LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 4/1 pp. 13-19
  • Ġenituri, Ipproteġu l-Wirt Prezzjuż Tagħkom

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġenituri, Ipproteġu l-Wirt Prezzjuż Tagħkom
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala l-​Għajnuna t’Alla Hija Meħtieġa Issa
  • L-​Għerf li Jiġi mit-​Tagħlim
  • Xewqa Mqanqla mill-​Imħabba
  • Riżultati li Jġibu l-​Ferħ
  • Edukazzjoni Vitali għal-​Lum
  • Jiswa li Tagħmel Kull Sforz
  • Ħarreġ lit-​Tfal Tiegħek mill-​Infanzja
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Kif Tipproteġi lil Uliedek
    Stenbaħ!—2008
  • X’Jeħtieġu t-Tfal Mingħand il-Ġenituri
    Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir
  • Uliedna —Wirt Prezzjuż
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 4/1 pp. 13-19

Ġenituri, Ipproteġu l-​Wirt Prezzjuż Tagħkom

“Fih kenn l-​għerf . . . Iħarreġ għall-​ħajja lil min għandu lilu.”—KOĦÈLET 7:​12.

1. Għala għandhom il-​ġenituri jqisu lil uliedhom bħala rigali?

IL-​ĠENITURI jġibu fid-​dinja persuna ħajja ġdida li għandha kemm mill-​karatteristiċi fiżiċi kif ukoll mill-​personalità tagħhom. Il-​Bibbja ssejjaħ lil uħud żgħar bħal dawn “wirt il-​Mulej.” (Salm 127:3) Ladarba hu d-​Donatur veru tal-​ħajja, Ġeħova qiegħed tassew jafda lill-​ġenituri b’dak li fl-​aħħar mill-​aħħar huwa tiegħu. (Salm 36:10 [36:​9, NW]) Ġenituri, kif tqisuh l-​għoti taʼ rigal daqshekk prezzjuż mingħand Alla?

2. Kif irreaġixxa Manuħa meta sar jaf li kien se jkollu iben?

2 Żgur li rigal bħal dan għandu jintlaqaʼ b’umiltà u apprezzament. Hekk għamel ir-​raġel Iżraeli Manuħa iżjed minn 3,000 sena ilu, meta anġlu qal lil martu li kien se jkollha tarbija. Hekk kif semaʼ bl-​aħbar tajba, Manuħa talab: “Iddew, ja Sidi, ħa jerġaʼ jiġi għandna r-​raġel taʼ Alla, li bgħattilna, u jurina x’għandna nagħmlu bit-​tifel li se jitweldilna.” (Mħallfin 13:8) Ġenituri, x’tistgħu titgħallmu mill-​eżempju taʼ Manuħa?

Għala l-​Għajnuna t’Alla Hija Meħtieġa Issa

3. Għala l-​għajnuna taʼ Ġeħova għat-​trobbija tat-​tfal hija speċjalment meħtieġa llum?

3 Issa iżjed minn qatt qabel, il-​ġenituri jeħtieġu l-​għajnuna taʼ Ġeħova biex irabbu lil uliedhom. Ir-​raġuni? Satana x-​Xitan u l-​anġli tiegħu twaddbu mis-​sema għal fuq l-​art. “Gwaj għall-​art u għall-​baħar,” twissi l-​Bibbja, “għax ix-​Xitan niżel għandkom u għandu rabja kbira, għax jaf li żmien qasir baqagħlu.” (Rivelazzjoni 12:​7-9, 12) Il-​Bibbja tispjega li Satana hu “bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” (1 Pietru 5:8) Is-​soltu l-​iljuni jaqbdu l-​iktar annimali bla difiża, l-​iżjed iż-​żgħar. B’mod għaqli, mela, il-​ġenituri Kristjani jieħdu l-​gwida taʼ Ġeħova biex jipproteġu ’l uliedhom. Kemm qed tħabirku biex tagħmlu hekk?

4. (a) Xi jkunu pronti jagħmlu l-​ġenituri malli jkunu jafu li hemm iljun iħuf fl-​inħawi tagħhom? (b) X’għandhom bżonn it-​tfal għall-​protezzjoni?

4 Kieku kontu tafu li kien hemm iljun iħuf fl-​inħawi tagħkom, żgur li l-​ewwel ma taħsbu hu biex tipproteġu ’l uliedkom. Satana hu bħal annimal tal-​priża. Hu jara kif se jikkorrompi lill-​poplu t’Alla, u b’hekk jagħmlu mhux denju taʼ l-​approvazzjoni t’Alla. (Ġob 2:​1-7; 1 Ġwanni 5:​19) It-​tfal huma priża faċli. Biex jeħilsu min-​nases tax-​Xitan, it-​tfal għandhom isiru jafu lil Ġeħova u jobduh. L-​għarfien mill-​Bibbja hu essenzjali. “Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan,” qal Ġesù, “li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Barra minn hekk, iż-​żgħar jeħtieġu l-​għerf​—l-​abbiltà li jifhmu u japplikaw dak li jitgħallmu. Ladarba ‘l-​għerf iħarreġ għall-​ħajja lil min għandu lilu,’ intom il-​ġenituri tridu ddaħħlu bil-​mod il-​mod il-​verità fil-​qlub taʼ wliedkom. (Koħèlet 7:​12) Kif tistgħu tagħmlu dan?

5. (a) Kif jistgħu l-​ġenituri jgħaddu l-​għerf lil uliedhom? (b) Il-​ktieb tal-​Proverbji kif jiddeskrivi l-​valur taʼ l-​għerf?

5 Intom tistgħu​—u għandkom​—taqraw lit-​tfal tagħkom mill-​Kelma t’Alla. Imma jirrikjedi iżjed minn hekk biex tgħinuhom iħobbu u jobdu lil Ġeħova​—hemm bżonn li, min-​naħa tagħhom, huma jifhmu. Biex inġibu eżempju: Tifel jistaʼ jintqallu biex iħares lejn kull naħa tat-​triq qabel jaqsam. Madankollu, xi tfal ma jobdux. Għala le? Il-​konsegwenzi taʼ li jittajjar minn karozza ma jkunux ġew spjegati spiss biżżejjed jew b’mod li t-​tifel ikun fehem għalkollox il-​periklu biex b’hekk jegħleb “il-​bluha” li twassal għal xi aċċident. Biex tgħaddulhom l-​għerf tagħkom hemm bżonn iż-​żmien, kif ukoll ħafna paċenzja. X’valur għandu l-​għerf! “Fihom għaxqa triqatu,” il-​Bibbja tgħid, “kollha sliem mogħdijietu; hu siġra tal-​ħajja għal min iħaddnu; hieni hu min iżomm sħiħ miegħu.”​—Proverbji 3:​13-​18; 22:15.

L-​Għerf li Jiġi mit-​Tagħlim

6. (a) Taʼ spiss it-​tfal għala jaġixxu mingħajr għaqal? (b) Liema gwerra tinsab għaddejja?

6 Taʼ spiss it-​tfal jaġixxu b’mod ħażin mhux għax ma jkunux ġew mgħallmin x’inhu tajjeb, imma għax it-​tagħlim ma jkunx laħqilhom qalbhom​—il-​persuna taʼ ġewwa. Ix-​Xitan qed jiġġieled biex jieħu fil-​kontroll tiegħu l-​qlub taʼ wħud żgħar. Il-​metodu tiegħu hu li jara li huma esposti għall-​influwenzi ħżiena tad-​dinja tiegħu. Hu jipprova wkoll jieħu vantaġġ egoistiku mill-​inklinazzjoni midinba li wirtu biex jagħmlu affarijiet ħżiena. (Ġenesi 8:​21; Salm 51:7 [51:​5, NW]) Il-​ġenituri jeħtieġ jirrikonoxxu li gwerra vera tinsab għaddejja biex jinkiseb kontroll fuq qalb uliedhom.

7. Għala mhux biżżejjed tgħid lit-​tfal x’inhu tajjeb jew x’inhu ħażin?

7 Il-​ġenituri ġeneralment jgħidu lit-​tfal x’inhu tajjeb jew ħażin, mingħalihom li jkunu għallmuhom ċertu prinċipju morali. Jistgħu jgħidu lit-​tfal li huwa ħażin li tigdeb, li tisraq, jew li jkollok relazzjonijiet sesswali maʼ xi ħadd li m’intix miżżewweġ miegħu. Madankollu, it-​tfal jeħtieġ li jkollhom motivazzjoni iżjed b’saħħitha biex jobdu milli għax sempliċement qalulhom il-​ġenituri tagħhom. Dawn huma l-​liġijiet taʼ Ġeħova. It-​tfal għandhom jitgħallmu li t-​triq għaqlija hi li jobdu l-​kmandamenti t’Alla.​—Proverbji 6:​16-​19; Ebrej 13:4.

8. Liema tip taʼ tagħlim jistaʼ jgħin lit-​tfal jaġixxu bl-​għaqal?

8 Il-​komplessità taʼ l-​univers, il-​varjetà taʼ laffarijiet ħajjin, il-​bidla fl-​istaġuni​—affarijiet bħal dawn jistgħu jgħinu tifel żgħir japprezza l-​eżistenza taʼ Ħallieq kollu għerf. (Rumani 1:​20; Ebrej 3:4) Ukoll, it-​tfal għandhom jiġu mgħallmin li Ġeħova jħobbhom u li għamel provvediment permezz tas-​sagrifiċċju taʼ Ibnu biex jagħtihom il-​ħajja taʼ dejjem u li huma jistgħu jferrħu lil Alla billi jobdu dak li jgħid hu. X’aktarx li mbagħad it-​tfal se jkunu jridu jaqdu lil Ġeħova, minkejja li x-​Xitan jipprova jwaqqafhom.​—Proverbji 22:6; 27:11; Ġwanni 3:​16.

9. (a) X’hemm bżonn li jsir biex it-​tagħlim ikun wieħed li jsalva l-​ħajjiet? (b) X’inhuma istruwiti jagħmlu l-​missirijiet, u x’jinvolvi dan?

9 It-​tip taʼ tagħlim li jipproteġi lit-​tfal u li jimmotivahom jagħmlu dak li hu tajjeb jeħtieġ il-​ħin, l-​attenzjoni, u l-​ippjanar. Jeħtieġ li l-​ġenituri jaċċettaw il-​gwida minn Alla. Il-​Bibbja tgħid: “Intom, missirijiet, . . . ibqgħu rabbuhom [lil uliedkom] fid-​dixxiplina u l-​gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efesin 6:4) Xi jfisser dan? Fil-​Grieg oriġinali, “gwida mentali” tagħti l-​idea taʼ li “tpoġġi l-​moħħ fi.” Għalhekk, il-​missirijiet huma bażikament imħeġġin biex ipoġġu l-​moħħ taʼ Ġeħova f’uliedhom. Xi protezzjoni tkun dik għat-​tfal! Jekk huma jkollhom il-​ħsibijiet t’Alla, il-​mod kif jaħseb hu, imnaqqxin f’moħħhom, huma jkunu protetti milli jagħmlu l-​ħażen.

Xewqa Mqanqla mill-​Imħabba

10. X’inhu importanti li tkunu tafu biex tgħallmu ’l uliedkom b’mod effettiv?

10 Madankollu, biex twettqu xewqitkom li ttellgħu ’l uliedkom kif suppost, l-​isforzi tagħkom iridu jkunu motivati mill-​imħabba. Fattur importanti huwa li jkun hemm komunikazzjoni tajba. Siru afu xi jkun għaddej fil-​ħajja taʼ wliedkom u kif jaħsbuha. F’atmosfera rilassata, inkuraġġixxu bit-​tattika lit-​tfal biex jitkellmu. Kultant tistgħu tkunu sorpriżi b’dak li joħorġu bih. Oqogħdu attenti ferm biex ma tidhrux ixxokkjati. Minflok, isimgħu sew u interessaw ruħkom f’dak li jgħidulkom.

11. Ġenitur kif jistaʼ jpoġġi moħħ Alla fit-​tfal?

11 Veru, jistaʼ jkun li lit-​tfal qrajtulhom mill-​Bibbja dwar il-​liġijiet t’Alla li jipprojbixxu l-​immoralità sesswali, u forsi wkoll għamiltu dan għal ħafna drabi. (1 Korintin 6:​18; Efesin 5:5) B’hekk, it-​tfal setgħu fehmu l-​importanza taʼ dak li jogħġob u dak li ma jogħġobx lil Ġeħova. Madankollu, li tpoġġi l-​moħħ tiegħu fit-​tfal jirrikjedi iżjed. It-​tfal għandhom bżonn l-​għajnuna biex jirraġunaw dwar il-​valur tal-​liġijiet taʼ Ġeħova. Għandhom bżonn jiġu konvinti li l-​liġijiet tiegħu huma tajbin u taʼ benefiċċju u l-​fatt li nobduhom huwa xieraq u evidenza taʼ mħabbitna. Biex it-​tfal jaċċettaw il-​mod kif Alla jqis l-​affarijiet, intom il-​ġenituri tridu tirraġunaw magħhom mill-​Iskrittura, u b’hekk biss ikun jistaʼ jingħad li qegħdin tpoġġu l-​moħħ tiegħu fihom.

12. Ġenitur kif jistaʼ jgħin lit-​tfal ikollhom il-​ħarsa xierqa lejn ir-​relazzjonijiet sesswali?

12 Meta titkellmu dwar is-​sess, tistgħu tistaqsu, “Taħseb int li meta nobdu l-​liġi taʼ Ġeħova biex ma jkollniex relazzjonijiet sesswali qabel iż-​żwieġ se niġu mċaħħdin mill-​ferħ?” Inkuraġġixxu lit-​tifel, jew it-​tifla, jispjega t-​tweġiba tiegħu. Wara li terġgħu tqisu l-​arranġament meraviljuż t’Alla biex tinġieb tarbija fid-​dinja, tistgħu tistaqsu: “Taħseb li Alla tagħna kollu mħabba se jagħmel liġijiet biex jisirqilna t-​tgawdija tal-​ħajja? Jew taħseb li l-​liġijiet tiegħu qegħdin hemm biex iferrħuna u jipproteġuna?” (Salm 119:​1, 2; Isaija 48:17) Siru afu kif qed jaħsibha binkom dwar din il-​ħaġa. Imbagħad tkunu tistgħu tiġbdu għall-​attenzjoni xi eżempji taʼ kif l-​immoralità sesswali wasslet għall-​uġigħ taʼ qalb u l-​inkwiet. (2 Samwel 13:​1-33) Billi tirraġunaw mat-​tifel tagħkom biex b’hekk hu jifhem u jaċċetta l-​ħarsa t’Alla, intom se tkunu ħdimtu ħafna biex tpoġġu l-​moħħ t’Alla fih. Madankollu, hemm ħaġ’oħra x’tistgħu tagħmlu.

13. It-​tfal x’għandhom jifhmu dwar Ġeħova sabiex jiġu motivati jobduh?

13 B’mod għaqli, mhux biss se tgħallmu lit-​tifel tagħkom il-​konsegwenzi li jiġu jekk ma nobdux lil Ġeħova imma se tispjegawlu wkoll kif Ġeħova jiġi effettwat personalment bil-​mod kif ngħixu. Uru lit-​tifel tagħkom mill-​Bibbja li nistgħu nweġġgħu qalb Ġeħova meta nonqsu li nagħmlu r-​rieda tiegħu. (Salm 78:​40, 41) Tistgħu tistaqsu, “Għala ma tixtieqx tweġġaʼ qalb Ġeħova?” u spjega: “L-​għadu t’Alla, Satana, jgħid li aħna naqdu lil Ġeħova għal raġunijiet egoistiċi u mhux għax inħobbuh.” Imbagħad spjega kif Ġob ferraħ qalb Ġeħova billi żamm l-​integrità, u b’hekk ta tweġiba għall-​akkuża falza taʼ Satana. (Ġob 1:​9-​11; 27:​5, KŻ) It-​tifel tagħkom jeħtieġ li jifhem li skond kif iġib ruħu jistaʼ jnikket jew iferraħ lil Ġeħova. (Proverbji 27:11) Dan u ħafna tagħlim vitali ieħor jistaʼ jiġi mgħallem lit-​tfal billi tużaw il-​ktieb Tgħallem mill-​Għalliem il-​Kbir.a

Riżultati li Jġibu l-​Ferħ

14, 15. (a) Liema lezzjonijiet mill-​ktieb Għalliem immotivaw lit-​tfal? (b) Liema riżultati tajbin kellek int u tuża l-​ktieb? (Ara wkoll il-​kaxxa f’paġni 18-19.)

14 Nannu fil-​Kroazja li jaqra l-​ktieb Għalliem maʼ neputih taʼ sebaʼ snin jgħid li t-​tifel qallu dan li ġej: “Il-​mamà qaltli nagħmel xi ħaġa, imma jien ma ridtx nagħmilha. Imbagħad ftakart fil-​kapitlu ‘L-​Ubbidjenza Tipproteġik,’ allura rġajt lura u għedtilha li se nibda nobdiha.” Dwar il-​kapitlu “Għala M’Għandniex Nigdbu,” koppja minn Florida, fl-​Istati Uniti taʼ l-​Amerika, qalet: “Fih mistoqsijiet li jistiednu lit-​tfal jiftħu qalbhom u jammettu l-​iżbalji li altrimenti ma kinux se jammettu.”

15 Il-​ktieb Għalliem fih iżjed minn 230 stampa, u maʼ kull stampa jew grupp taʼ stampi hemm xi kliem, jew deskrizzjoni. “Spiss ibni jsammar għajnejh fuq stampa u ma jkunx iridni ndawwar il-​paġna,” innotat omm bl-​apprezzament. “L-​istampi mhux biss jolqtu l-​għajn imma wkoll fihom lezzjonijiet, jew għallinqas iġagħlu lit-​tfal jistaqsu mistoqsijiet. Dwar stampa fejn hemm tifel jara t-​televixin f’kamra mudlama, ibni staqsa, ‘Ma, x’inhu jagħmel dan it-​tifel?’ b’ton li wera li kien jaf li hemm xi ħaġa ħażina.” Il-​kliem taʼ maʼ l-​istampa jgħid: “Min jistaʼ jara kulma nagħmlu?”

Edukazzjoni Vitali għal-​Lum

16. Illum x’inhu vitali li ngħallmu lit-​tfal, u għaliex?

16 It-​tfal għandhom bżonn ikunu jafu l-​użu xieraq u dak mhux xieraq tal-​partijiet privati taʼ ġisimhom. Madankollu, m’huwiex dejjem faċli titkellem dwar dan. Ġurnalista rrimarkat li hi kibret fi żmien li fih l-​użu tal-​kliem li jirreferi għall-​organi sesswali kien meqjus bħala offensiv. Rigward it-​tagħlim taʼ wliedha, kitbet: “Se jkolli negħleb din il-​mistħija.” Fil-​fatt, meta minħabba l-​mistħija l-​ġenituri jevitaw is-​suġġett tas-​sess, ma jkunux qed jipproteġu lit-​tfal. Dawk li jittantaw lit-​tfal sesswalment ikunu qed jieħdu vantaġġ mill-​innoċenza tagħhom. Il-​ktieb Tgħallem mill-​Għalliem il-​Kbir jittratta dan is-​suġġett b’rispett u b’mod deċenti. L-​informazzjoni dwar is-​sess ma tneħħix l-​innoċenza mit-​tfal, filwaqt li n-​nuqqas tagħha jistaʼ jwassal għal li jiġu misruqin minnha.

17. Il-​ktieb Għalliem kif jgħin lill-​ġenituri biex jgħallmu ’l uliedhom dwar is-​sess?

17 F’kapitlu 10, li fih diskussjoni dwar l-​anġli l-​ħżiena li niżlu fuq l-​art u kellhom it-​tfal, it-​tifel jiġi mistoqsi, “Int x’taf dwar ir-​relazzjonijiet sesswali?” Il-​ktieb jagħti tweġiba sempliċi u bir-​rispett. Iktar tard, kapitlu 32 jispjega kif it-​tfal jistgħu jiġu protetti minn dawk li jittantawhom sesswalment. Ħafna ittri mibgħutin lill-​pubblikaturi taʼ din ir-​rivista kkonfermaw li tagħlim bħal dan huwa vitali. Ittra minnhom qalet: “Il-​ġimgħa l-​oħra meta ħadna lit-​tifel tagħna Javan għand it-​tabiba, din staqsiet jekk konniex iddiskutejna miegħu l-​użu xieraq tal-​partijiet privati tal-​ġisem. Baqgħet impressjonata ħafna li konna għamilna hekk permezz tal-​ktieb il-​ġdid tagħna.”

18. Il-​ktieb Għalliem kif jiddiskuti l-​wiri taʼ qima lill-​emblemi nazzjonali?

18 Kapitlu ieħor jittratta dwar ir-​rakkont Bibliku tat-​tliet żgħażagħ Ebrej Sidrak, Mesak, u Għabednegu, li rrifjutaw li jagħtu qima lil statwa li kienet tirrappreżenta lill-​Istat Babiloniż. (Danjel 3:​1-23, 91-97 [3:​1-30, NW]) Xi wħud jistgħu ma jifhmux il-​konnessjoni li hemm bejn li tqim statwa u li ssellem lill-​bandiera, bħalma jindika li hemm il-​ktieb Għalliem. Madankollu, innota dak li kellu x’jgħid l-​awtur Edward Gaffney meta ġie intervistat mir-​rivista U.S. Catholic. Hu semma li wara li bintu attendiet l-​ewwel ġurnata tagħha l-​iskola, hi qaltlu li kienet tgħallmet “talba ġdida fl-​iskola.” Għalhekk, talabha tirripetihielu. “Poġġiet idha fuq qalbha,” qal Gaffney, “u b’ċerta kburija bdiet, ‘Jien inwiegħed il-​lealtà tiegħi lill-​bandiera . . . ’” Hu kompla: “F’daqqa waħda bdejt nifhem. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kellhom raġun. Hemm aspett taʼ spiritwalità nazzjonali li qed tiġi inkuraġġita fl-​iskejjel tagħna sa minn età żgħira​—ċertament lealtà bla limitu.”

Jiswa li Tagħmel Kull Sforz

19. Liema premjijiet jiġu jekk tgħallem lit-​tfal?

19 Tassew, l-​isforzi kollha li tagħmel biex tgħallem lit-​tfal huma siewja ferm. Waħda omm minn Kansas, fl-​Istati Uniti taʼ l-​Amerika, qabżilha d-​dmugħ meta rċiviet ittra mingħand binha. Hu kiteb: “Inħossni fortunat ħafna li kelli trobbija li għenitni nkun stabbli u bilanċjat emozzjonalment. Int u l-​papà ċertament li jistħoqqilkom tifħir.” (Proverbji 31:28) Il-​ktieb Tgħallem mill-​Għalliem il-​Kbir jistaʼ jgħin ħafna iżjed ġenituri jgħallmu ’l uliedhom biex b’hekk jipproteġu dan il-​wirt prezzjuż.

20. X’għandhom jiftakru dejjem il-​ġenituri, u x’effett għandu jkollu dan fuqhom?

20 It-​tfal tagħna jistħoqqilhom li nagħtuhom il-​ħin, l-​attenzjoni, u l-​isforz kollu li nistgħu. Iż-​żmien tat-​tfulija huwa qasir wisq. Ħudu vantaġġ minn kull opportunità biex tkunu magħhom u tgħinuhom. Ma jiddispjaċikomx żgur. Maż-​żmien isiru jħobbukom. Ftakru dejjem li wliedkom huma rigal għalikom mingħand Alla. X’wirt prezzjuż huma! (Salm 127:​3-5) Għalhekk, ittrattawhom fi qbil maʼ dan, daqslikieku intom responsabbli quddiem Alla taʼ kif trabbuhom għax fil-​fatt hekk hu!

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Ara kapitlu 40, “Kif Tferraħ lil Alla.”

Int Kif Twieġeb?

• Għala l-​ġenituri jeħtieġu speċjalment issa li jipproteġu lil uliedhom?

• Minn liema tip taʼ tagħlim jiġi l-​għerf?

• Liema kwistjonijiet vitali hemm x’tiddiskutu maʼ wliedkom illum?

• Il-ktieb Għalliem kif għen lill-​ġenituri jgħallmu lil uliedhom?

[kaxxa/Stampi f’paġni 18, 19]

Ktieb għal Kulħadd

Il-​ktieb Tgħallem mill-​Għalliem il-​Kbir ġie preparat biex jgħin lill-​ġenituri jew adulti oħrajn jaqraw u jiddiskutu t-​tagħlim taʼ Ġesù Kristu mat-​tfal. Madankollu, adulti li qraw il-​ktieb esprimew l-​apprezzament sinċier għal dak li tgħallmu.

Raġel f’Texas, l-​Istati Uniti, qal: “Il-​ktieb Tgħallem mill-​Għalliem il-​Kbir iqanqal lil nies taʼ kull età bis-​sempliċità tiegħu​—anki lili li għandi 76 sena. Grazzi ħafna, mingħand xi ħadd li ilu jaqdi lil Ġeħova sa minn żgħożitu.”

Qarrejja minn Londra, l-​Ingilterra, tgħid: “It-​tixbihat mill-​isbaħ li fih żgur li jilħqu l-​qlub tal-​ġenituri u t-​tfal bl-​istess mod. Il-​mistoqsijiet u l-​mod kif inhu mħejji tassew jispikkaw u kemm huwa sabiħ li tara kif jiġu diskussi suġġetti delikati, bħal kapitlu 32, ‘Kif Ġesù Ġie Protett.’” Hi kkonkludiet: “Għalkemm dan il-​ktieb bla dubju ġie preparat primarjament għat-​tfal tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, naħseb li l-​għalliema u oħrajn se jkunu ferm kuntenti li jirċievu kopja wkoll. Inħares ’il quddiem biex nużah fix-​xhur u s-​snin li ġejjin.”

Mara minn Massachusetts, l-​Istati Uniti, ikkummentat dwar il-​ħafna “stampi preparati sew.” Hi osservat: “Innotajt li għalkemm il-​ktieb huwa disinjat għat-​tfal, is-​suġġetti diskussi fih jistgħu wkoll jgħinu lilna l-​adulti naħsbu dwar ir-​relazzjoni persunali tagħna maʼ Ġeħova.”

“Illaħwa! Xi ktieb meraviljuż!” esprimiet waħda mara minn Maine, l-​Istati Uniti. “M’huwiex biss għat-​tfal iż-​żgħar imma għalina lkoll bħala wlied Alla. Laqatli l-​iktar emozzjonijiet profondi li lanqas biss kont naf bihom u tassew qanqalni. Imbagħad, ħassejt paċi kbira. Inħossni tant qrib Ġeħova bħala Missieri. Neħħieli l-​uġigħ kollu li kelli matul is-​snin u wrieni l-​iskop tiegħu b’mod ċar.” Hi kkonkludiet: “Qed ngħid lil kulħadd, ‘Jekk jogħġbok aqrah.’”

Mara minn Kyoto, il-​Ġappun, qalet li meta kienet qed taqra lin-​neputijiet tagħha, huma staqsew mistoqsijiet, bħal: “‘X’inhu jagħmel dak it-​tifel? X’qed tgħidilha lil din it-​tifla? X’inhi tagħmel din l-​omm? U dan l-​iljun?’ Dan il-​ktieb jgħallem affarijiet li jinteressawna, u allura nħobbu iktar minn kwalunkwe ktieb ieħor li nistaʼ nsib fil-​librerija.”

Missier f’Calgary, il-​Kanada, qal li malli rċieva l-​ktieb, hu beda jaqrah lit-​tifla tiegħu taʼ sitt snin u lit-​tifel taʼ disaʼ snin. “Mill-​ewwel stagħġibt bir-​reazzjoni tagħhom,” hu jgħid. “It-​tfal kienu attenti u bdew iwieġbu l-​mistoqsijiet minn qalbhom. Ħassewhom involuti fl-​istudju, u dan tahom ċans jesprimu ruħhom. Imtlew bl-​entużjażmu, u t-​tifla qalet li tixtieq tistudja l-​ktieb kull fil-​għaxija.”

Wara studju minnhom, il-​missier qal: “It-​tifel u jien tkellimna dwar Ġeħova u l-​iskopijiet tiegħu għal sigħat sħaħ. It-​tifel kellu ħafna mistoqsijiet mill-​ktieb. Qabiżli d-​dmugħ minn għajnejja meta qalli l-​lejl it-​tajjeb u staqsieni: ‘Pa, nistgħu nerġgħu nagħmluha? Għandi ħafna mistoqsijiet, u rrid inkun naf kollox dwar Ġeħova.’”

[Stampa f’paġna 15]

Ġenituri, x’tistgħu titgħallmu mill-​eżempju taʼ Manuħa?

[Stampa f’paġna 16]

Tfal, x’tistgħu titgħallmu mill-​eżempju tat-​tliet Ebrej?

[Stampi f’paġna 17]

L-​istampi u l-​kliem taʼ magħhom fil-​ktieb “Għalliem” huma għodda effettiva għat-​tagħlim

Ananija x’gidba qed jgħid lil Pietru?

Min jistaʼ jara kulma nagħmlu?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja