Ġeħova Dejjem Jagħmel is-Sewwa
“Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha.”—SALM 145:17.
1. Kif tirreaġixxi meta xi ħadd jasal għal konklużjoni żbaljata dwarek, u liema tagħlima nistgħu nitgħallmu minn esperjenza bħal din?
QATT xi ħadd wasal għal konklużjoni żbaljata dwarek, forsi billi ddubita l-azzjonijiet jew il-motivi tiegħek, mingħajr ma kellu l-fatti kollha? Jekk inhu hekk, x’aktarx li ħassejtek imweġġaʼ—u bir-raġun. Minn dan nistgħu nitgħallmu tagħlima importanti: Huwa għaqli li nevitaw li naqbdu u naslu għal konklużjoni meta ma nkunux nafu kollox.
2, 3. Xi wħud kif jirreaġixxu għar-rakkonti Bibliċi li ma fihomx biżżejjed dettalji biex iwieġbu kull mistoqsija, però l-Bibbja x’tgħidilna dwar Ġeħova?
2 Nagħmlu tajjeb jekk inżommu din it-tagħlima f’moħħna meta niġu biex nikkonkludu xi ħaġa dwar Alla Ġeħova. Dan għala? Għaliex hemm ċerti rakkonti Bibliċi li għall-ewwel jistgħu jfixkluna. Dawn ir-rakkonti—forsi dwar l-għemejjel taʼ xi wħud mill-aduraturi t’Alla jew il-ġudizzji li għamel Alla fil-passat—jistaʼ ma jkunx fihom biżżejjed dettalji biex iwieġbu l-mistoqsijiet kollha tagħna. B’dispjaċir, xi wħud jikkritikaw dawn ir-rakkonti, saħansitra jiddubitaw jekk Alla huwiex sewwa u ġust. Però, il-Bibbja tgħidilna li “ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha.” (Salm 145:17) Il-Kelma tiegħu tiżgurana wkoll li hu “qatt ma jaħdem id-dnewwa.” (Ġob 34:12; Salm 37:28) Immaġina, allura, kif iħossu meta l-oħrajn jaslu għal konklużjonijiet żbaljati dwaru!
3 Ejja nikkunsidraw ħames raġunijiet għala għandna naċċettaw il-ġudizzji taʼ Ġeħova. Imbagħad, b’dawn ir-raġunijiet f’moħħna, neżaminaw żewġ rakkonti Bibliċi li xi wħud jistgħu jsibuhom diffiċli biex jifhmuhom.
Għala Naċċettaw il-Ġudizzji taʼ Ġeħova?
4. Għala għandna nkunu modesti meta nikkunsidraw l-għemejjel t’Alla? Agħti eżempju.
4 L-ewwel, minħabba li Ġeħova jaf il-fatti kollha involuti u aħna ma nafuhomx, irridu nkunu modesti meta nikkunsidraw lgħemejjel t’Alla. Biex nagħtu eżempju: Immaġina li mħallef magħruf għad-deċiżjonijiet imparzjali li jieħu, jaqtaʼ sentenza f’każ il-qorti. X’kont se taħseb dwar xi ħadd li mingħajr ma jaf il-fatti kollha jew mingħajr ma jifhem sew il-liġijiet involuti jikkritika d-deċiżjoni taʼ l-imħallef? Tkun bluha li xi ħadd jiġġudika l-kwistjoni mingħajr ma jkun informat għalkollox dwarha. (Proverbji 18:13) Kemm iktar tkun bluha li sempliċi bnedmin jikkritikaw lill-“imħallef taʼ l-art kollha”!—Ġenesi 18:25.
5. X’m’għandniex ninsew meta naqraw rakkonti Bibliċi dwar il-ġudizzji li Alla esegwixxa fuq ċerti individwi?
5 It-tieni raġuni biex naċċettaw il-ġudizzji t’Alla hi li, kuntrarju għall-bnedmin, Alla jistaʼ jara l-qalb. (1 Samwel 16:7) Il-Kelma tiegħu tgħid: “Jien hu l-Mulej, li nifli l-qalb u ngħarbel il-ġewwieni, biex nagħti ’l kull wieħed skond imġibtu, skond ma jkun jistħoqq għemilu.” (Ġeremija 17:10) Għalhekk, meta naqraw ir-rakkonti Bibliċi dwar il-ġudizzji t’Alla fuq ċerti individwi, ejja ma ninsewx li għajnejh li jaraw kollox qiesu wkoll il-ħsibijiet, il-motivi, u l-intenzjonijiet moħbija li ma ġewx imniżżla fil-Kelma tiegħu.—1 Kronaki 28:9.
6, 7. (a) Ġeħova kif wera li jżomm il-livelli ġusti u sewwa tiegħu anki meta jiswielu ħafna personalment? (b) X’għandna niftakru jekk naqraw xi ħaġa fil-Bibbja li ġġagħalna nitħassbu dwar jekk Alla aġixxiex b’mod ġust jew sewwa?
6 Innota t-tielet raġuni għala għandna naċċettaw il-ġudizzji taʼ Ġeħova: Hu jżomm il-livelli ġusti tiegħu anki meta jiswielu ħafna personalment. Ikkunsidra eżempju. Meta lil Ibnu tah bħala fidwa biex jeħles lill-umanità ubbidjenti mid-dnub u l-mewt, Ġeħova ssodisfa l-livelli ġusti u sewwa tiegħu. (Rumani 5:18, 19) Però, meta ra lil Ibnu l-għażiż ibati u jmut fuq zokk tat-tortura żgur li Ġeħova ħass l-akbar uġigħ possibbli. Dan x’jgħidilna dwar Alla? Dwar “il-fidwa mħallsa minn Kristu Ġesù,” il-Bibbja tgħid: “Dan kien sabiex juri l-ġustizzja tiegħu [jiġifieri t’Alla].” (Rumani 3:24-26) Traduzzjoni oħra taʼ Rumani 3:25 tgħid: “Dan wera li Alla jagħmel dejjem dak li hu sewwa u ġust.” (New Century Version) Iva, dak li kien lest jagħmel Ġeħova sabiex jipprovdi l-fidwa juri li jagħti importanza kbira lil “dak li hu sewwa u ġust.”
7 Mela, allura, jekk naqraw xi ħaġa fil-Bibbja li ġġiegħel lil xi wħud jitħassbu dwar jekk Alla aġixxiex b’mod ġust jew sewwa, għandna dejjem niftakru dan: Minħabba l-lealtà tiegħu lejn il-livelli tiegħu tas-sewwa u l-ġustizzja, Ġeħova ma ħelishiex lil Ibnu stess milli jgħaddi minn mewta taʼ wġigħ. Kien hu se jagħmel kompromess f’dawn il-livelli fi kwistjonijiet oħra? Il-verità hi li Ġeħova qatt ma jikser il-livelli sewwa u ġusti tiegħu. Għalhekk, għandna ħafna għalxiex inkunu konvinti li hu dejjem jagħmel dak li hu sewwa u ġust.—Ġob 37:23.
8. Għala ma jkunx konsistenti li l-bnedmin jimmaġinaw li l-ġustizzja u s-sewwa jistgħu b’xi mod ikunu neqsin f’Ġeħova?
8 Ikkunsidra r-rabaʼ raġuni għala għandna naċċettaw il-ġudizzji taʼ Ġeħova: Ġeħova ħalaq il-bniedem fuq xbieha Tiegħu. (Ġenesi 1:27) Il-bnedmin għalhekk huma mżejna bi kwalitajiet bħal t’Alla, li jinkludu s-sens taʼ ġustizzja u sewwa. Ma jkunx konsistenti kieku s-sens tagħna taʼ ġustizzja u sewwa jġagħalna nimmaġinaw li dawn l-istess kwalitajiet jistgħu b’xi mod ikunu neqsin f’Ġeħova. Jekk nitfixklu minħabba xi rakkont partikulari fil-Bibbja, irridu niftakru li minħabba li writna d-dnub, is-sens tagħna taʼ dak li hu ġust u sewwa hu imperfett. Alla Ġeħova, li aħna magħmulin fuq xbieha tiegħu, hu perfett fil-ġustizzja u s-sewwa. (Dewteronomju 32:4) Ma jagħmilx sens li saħansitra nimmaġinaw li l-bnedmin jistgħu jkunu iktar ġusti u sewwa minn Alla!—Rumani 3:4, 5; 9:14.
9, 10. Ġeħova għala m’huwiex obbligat jispjega jew jiġġustifika l-għemejjel tiegħu lill-bnedmin?
9 Il-ħames raġuni għala għandna naċċettaw il-ġudizzji taʼ Ġeħova hi li hu “l-Għoli fuq l-art kollha.” (Salm 83:19 [83:18, NW]) Bħala tali, hu m’huwiex obbligat jispjega jew jiġġustifika l-għemejjel tiegħu lill-bnedmin. Hu l-Fuħħari l-Kbir, u aħna bħal tafal li ġie fformat f’reċipjenti, sabiex hu jaġixxi magħna kif jogħġbu. (Rumani 9:19-21) Aħna min aħna—il-fuħħar f’idejh—biex niddubitaw id-deċiżjonijiet jew l-għemejjel tiegħu? Meta l-patrijarka Ġob fehem ħażin il-mod kif Alla jittratta lill-bnedmin, Ġeħova kkoreġieh, u staqsieh: “Trid int twaqqaʼ s-sentenza tiegħi, tagħti tort lili biex tieħu raġun int?” Peress li rrealizza li tkellem mingħajr ma fehem, Ġob iktar tard nidem. (Ġob 40:8; 42:6) Jalla qatt ma nagħmlu l-iżball li nsibu xi difett f’Alla!
10 Jidher ċar li għandna raġunijiet validi biex nemmnu li Ġeħova dejjem jagħmel dak li hu sewwa. B’din il-bażi biex nifhmu l-modi taʼ Ġeħova, ejja neżaminaw żewġ rakkonti Bibliċi li xi wħud jistgħu jitħawdu dwarhom. L-ewwel wieħed jinvolvi l-għemil taʼ wieħed mill-aduraturi t’Alla, u l-ieħor, l-esekuzzjoni taʼ ġudizzju minn Alla nnifsu.
Lot Għala Offra lil Uliedu l-Bniet lil Ġemgħa Rrabjata?
11, 12. (a) Irrakkonta x’ġara meta Alla bagħat żewġ anġli materjalizzati f’Sodoma. (b) Dan ir-rakkont qajjem liema mistoqsijiet f’moħħ xi wħud?
11 F’Ġenesi kapitlu 19, insibu r-rakkont taʼ dak li ġara meta Alla bagħat żewġ anġli materjalizzati f’Sodoma. Lot insista li l-viżitaturi joqogħdu għandu. Però, dak il-lejl, ġemgħa rġiel mill-belt daret mad-dar u ordnatlu joħorġilha lill-viżitaturi għal skopijiet immorali. Lot ipprova jirraġuna mal-ġemgħa, imma kien kollu għalxejn. Peress li pprova jipproteġi lill-mistidnin tiegħu, Lot qal: “Le ħuti, tagħmlux id-deni. Araw, jien għandi żewġt ibniet li għadu ma għarafhom ħadd, ħa noħroġhomlkom it-tnejn u għamlulhom kull ma jogħġobkom f’għajnejkom. Imma lil dawn l-irġiel la tagħmlulhom xejn, la darba daħlu għall-kenn tas-saqaf tiegħi.” Il-ġemgħa ma riditx tismaʼ u kważi faqgħet il-bieb. Fl-aħħar, l-anġli li kienu qed iżuruh laqtu lil dik il-folla li kienet f’dagħdigħa u għamewha.—Ġenesi 19:1-11.
12 Nistgħu nifhmu li dan ir-rakkont qajjem xi mistoqsijiet fl-imħuħ taʼ xi wħud. Huma jistaqsu: ‘Kif setaʼ Lot jipprova jipproteġi lill-mistidnin tiegħu billi joffri lil uliedu l-bniet lil ġemgħa immorali? M’aġixxiex ħażin, saħansitra kien beżżiegħ?’ Meta tqis dan ir-rakkont, Alla għala nebbaħ lil Pietru biex isejjaħ lil Lot “raġel sewwa”? Aġixxa Lot bl-approvazzjoni t’Alla? (2 Pietru 2:7, 8) Ejja nirraġunaw fuq din il-kwistjoni ħalli ma naslux għal konklużjoni żbaljata.
13, 14. (a) X’tajjeb li ninnotaw fir-rakkont tal-Bibbja dwar l-għemejjel taʼ Lot? (b) X’juri li Lot ma kienx beżżiegħ bil-mod kif aġixxa?
13 L-ewwelnett, irridu ninnotaw li minflok ma tapprova jew tikkundanna l-għemejjel taʼ Lot, il-Bibbja sempliċement tirrapporta dak li ġara. Ukoll, il-Bibbja ma tgħidilniex x’kien qed jaħseb Lot jew x’qanqlu jaġixxi kif għamel. La jiġi lura fl-“irxoxt . . . tan-nies sewwa,” forsi jkun jistaʼ jagħtina d-dettalji.—Atti 24:15.
14 Lot żgur li ma kienx beżżiegħ. Hu sab ruħu f’sitwazzjoni diffiċli. Billi qal li l-viżitaturi kienu “daħlu għall-kenn” tas-saqaf tiegħu, Lot indika li ħassu obbligat jagħtihom protezzjoni u rifuġju. Imma dan ma kienx se jkun faċli. L-istudjuż taʼ l-istorja Lhudi Ġużeppi Flavju qal li s-Sodomin kienu “inġusti mal-bnedmin, u bla biżaʼ minn Alla . . . Huma kienu jobogħdu l-barranin, u kienu jabbużaw lilhom infushom bi prattiċi Sodomitiċi.” Però, Lot ma nġibidx lura mill-ġemgħa mill-agħar. Minflok, ħareġ u rraġuna maʼ dawk l-irġiel irrabjati. Hu saħansitra “għalaq il-bieb warajh.”—Ġenesi 19:6.
15. Għala nistgħu ngħidu li Lot x’aktarx li aġixxa bil-fidi?
15 Xi wħud għandhom mnejn jistaqsu, ‘Xorta waħda, Lot għala offra lil uliedu lbniet lill-ġemgħa?’ Minflok ma nassumu li l-motivi tiegħu kienu ħżiena, għax ma nikkunsidrawx xi possibbiltajiet? L-ewwelnett, Lot x’aktarx li aġixxa bil-fidi. Dan kif? Żgur li Lot kien jaf kif Ġeħova pproteġa lil Sara, mart Abraham, iz-ziju taʼ Lot. Ftakar li minħabba li Sara kienet tassew sabiħa, Abraham talabha tidentifikah bħala ħuha, li ma jmorrux l-oħrajn joqtluh sabiex jiħduha.a Imbagħad, Sara ttieħdet fid-dar tal-Fargħun. Però, Ġeħova interviena u ma ħalliex lill-Fargħun ikasbar lil Sara. (Ġenesi 12:11-20) Jistaʼ jkun li Lot kellu l-fidi li wliedu l-bniet setgħu jiġu protetti bl-istess mod. B’mod sinifikanti, Ġeħova veru interviena permezz taʼ l-anġli tiegħu, u t-tfajliet inħelsu mill-periklu.
16, 17. (a) B’liema mod setaʼ Lot kien qed jipprova jaħsad jew iħawwad lill-irġiel taʼ Sodoma? (b) Kien x’kien l-irraġunar taʼ Lot, minn xiex nistgħu nkunu ċerti?
16 Ikkunsidra possibbiltà oħra. Lot jistaʼ jkun li kien qed jipprova jaħsad jew iħawwad lill-irġiel. Hu setaʼ ħaseb li l-ġemgħa ma kinitx se tixxennaq għal uliedu minħabba x-xewqat omosesswali tas-Sodomin. (Ġuda 7) Barra minn hekk, it-tfajliet kienu għarajjes lil żewġt irġiel minn dik il-belt, u allura l-qraba, il-ħbieb, jew uħud imseħbin fin-negozju maʼ l-għarajjes taʼ wliedu setgħu kienu fost il-ġemgħa. (Ġenesi 19:14) Lot setaʼ kien qed jittama li minħabba dawn il-kuntatti, xi rġiel mill-ġemgħa kienu se jitkellmu biex jaqbżu għal uliedu. Ġemgħa maqsuma b’dan il-mod ma kinitx se tkun daqshekk perikoluża.b
17 Kienu x’kienu l-irraġunar u l-motivi taʼ Lot, nistgħu nkunu ċerti minn dan: Ladarba Ġeħova dejjem jagħmel dak li hu sewwa, żgur li kellu raġunijiet validi għalxiex iħares lejn Lot bħala “raġel sewwa.” U meta niġġudikaw l-għemejjel tal-ġemgħa tas-Sodomin li kienet f’dagħdigħa, jistaʼ jkollna xi dubju li Ġeħova kien ġustifikat għalkollox talli esegwixxa ġudizzju fuq l-abitanti taʼ dik il-belt mill-agħar?—Ġenesi 19:23-25.
Ġeħova Għala Laqat lil Għużża għall-Mewt?
18. (a) X’ġara meta David ipprova jġib l-Arka lejn Ġerusalemm? (b) Dan ir-rakkont liema mistoqsijiet iqajjem?
18 Rakkont ieħor li jistaʼ jħawwad lil xi wħud jinvolvi l-attentat taʼ David biex iġib l-arka tal-patt lejn Ġerusalemm. L-Arka tqiegħdet fuq karru, li kien qed jitmexxa minn Għużża u ħuh. Il-Bibbja tgħid: “Xħin waslu ħdejn il-qiegħa taʼ Nakon, il-gniedes tfixklu u Għużża medd idu lejn l-arka taʼ Alla biex iżommha. Il-Mulej għadab għal Għużża, u Alla laqtu hemm [“għall-għemil tiegħu nieqes mir-rispett,” NW] u baqaʼ mejjet tal-post ħdejn l-arka taʼ Alla.” Ftit xhur wara, it-tieni attentat irnexxa meta l-Arka ttieħdet bil-mod li ried Alla, billi nġarret fuq spallejn il-Leviti Keħatin. (2 Samwel 6:6, 7; Numri 4:15; 7:9; 1 Kronaki 15:1-14) Xi wħud jistgħu jistaqsu: ‘Ġeħova għala ħadha daqshekk bi kbira? Għużża kien sempliċement qed jipprova jsalva l-Arka.’ Biex ma naslux għal konklużjoni żbaljata, nagħmlu tajjeb jekk ninnotaw ċerti dettalji li jistgħu jgħinuna.
19. Għala hu impossibbli li Ġeħova jaġixxi b’mod inġust?
19 Irridu niftakru li m’huwiex possibbli għal Ġeħova li jaġixxi b’mod inġust. (Ġob 34:10) Biex hu jagħmel ħaġa bħal din irid ikun nieqes mill-imħabba, u aħna nafu mill-istudju tagħna tal-Bibbja in ġenerali li “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:8) Barra minn hekk, l-Iskrittura tgħidilna li “fuq id-dritt u l-ġustizzja mibni t-tron [t’Alla].” (Salm 89:15 [18:14, NW]) Mela, kif jistaʼ qatt Ġeħova jaġixxi b’mod inġust? Kieku kellu jagħmel hekk, hu jkun qed jiċħad il-bażi stess tas-sovranità tiegħu.
20. Għal liema raġunijiet Għużża kien imissu jaf bir-regolamenti dwar l-Arka?
20 Żomm f’moħħok li Għużża kien imissu jafha sew il-Liġi. L-Arka kienet assoċjata mal-preżenza taʼ Ġeħova. Il-Liġi kienet tispeċifika li ma kellhiex tintmess minn individwi mhux awtorizzati, u wissiet ċar u tond li min jikser il-liġi kien jiġi kastigat bil-mewt. (Numri 4:18-20; 7:89) Għalhekk, il-biċċa xogħol li tinġarr dik il-kaxxa sagra ma kellhiex tittieħed biċ-ċajt. Jidher ċar li Għużża kien Levita (għalkemm mhux qassis), u allura żgur li kien familjari mal-Liġi. Minbarra dan, xi snin qabel, l-Arka kienet ittieħdet f’dar missieru biex tiġi mħarsa. (1 Samwel 6:20–7:1) Damet hemm xi 70 sena, sakemm David għażel li jiħodha xi mkien ieħor. Allura, sa minn tfulitu, Għużża x’aktarx li kien jaf bil-liġijiet dwar l-Arka.
21. Fil-każ taʼ Għużża, għala hu importanti li niftakru li Ġeħova jara l-motiv tal-qalb?
21 Bħalma semmejna qabel, Ġeħova jistaʼ jara l-qlub. Peress li l-Kelma tiegħu ssejjaħ l-għemil taʼ Għużża bħala ‘għemil nieqes mir-rispett,’ Ġeħova setaʼ ra xi intenzjoni egoista li ma tissemmiex b’mod speċifiku f’dan ir-rakkont. Setaʼ Għużża kien raġel prużuntuż jew kburi, li kien lest jaqbeż il-limiti? (Proverbji 11:2) Setaʼ ħassu minfuħ bih innifsu minħabba li mexxa fil-pubbliku l-Arka li l-familja tiegħu kienet ħarsitha fil-privat? (Proverbji 8:13) Kien Għużża daqshekk nieqes mill-fidi li ħaseb li id Ġeħova ma kinitx kapaċi żżomm il-kaxxa sagra li kienet tissimbolizza l-preżenza tiegħu? Kien x’kien il-każ, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova għamel dak li kien sewwa. X’aktarx li Ġeħova ra xi ħaġa f’qalb Għużża li ġagħlitu jagħmel ġudizzju fuqu malajr.—Proverbji 21:2.
Bażi Soda għall-Fiduċja
22. Kif nistgħu naraw l-għerf taʼ Ġeħova mill-fatt li l-Kelma tiegħu kultant ma ddaħħalx ċerti dettalji?
22 L-għerf taʼ Ġeħova li ma jistaʼ jitqabbel maʼ xejn jidher fil-Kelma tiegħu minħabba li kultant ma ddaħħalx ċerti dettalji. Ġeħova b’dan il-mod jagħtina l-opportunità biex nuru kemm nafdaw fih. Minn dak li kkunsidrajna, m’huwiex ċar li għandna raġunijiet sodi biex naċċettaw il-ġudizzji taʼ Ġeħova? Iva, meta nistudjaw il-Kelma t’Alla b’qalb sinċiera u b’moħħ miftuħ, nitgħallmu iktar minn kemm hemm bżonn dwar Ġeħova biex inkunu konvinti li hu dejjem jagħmel dak li hu ġust u sewwa. Għalhekk, jekk xi rakkont Bibliku jqajjem mistoqsijiet li ma nistgħux insibu tweġibiet ċari għalihom mill-ewwel, ejja jkollna fiduċja sħiħa li Ġeħova għamel dak li hu sewwa.
23. Liema fiduċja jistaʼ jkollna dwar l-għemejjel li se jwettaq Ġeħova fil-futur?
23 Jistaʼ jkollna fiduċja simili dwar l-għemejjel taʼ Ġeħova fil-futur. Għalhekk, nistgħu nkunu ċerti li meta jiġi biex jesegwixxi ġudizzju fit-tribulazzjoni l-kbira li riesqa, hu m’huwiex se ‘jeqred it-tajjeb mal-ħażin.’ (Ġenesi 18:23) L-imħabba tiegħu għas-sewwa u l-ġustizzja qatt ma se tħallih jagħmel dan. Jistaʼ wkoll ikollna fiduċja sħiħa li fid-dinja l-ġdida li ġejja, hu se jissodisfa l-bżonnijiet kollha tagħna bl-aħjar mod possibbli.—Salm 145:16.
[Noti taʼ taħt]
a Abraham kellu għalxiex jibżaʼ, għaliex papiru antik jitkellem dwar Fargħun li ordna lil xi rġiel armati jaħtfu mara mill-isbaħ u joqtlu lil żewġha.
b Għal iktar osservazzjonijiet ara The Watchtower taʼ l-1 taʼ Diċembru, 1979, paġna 31.
Tiftakar Int?
• Għal liema raġuni għandna naċċettaw il-ġudizzji taʼ Ġeħova?
• X’jistaʼ jgħinna nevitaw li naslu għal konklużjoni żbaljata dwar il-fatt li Lot offra lil uliedu l-bniet lil ġemgħa rrabjata?
• X’jistaʼ jgħinna nifhmu għala Ġeħova laqat lil Għużża għall-mewt?
• Liema fiduċja jistaʼ jkollna dwar l-għemejjel li se jwettaq Ġeħova fil-futur?