Infittxu l-‘Perla taʼ Valur Kbir’ Illum
“Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda.”—MATTEW 24:14.
1, 2. (a) Il-Lhud fi żmien Ġesù kif ħassewhom dwar is-Saltna t’Alla? (b) Ġesù x’għamel biex ifiehem sew x’inhi s-Saltna, u b’liema riżultati?
IS-SALTNA t’Alla kienet suġġett taʼ interess kbir fost il-Lhud meta Ġesù ġie fuq l-art. (Mattew 3:1, 2; 4:23-25; Ġwanni 1:49) Però, għall-ewwel, ħafna minnhom ma fehmux għalkollox il-kobor u l-qawwa tagħha; lanqas ma fehmu li kienet se tkun gvern fis-sema. (Ġwanni 3:1-5) Anki xi wħud li saru segwaċi taʼ Ġesù ma fehmux għalkollox x’inhi s-Saltna t’Alla jew xi jridu jagħmlu biex jirċievu l-barka li jkunu ħakkiema sħab maʼ Kristu.—Mattew 20:20-22; Luqa 19:11; Atti 1:6.
2 Hekk kif għadda ż-żmien, bil-paċenzja Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu ħafna lezzjonijiet, inkluż il-parabbola tal-perla taʼ valur kbir li kkunsidrajna fl-artiklu taʼ qabel, biex jurihom l-importanza taʼ li jistinkaw biex ifittxu s-Saltna tas-sema. (Mattew 6:33; 13:45, 46; Luqa 13:23, 24) Dan żgur li messilhom qalbhom profondament għaliex huma malajr saru proklamaturi żelużi u kuraġġużi taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna li marru sa truf l-art, u għal dan jixhed bil-kbir il-ktieb taʼ l-Atti.—Atti 1:8; Kolossin 1:23.
3. Meta kien qed jirreferi għal żmienna, Ġesù x’qal dwar is-Saltna?
3 Iżda xi ngħidu għal-lum? Il-barkiet taʼ ġenna taʼ l-art taħt il-ħakma tas-Saltna qed jitwasslu lil miljuni taʼ nies. Fil-profezija grandjuża tiegħu dwar “tmiem is-sistema,” Ġesù qal b’mod speċifiku: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:3, 14; Marku 13:10) Hu spjega wkoll li dan ix-xogħol kbir ferm irid isir minkejja l-ostakli u l-isfidi kbar, saħansitra minkejja l-persekuzzjoni. Madankollu, hu ta r-rassiguranza: “Min jissaporti sat-tmiem jiġi salvat.” (Mattew 24:9-13) Dan kollu jeħtieġ it-tip taʼ sagrifiċċju persunali u dedikazzjoni li wera l-merkant li jivvjaġġa fil-parabbola taʼ Ġesù. Hemm individwi llum li juru l-istess fidi u żelu sabiex ifittxu s-Saltna?
Il-Ferħ Meta Tinstab il-Verità
4. Il-verità tas-Saltna x’effett għandha fuq in-nies illum?
4 Il-merkant tal-parabbola taʼ Ġesù kien ferħan se jtir meta sab dik li qiesha bħala ‘perla taʼ valur kbir.’ Dan il-ferħ qanqlu biex jagħmel kulma jistaʼ ħalli jakkwista l-perla. (Ebrej 12:1) Illum, il-verità dwar Alla u s-Saltna tiegħu bl-istess mod tiġbed u tqanqal lin-nies. Dan ifakkarna fil-kumment taʼ Ħuna A. H. Macmillan, li kiteb dwar it-tfittxija persunali tiegħu għal Alla u l-iskop Tiegħu għall-bnedmin, fil-ktieb Faith on the March. Hu qal: “Dak li sibt jien, eluf taʼ nies għadhom qed isibuh kull sena. U dawn huma nies bħali u bħalek, għaliex jiġu min-nazzjonalitajiet, ir-razez, u l-isfondi kollha tal-ħajja u huma taʼ kull età. Il-verità ma tagħżilx bejn bniedem u ieħor. Tiġbed lil kull tip taʼ nies.”
5. Liema riżultati mill-aqwa nistgħu naraw mir-rapport għas-sena taʼ servizz 2004?
5 Kemm dan il-kliem hu minnu nistgħu narawh sena wara l-oħra mill-mijiet t’eluf taʼ wħud taʼ qalb onesta li jitqanqlu mill-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla biex jiddedikaw ħajjithom lil Ġeħova u jagħmlu r-rieda tiegħu. Is-sena taʼ servizz 2004, minn Settembru taʼ l-2003 s’Awissu taʼ l-2004, ma kinitx eċċezzjoni. F’dawk it-12-il xahar, 262,416-il ruħ issimbolizzaw pubblikament id-dedikazzjoni tagħhom lil Ġeħova permezz tal-magħmudija fl-ilma. Dan seħħ f’235 pajjiż, fejn ix-Xhieda taʼ Ġeħova kkonduċew 6,085,387 studju tal-Bibbja fid-djar kull ġimgħa sabiex jgħinu lin-nies minn kull sfond u minn ħafna ġnus, tribujiet, u lingwi jieħdu l-verità tal-Kelma t’Alla li tagħti l-ħajja.—Rivelazzjoni 7:9.
6. Għal liema raġuni jkompli jkun hemm żjieda tul is-snin?
6 Dan kollu kif kien possibbli? M’hemm ebda dubju li Ġeħova jiġbed lejh lil dawk li għandhom attitudni xierqa. (Ġwanni 6:65; Atti 13:48) Madankollu, m’għandniex inċekknu s-sagrifiċċju persunali u l-isforzi bla heda li għamlu dawk li ntefgħu b’ruħhom u ġisimhom biex ifittxu s-Saltna. Fl-età taʼ 79 sena, Ħuna Macmillan kiteb: “Minn mindu tgħallimt dwar il-wegħdi li hemm għall-umanità marida u li qed tmut, it-tama tiegħi f’dak li jikxef il-messaġġ Bibliku ma naqset bl-ebda mod. F’dak il-mument, iddeċidejt li nsir naf iktar dwar dak li tgħallem il-Bibbja ħalli nkun nistaʼ ngħin lil oħrajn li bħali qed ifittxu l-għarfien dwar Alla li Jistaʼ Kollox, Ġeħova, u l-iskopijiet tajbin tiegħu għall-umanità.”
7. Liema esperjenza turi t-tip taʼ ferħ u ħerqa li jkollhom dawk li jsibu l-verità tal-Bibbja?
7 L-istess ħerqa tidher ukoll fost il-qaddejja taʼ Ġeħova llum. Ejja, per eżempju, nieħdu l-każ taʼ Daniela minn Vjenna, fl-Awstrija. Hi qalet: “Minn ċkuniti, Alla kien l-akbar ħabib tiegħi. Dejjem ridt inkun naf x’jismu għaliex għalija ‘Alla’ kien titlu formali wisq. Imma kelli nistenna sakemm għalaqt is-17-il sena, meta x-Xhieda taʼ Ġeħova ġew għandi. Huma spjegawli dak kollu li ridt inkun naf dwar Alla. Fl-aħħar, kont sibt il-verità, u kienet xi ħaġa meraviljuża! Tant kont eċċitata li bdejt nippriedka lil kulħadd.” Sħabha taʼ l-iskola ma damux ma bdew iwaqqgħuha għaċ-ċajt minħabba l-entużjażmu tagħha. “Imma għalija, kien bħallikieku kont qed nara l-profezija tal-Bibbja sseħħ,” kompliet Daniela, “għaliex kont tgħallimt li Ġesù qal li s-segwaċi tiegħu kienu se jkunu mibgħudin u persegwitati minħabba ismu. Tassew kont ferħana u meraviljata.” Fi żmien qasir, Daniela ddedikat ħajjitha lil Ġeħova, tgħammdet, u bdiet tipprova tilħaq il-mira tas-servizz missjunarju. Wara li żżewġet, Daniela, flimkien maʼ żewġha, Helmut, marret tippriedka fost il-popolazzjonijiet Afrikani, Ċiniżi, Filippini, u Indjani ġo Vjenna. Daniela u Helmut issa qed jaqdu bħala missjunarji fil-lbiċ taʼ l-Afrika.
Ma Jaqtgħux Qalbhom
8. Liema hu mod premjanti li bih ħafna wrew l-imħabba li għandhom għal Alla u l-lealtà tagħhom lejn is-Saltna tiegħu?
8 Tabilħaqq, is-servizz missjunarju hu wieħed mill-modi kif in-nies taʼ Ġeħova llum juru l-imħabba li għandhom għal Alla u l-lealtà tagħhom lejn is-Saltna tiegħu. Bħall-merkant fil-parabbola taʼ Ġesù, dawk li jidħlu f’dan is-servizz huma lesti jivvjaġġaw f’postijiet ’il bogħod minħabba s-Saltna. M’għandniex xi ngħidu, dawn il-missjunarji m’humiex jivvjaġġaw biex isibu l-aħbar tajba tas-Saltna; huma qed jiħduha lin-nies li jgħixu fl-irkejjen imbiegħda taʼ l-art, u jgħallmuhom u jgħinuhom isiru dixxipli taʼ Ġesù Kristu. (Mattew 28:19, 20) F’ħafna artijiet, huma jkollhom jissaportu tbatija kbira. Imma s-sabar tagħhom hu premjat bil-kbir.
9, 10. Liema esperjenzi eċċitanti qed igawdu xi missjunarji f’postijiet imbiegħda bħar-Repubblika Afrikana Ċentrali?
9 Per eżempju, nistgħu nieħdu r-Repubblika Afrikana Ċentrali, fejn is-sena l-oħra l-attendenza għat-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu kienet taʼ 16,184 ruħ, xi sebaʼ darbiet iktar mill-għadd taʼ pubblikaturi tas-Saltna f’dak il-pajjiż. Peress li ħafna partijiet tal-pajjiż m’għandhomx elettriku, in-nies ġeneralment jagħmlu x-xogħol tagħhom taʼ kuljum fuq barra fid-dell taʼ xi siġra. Allura, hija xi ħaġa naturali għall-missjunarji li jagħmlu x-xogħol tagħhom bl-istess mod—jikkonduċu studji tal-Bibbja fid-dell taʼ xi siġra. Mhux biss ikun hemm iktar dawl u iktar frisk imma hemm ukoll vantaġġ ieħor. In-nies għandhom apprezzament profond għall-Bibbja, u d-diskussjonijiet dwar suġġetti reliġjużi huma komuni daqs kemm l-isports jew it-temp huma komuni fid-diskussjonijiet taʼ kulturi oħra. Spiss, min ikun għaddej jinnota xi jkun qed iseħħ u sempliċement jingħaqad fl-istudju.
10 Għalhekk, meta wieħed missjunarju kien qed jikkonduċi studju tal-Bibbja barra, żagħżugħ li kien jgħix in-naħa l-oħra taʼ l-istess triq resaq lejhom u qal li peress li ma mar ħadd għandu, il-missjunarju jmissu jżuru u jibda jistudja l-Bibbja miegħu wkoll. M’għandniex xi ngħidu, il-missjunarju aċċetta bil-ferħ, u ż-żagħżugħ qed jagħmel progress malajr. F’dan il-pajjiż, l-uffiċjali tal-pulizija spiss iwaqqfu lix-Xhieda fit-triq, mhux biex iwissuhom jew jagħtuhom multa, imma biex jitolbuhom l-aħħar ħarġiet tar-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! jew biex jirringrazzjawhom taʼ xi artiklu li jkunu ħadu pjaċir bih.
11. Minkejja l-provi, il-missjunarji li ilhom jaqdu għal żmien twil kif iħossuhom dwar is-servizz tagħhom?
11 Ħafna minn dawk li daħlu fis-servizz missjunarju xi 40 jew 50 sena ilu għadhom jaqdu lealment f’dan il-qasam. X’eżempju taʼ fidi u perseveranza għalina lkoll! F’dawn l-aħħar 42 sena, koppja miżżewġa qdew flimkien bħala missjunarji fi tliet pajjiżi differenti. Ir-raġel jgħid: “Kellna diffikultajiet. Per eżempju, kellna niġġieldu mal-malarja għal 35 sena. Però, qatt ma ddispjaċiena għad-deċiżjoni li ħadna biex inkunu missjunarji.” Martu tkompli: “Minn dejjem kellna ħafna għalxiex inkunu grati. Il-ministeru taʼ l-għalqa tant iġibilna ferħ, u huwa faċli li tibda studji tal-Bibbja. Meta tara lill-istudenti jiġu l-laqgħat u jsiru jafu lil xulxin, tkun qisek qed tara l-familja tinġabar flimkien kull darba.”
‘Iqisu Kollox Bħala Telf’
12. Kif jintwera l-apprezzament veru għall-valur tas-Saltna?
12 Meta l-merkant li jivvjaġġa sab perla taʼ valur kbir, “telaq u minnufih biegħ kulma kellu u xtraha.” (Mattew 13:46) Ix-xewqa li jħallu kollox warajhom għal xi ħaġa li hi taʼ valur hija karatteristika taʼ dawk li tassew japprezzaw il-valur tas-Saltna. Bħala wieħed li kien se jkollu sehem maʼ Kristu fil-glorja tas-Saltna, l-appostlu Pawlu qal: “Jien tabilħaqq inqis ukoll kollox bħala telf minħabba l-valur imprezzabbli taʼ l-għarfien dwar Kristu Ġesù l-Mulej tiegħi. Minħabba fih aċċettajt li nitlef l-affarijiet kollha u nqishom bħala qabda skart, sabiex nirbaħ lil Kristu.”—Filippin 3:8.
13. Individwu wieħed fir-Repubblika Ċeka kif wera l-imħabba tiegħu għas-Saltna?
13 Bl-istess mod, ħafna llum huma lesti li jagħmlu bidliet kbar f’ħajjithom sabiex jiksbu l-barkiet tas-Saltna. Per eżempju, f’Ottubru taʼ l-2003, is-surmast taʼ 60 sena fi skola fir-Repubblika Ċeka ltaqaʼ mal-ktieb bħala għajnuna għall-istudju tal-Bibbja Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Wara li qrah, hu mill-ewwel ikkuntattja lix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-inħawi tiegħu biex jaqbad studju tal-Bibbja. Għamel ħafna progress spiritwali u malajr beda jattendi l-laqgħat kollha. Imma xi ngħidu għall-pjanijiet tiegħu biex isir sindku u joħroġ għall-elezzjoni biex isir senatur? Hu għażel li jistinka għal karriera differenti—karriera li twassal għall-ħajja, biex ikun proklamatur tas-Saltna. Hu qal, “Irnexxieli nħalli ħafna letteratura Biblika maʼ l-istudenti tiegħi.” Hu ssimbolizza d-dedikazzjoni tiegħu lil Ġeħova permezz tal-magħmudija fl-ilma fil-konvenzjoni taʼ Lulju taʼ l-2004.
14. (a) L-aħbar tajba tas-Saltna x’qanqlithom jagħmlu lil miljuni taʼ nies? (b) Liema mistoqsijiet serji għandu kull wieħed minna jagħmel lilu nnifsu?
14 Miljuni oħrajn madwar id-dinja wieġbu għall-aħbar tajba tas-Saltna bl-istess mod. Huma ħarġu mid-dinja ħażina, neżgħu l-personalità l-qadima, telqu l-ħbieb li kellhom qabel, u ħallew warajhom il-miri dinjin li kellhom. (Ġwanni 15:19; Efesin 4:22-24; Ġakbu 4:4; 1 Ġwanni 2:15-17) Għala jagħmlu dan kollu? Għaliex jgħożżu l-barkiet tas-Saltna t’Alla iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra li din is-sistema tistaʼ toffri. Tħossok bħalhom int dwar l-aħbar tajba tas-Saltna? Tqanqlek din biex tagħmel il-bidliet neċessarji sabiex iġġib ħajtek, il-valuri, u l-miri tiegħek fi qbil maʼ dak li jeħtieġ Ġeħova? Jekk tagħmel hekk se jkollok barkiet kbar, issa u fil-futur.
Il-Ħsad Jilħaq il-Quċċata
15. X’ġie profetizzat li kellu jagħmel il-poplu t’Alla fl-aħħar jiem?
15 Is-salmista kiteb: “Il-poplu tiegħek minn rajh miegħek jingħaqad f’jum il-qawwa tiegħek.” Dawk li offrew ruħhom jinkludu ‘żgħażagħ bħan-nida’ u ‘ħafna nisa li jagħtu l-bxara’ bħal armata kbira. (Salm 68:12 [68:11, NW]; 110:3, Saydon) X’kien ir-riżultat tax-xogħol iebes u s-sagrifiċċju persunali li għamel il-poplu taʼ Ġeħova—irġiel u nisa, kbar u żgħar—f’dawn l-aħħar jiem?
16. Agħti eżempju taʼ kif il-qaddejja t’Alla qed jipprovaw jgħinu lil oħrajn biex jitgħallmu dwar is-Saltna.
16 Pijuniera, jew proklamatriċi tas-Saltna full-time, fl-Indja, bdiet taħseb dwar kif iż-żewġ miljun ruħ u fuqhom neqsin mis-smigħ f’pajjiżha jistgħu jiġu megħjunin jitgħallmu dwar is-Saltna. (Isaija 35:5) Hi ddeċidiet li tattendi skola f’Bangalore biex titgħallem il-lingwa tas-sinjali. Hemmhekk setgħet taqsam it-tama tas-Saltna maʼ ħafna wħud li huma neqsin mis-smigħ, u ġew ifformati gruppi taʼ l-istudju tal-Bibbja. Fi ftit ġimgħat, iktar minn tużżana minnhom bdew jiġu għal-laqgħat fis-Sala tas-Saltna. Iktar tard, f’riċeviment taʼ tieġ, il-pijuniera ltaqgħet maʼ żagħżugħ nieqes mis-smigħ minn Calcutta li kellu ħafna mistoqsijiet u li wera interess kbir biex ikun jaf iktar dwar Ġeħova. Però, kien hemm problema. Iż-żagħżugħ kellu jmur lura Calcutta, xi 1,600 kilometru ’l bogħod, biex jibda jattendi kulleġġ, u f’dan il-post ma kienx hemm Xhieda li jafu l-lingwa tas-sinjali. Bi sforz kbir, hu kkonvinċa lil missieru biex minflok iħallih imur l-iskola f’Bangalore ħalli jkompli l-istudju tiegħu tal-Bibbja. Hu għamel progress spiritwali kbir, u wara xi sena, iddedika ħajtu lil Ġeħova. Min-naħa tiegħu, hu studja l-Bibbja maʼ bosta individwi neqsin mis-smigħ, inkluż ħabib li kien ilu jafu minn tfulitu. L-uffiċċju tal-fergħa taʼ l-Indja issa qed jagħmel arranġamenti biex il-pijunieri jitgħallmu l-lingwa tas-sinjali ħalli jgħinu f’dan il-qasam.
17. Semmi x’sibt partikolarment taʼ inkuraġġiment fir-rapport tas-sena taʼ servizz 2004 f’paġni 19 sa 22.
17 F’paġni 19 sa 22 taʼ din ir-rivista, se ssib ir-rapport tas-sena taʼ servizz 2004 taʼ l-attività tax-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja. Ħu ftit tal-ħin biex teżaminah, u ara għalik innifsek l-evidenza li l-poplu taʼ Ġeħova madwar id-dinja jinsab iffokat sew fuq li jsib il-‘perla taʼ valur kbir’ illum.
“Ibqgħu Fittxu l-Ewwel is-Saltna”
18. Ġesù liema informazzjoni ma inkludiex fil-parabbola tal-merkant li jivvjaġġa, u għala?
18 Jekk nerġgħu nduru lejn il-parabbola taʼ Ġesù dwar il-merkant li jivvjaġġa, ninnotaw li Ġesù ma qalx kif il-merkant kien se jikseb l-għajxien tiegħu wara li jkun biegħ kulma kellu. B’mod realistiku, xi wħud għandhom mnejn jistaqsu: ‘Il-merkant kif kien se jsib x’jiekol, x’jilbes, u fejn joqgħod issa li ma kellu xejn fuqiex jistrieħ materjalment? X’kienet se tiswielu din il-perla prezzjuża?’ Dawn il-mistoqsijiet jidhru raġunevoli minn ħarsa fiżika. Imma mhux Ġesù kien li ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu: “Mela, ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna u s-sewwa tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha se jiżdidulkom”? (Mattew 6:31-33) Il-punt prinċipali tal-parabbola huwa l-bżonn li b’qalb sħiħa nuru devozzjoni lejn Alla u żelu għas-Saltna. Hemm xi tagħlima għalina f’dan?
19. Liema lezzjoni fundamentali nitgħallmu mill-parabbola taʼ Ġesù dwar il-perla taʼ valur kbir?
19 Kemm jekk għadna kif tgħallimna dwar l-aħbar tajba meraviljuża u kemm jekk ilna għexur taʼ snin infittxu s-Saltna u ngħidu lil oħrajn dwar il-barkiet tagħha, irridu nkomplu niffokaw l-interessi u l-attenzjoni tagħna fuq is-Saltna. Dawn huma żminijiet diffiċli, imma għandna raġunijiet sodi għalxiex nemmnu li dak li qed infittxu huwa reali u ma jistaʼ jitqabbel maʼ xejn—bħall-perla li sab il-merkant. Il-ġrajjiet dinjin u l-profeziji Bibliċi li twettqu jipprovdu prova konvinċenti li qed ngħixu fi “tmiem is-sistema.” (Mattew 24:3) Ejja mela, bħall-merkant li jivvjaġġa, nuru żelu b’qalb sħiħa għas-Saltna t’Alla u nifirħu bil-privileġġ li nipproklamaw l-aħbar tajba.—Salm 9:2, 3 (9:1, 2, NW).
Tiftakar Int?
• Tul is-snin, xi kkontribwixxa għaż-żjieda fost l-aduraturi veri?
• Liema spirtu nistgħu naraw fost dawk li jaqdu bħala missjunarji?
• Liema bidliet għamlu xi individwi minħabba l-aħbar tajba tas-Saltna?
• Liema tagħlima prezzjuża nistgħu nitgħallmu mill-parabbola taʼ Ġesù dwar il-perla taʼ valur kbir?
[Tabella f’paġna 19-22]
RAPPORT TAS-SENA TAʼSERVIzz 2004 TAX-XHIEDA TAʼĠEĦOVA MADWAR ID-DINJA
(Ara bound volume)
[Stampa f’paġna 14]
“Il-verità . . . tiġbed lil kull tip taʼ nies.”—A. H. Macmillan
[Stampa f’paġna 15]
Daniela u Helmut ippridkaw fil-qasam tal-lingwa barranija fi Vjenna
[Stampa f’paġna 16, 17]
Bħall-merkant li jivvjaġġa, il-missjunarji llum huma mberkin bil-kbir
[Stampa f’paġna 17]
“Il-poplu tiegħek minn rajh miegħek jingħaqad”