellha medja taʼ 100 ruħ jattendu għal-​laqgħat tagħha. Is-​Sala tas-​Saltna ġdida tagħhom tesaʼ tajjeb 150 persuna. Sakemm tlestiet, kien hemm 250 ruħ jattendu l-​laqgħat.”

Għala din iż-​żjieda? Raġuni waħda hi li l-​gruppi tal-​pubblikaturi tas-​Saltna li m’għandhomx post deċenti għal-​laqgħat ikollhom jiltaqgħu taħt xi siġra jew f’xi għalqa, u xi drabi dan iqajjem ħafna suspetti. F’pajjiż minnhom, il-​vjolenza etnika ġiet assoċjata maʼ gruppi reliġjużi żgħar bħal dawn, u l-​liġi tirrikjedi li l-​laqgħat reliġjużi kollha jinżammu f’post taʼ qima.

Billi jkollhom is-​swali tagħhom, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jistgħu juru lill-​komunità li huma m’humiex id-​dixxipli taʼ xi mexxej reliġjuż individwali. L-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Żimbabwe jikteb: “Fl-​imgħoddi, l-​aħwa f’dawn l-​inħawi kienu jiltaqgħu fi djar privati, u n-​nies tal-​post kienu jidentifikaw il-​kongregazzjoni mas-​sid tad-​dar li kienu jiltaqgħu fiha. Kienu jirreferu għall-​aħwa bħala li qegħdin fil-​knisja tat-​tali. Issa dan kollu qed jinbidel, għax in-​nies qed jaraw it-​tabelli li b’mod ċar jidentifikaw kull sala bħala s-​‘Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova.’”

Nagħtu bil-​Ferħ

“Alla jħobb lil min jagħti bil-​ferħ,” kiteb l-​appostlu Pawlu. (2 Korintin 9:7) M’għandniex xi ngħidu, donazzjonijiet kbar huma t’għajnuna kbira. Imma fil-​biċċa l-​kbira, il-​flus li jingħataw għax-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Ġeħova jiġu mill-​kaxxa għall-​kontribuzzjonijiet fis-​Sala tas-​Saltna. Żgħar jew kbar, il-​kontribuzzjonijiet kollha huma importanti u apprezzati. Ftakar li Ġesù qagħad fejn setaʼ jara l-​armla fqira titfaʼ ż-​żewġ muniti żgħar tagħha. L-​anġli u Ġeħova rawha wkoll. Aħna lanqas biss nafu x’kien jisimha, imma Ġeħova ħa ħsieb li l-​azzjoni mingħajr egoiżmu tagħha titniżżel fil-​Bibbja għal dejjem.

Minbarra l-​bini tas-​Swali tas-​Saltna, il-​kontribuzzjonijiet tagħna jappoġġaw l-​aspetti l-​oħra kollha tax-​xogħol vitali tas-​Saltna. Meta nikkooperaw b’dan il-​mod, ikollna għalxiex nifirħu u “nkunu għonja b’ħafna espressjonijiet taʼ radd il-​ħajr lil Alla.” (2 Korintin 9:12) Ħutna l-​Kristjani f’Benin jirrapportaw: “Kuljum isir ħafna talb mimli gratitudni lil Ġeħova biex nirringrazzjawh għall-​għajnuna finanzjarja li rċivejna mingħand il-​fratellanza internazzjonali.” Fl-​istess ħin, aħna lkoll li nappoġġaw ix-​xogħol tas-​Saltna finanzjarjament nesperjenzaw l-​hena li jiġi mill-​għoti Kristjan!

[Kaxxa/Stampa f’paġna 22, 23]

Modi Kif Xi Wħud Jagħżlu li Jagħtu

KONTRIBUZZJONIJIET GĦAX-​XOGĦOL MAD-​DINJA KOLLHA

Ħafna jwarrbu, jew ifaddlu, ammont li jitfgħuh fil-​kaxxi għall-​kontribuzzjonijiet immarkati “Kontribuzzjonijiet għax-​Xogħol mad-​Dinja Kollha—Mattew 24:14.”

Kull xahar, il-​kongregazzjonijiet jibagħtu dawn l-​ammonti lill-​uffiċċju tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li jaqdi f’pajjiżhom. Donazzjonijiet volontarji taʼ flus jistgħu jintbagħtu direttament lill-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania, c/o Office of the Secretary and Treasurer, 25 Columbia Heights, Brooklyn, New York 11201-2483, jew lill-​uffiċċju tal-​fergħa li jaqdi f’pajjiżek. Iċ-​ċekkijiet għandhom ikunu pagabbli lill-​“Watch Tower.” Ġojjelli jew affarijiet prezzjużi oħrajn jistgħu jingħataw bħala donazzjoni wkoll. Maʼ dawn il-​kontribuzzjonijiet għandha tintbagħat ittra qasira li tistqarr li din hija għotja għalkollox.

ARRANĠAMENT TAʼ DONAZZJONI KUNDIZZJONALI

Il-​flus jistgħu jitpoġġew b’fedekommess għall-​benefiċċju tal-​Watch Tower. Madankollu, jekk jiġu mitlubin, il-​flus jerġgħu jingħataw lura. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-​Uffiċċju tas-​Segretarju u t-​Teżorier fl-​indirizz li ngħata diġà.

IPPJANAR ĠENERUŻ

Minbarra l-​flus li jingħataw għalkollox bħala rigal, hemm metodi oħrajn kif wieħed jagħmel għotjiet li jkunu taʼ benefiċċju għas-​servizz tas-​Saltna mad-​dinja kollha. Dawn jinkludu:

Assigurazzjoni: Il-​Watch Tower tistaʼ tiġi intitolata bħala l-​benefiċjarja taʼ polza t’assigurazzjoni fuq il-​ħajja jew pjan taʼ rtirar mix-​xogħol u pensjoni.

Kontijiet fil-​Bank: Kontijiet fil-​bank, ċertifikati taʼ depożitu, jew kontijiet individwali taʼ rtirar mix-​xogħol jistgħu jingħataw b’fedekommess jew jintgħamlu pagabbli mal-​mewt lill-​Watch Tower, fi qbil mal-​ħtiġijiet lokali tal-​bank.

Ishma u Titoli: Jistgħu jingħataw ishma u titoli b’donazzjoni lill-​Watch Tower bħala għotja għalkollox.

Proprjetà Immobbli: Proprjetà immobbli li tistaʼ tinbiegħ tistaʼ tingħata jew bħala għotja għalkollox jew, fil-​każ taʼ proprjetà residenzjali, billi d-​donatur iżomm il-​proprjetà u jkompli jgħix fiha sakemm idum ħaj. Ikkuntattja lill-​uffiċċju tal-​fergħa f’pajjiżek qabel ma tagħmel kuntratt biex tagħti xi proprjetà immobbli.

Testmenti u Fedekommessi: Jistgħu jitħallew xi flus jew proprjetà lill-​Watch Tower permezz taʼ testment effettwat bil-​liġi, jew il-​Watch Tower tistaʼ tissejjaħ bħala l-​benefiċjarja taʼ ftehim fedekommess. Fedekommess li jkun taʼ benefiċċju għal organizzazzjoni reliġjuża jistaʼ jipprovdi ċerti vantaġġi mit-​taxxi.

Bħalma jimplika t-​terminu “ppjanar ġeneruż,” dawn it-​tipi taʼ donazzjonijiet jirrikjedu naturalment xi ppjanar min-​naħa tad-​donatur. Tħejja browxer bl-​Ingliż u bl-​Ispanjol intitolat Charitable Planning to Benefit Kingdom Service Worldwide biex jgħin lill-​individwi li jkunu jixtiequ jagħmlu xi forma taʼ ppjanar ġeneruż għall-​benefiċċju tax-​xogħol taʼ madwar id-​dinja tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Il-​browxer inkiteb sabiex jipprovdi informazzjoni rigward il-​modi differenti kif jistgħu jintgħamlu l-​għotjiet issa jew b’testment mal-​mewt. Wara li qraw il-​browxer u ħadu parir mingħand il-​konsulenti legali jew tat-​taxxi tagħhom, ħafna setgħu jgħinu biex jappoġġaw ix-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Ġeħova mad-​dinja kollha u fl-​istess ħin jieħdu l-​massimu mill-​benefiċċji marbutin mat-​taxxi talli għamlu dan. Dan il-​browxer jistaʼ jinkiseb billi wieħed jistaqsi għal kopja direttament miċ-​Charitable Planning Office.

Għal iktar informazzjoni, tistaʼ tikkuntattja liċ-​Charitable Planning Office, b’ittra jew bit-​telefon, fl-​indirizz t’hawn taħt jew taʼ l-​uffiċċju tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li jaqdi f’pajjiżek.

Charitable Planning Office

Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania

100 Watchtower Drive,

Patterson, New York 12563-​9204

Telefon: (845) 306-0707

[Stampi f’paġna 20 , 21]

Postijiet qodma u ġodda għal-​laqgħat tax-​Xhieda taʼ Ġeħova

Iz-​Zambja

Ir-​Repubblika Afrikana Ċentrali

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja