Mistoqsijiet mill-Qarrejja
M’għamilx l-appostlu Pawlu kompromess mill-fidi Kristjana tiegħu meta qal quddiem is-Sinedriju: “Jien Fariżew”?
Sabiex nifhmu dak li qal Pawlu, li nsibuh f’Atti 23:6, irridu nikkunsidraw il-kuntest.
Wara li ġie attakkat minn marmalja Lhud f’Ġerusalemm, Pawlu kellem lill-folla. Hu semma li kien ‘mgħallem f’Ġerusalemm f’riġlejn Gamaljel, istruwit biex iħares b’mod strett il-Liġi taʼ l-antenati.’ Għalkemm il-folla qagħdet tismaʼ d-difiża tiegħu għal xi ħin, meta eventwalment imtlew bil-korla, il-kmandant militari li kien qed jgħasses lil Pawlu ħadu fil-kwartieri tas-suldati. Hekk kif kienu se jsawtuh bil-frosta, Pawlu qal: “Skond il-liġi, tistgħu ssawtu raġel Ruman li m’huwiex kundannat?”—Atti 21:27–22:29.
L-għada, il-kmandant ħa lil Pawlu quddiem il-qorti għolja Lhudija, is-Sinedriju. Pawlu ħares fiss lejhom u ra li fis-Sinedriju kien hemm kemm Sadduċej u kemm Fariżej. Imbagħad qal: “Irġiel, aħwa, jien Fariżew, bin il-Fariżej, u qed niġi ġudikat minħabba t-tama taʼ l-irxoxt tal-mejtin.” B’riżultat taʼ dan, qamet tilwima bejn il-Fariżej u s-Sadduċej, “għax is-Sadduċej jgħidu li la hemm irxoxt, la anġli u lanqas spirti, imma l-Fariżej dawn kollha jistqarruhom bil-miftuħ.” Xi wħud li kienu mis-setta tal-Fariżej argumentaw bl-aħrax: “Aħna ma nsibu xejn ħażin f’dan ir-raġel.”—Atti 23:6-10.
Billi kien magħruf bħala Kristjan verament żeluż, Pawlu ma setax jikkonvinċi lis-Sinedriju li kien membru attiv fis-setta tal-Fariżej. Il-Fariżej li kien hemm ma kinux se jaċċettaw lil xi ħadd li kien se jagħmel kompromess jew li kien se jirrappreżentahom ħażin. Għalhekk, l-istqarrija taʼ Pawlu, meta qal li kien Fariżew, kellha sens limitat, u l-Fariżej li kienu preżenti bilfors li fehmu l-kliem taʼ Pawlu f’dan il-kuntest.
Meta qal li kien qed jiġi ġudikat minħabba t-tama taʼ l-irxoxt, Pawlu biċ-ċar ried ifisser li hu kien bħall-Fariżej f’dan ir-rigward. Fi kwalunkwe kontroversja li setgħet tqum dwar dan is-suġġett, Pawlu kellu jiġi identifikat bħala li kien mal-Fariżej u mhux mas-Sadduċej li ma kinux jemmnu bl-irxoxt.
Dak li kien jemmen Pawlu bħala Kristjan ma kienx f’konflitt mat-twemmin tal-Fariżej, bħal per eżempju l-irxoxt, l-anġli, u xi dettalji tal-Liġi. (Filippin 3:5) Għalhekk, kien f’dawn il-limiti li Pawlu setaʼ jqabbel lilu nnifsu mal-Fariżej, u kien f’dan is-sens limitat li dawk preżenti mis-Sinedriju fehmu dak li qal. Hu b’hekk kien sempliċement qed juża l-isfond tiegħu sabiex ikun jistaʼ jittratta mal-qorti suprema Lhudija li kienet preġudikata.
Madankollu, l-akbar evidenza li Pawlu m’għamilx kompromess mill-fidi tiegħu tidher mill-fatt li Ġeħova baqaʼ japprovah. Il-lejl taʼ wara li Pawlu għamel l-istqarrija li qed niddiskutu, Ġesù qallu: “Agħmel il-kuraġġ! Għax bħalma tajt xiehda bir-reqqa dwari f’Ġerusalemm, hekk ukoll trid tagħti xiehda f’Ruma.” Ladarba kellu l-approvazzjoni t’Alla, irridu nikkonkludu li Pawlu m’għamilx kompromess mill-fidi Kristjana tiegħu.—Atti 23:11.