X’Tiftakar?
Ħadt gost taqra l-ħarġiet reċenti tat-Torri taʼ l-Għassa? Mela, ara jekk tistax twieġeb dawn il-mistoqsijiet li ġejjin:
• Għala ntgħażlet il-25 taʼ Diċembru bħala d-data għaċ-ċelebrazzjoni tat-twelid taʼ Ġesù?
Il-Kelma t’Alla ma tagħti l-ebda data għat-twelid taʼ Ġesù. L-Enciclopedia Hispánica tagħmel dan il-kumment: “Il-Milied jiġi ċelebrat fil-25 taʼ Diċembru mhux minħabba li qed jinżamm anniversarju kronoloġiku eżatt imma, minflok, minħabba li l-festi tas-solstizju tax-xitwa li kienu jiġu ċelebrati f’Ruma ġew Kristjanizzati.” Ir-Rumani tal-qedem kienu jiċċelebraw it-tlugħ tax-xemx fis-sema xitwi bil-briju, it-tbahrid, u l-għoti tar-rigali.—12/15, paġni 4-5.
• Ifisser Atti 7:59 li Stiefnu talab lil Ġesù?
Le. Il-Bibbja turi li t-talb għandu jkun dirett biss lil Alla Ġeħova. Peress li fil-viżjoni ra lil Ġesù rxoxtat, milli jidher Stiefnu ħassu liberu jappella direttament lilu, billi qal: “Mulej Ġesù, ilqaʼ l-ispirtu tiegħi.” Stiefnu kien jaf li Ġesù ngħata l-awtorità biex iqajjem lill-mejtin. (Ġwanni 5:27-29) Allura Stiefnu talab lil Ġesù biex jiħodlu ħsieb il-forza tal-ħajja tiegħu sa l-irxoxt.—1/1, paġna 31.
• Kif nafu li d-destin taʼ persuna ma jiġix determinat minn qabel?
Alla ta lill-bniedem il-libertà taʼ l-għażla, u din ma tħallix wisaʼ għall-predestinazzjoni. Ġeħova ma kienx ikun ġust u jħobb kieku ddetermina minn qabel dak li konna se nagħmlu u mbagħad iżommna responsabbli għall-azzjonijiet tagħna. (Dewteronomju 32:4; 1 Ġwanni 4:8)—1/15, paġni 4-5.
• Għala wieħed ma jkunx modest jekk jgħid li l-mirakli huma impossibbli?
Billi jagħrfu li ma jafux kollox dwar l-għeġubijiet xjentifiċi fil-ħolqien t’Alla, xi xjenzati jammettu li m’għadhomx jistgħu jgħidu b’ċertezza li xi ħaġa hi impossibbli. L-iktar li lesti jgħidu hu li m’hijiex probabbli.—2/15, paġni 5-6.
• L-Imħallef Sansun għala qal lill-ġenituri tiegħu li ried mara mill-bniet tal-Filistin? (Mħallfin 14:2)
Kien kontra l-liġi t’Alla li wieħed jiżżewweġ aduratur falz. (Eżodu 34:11-16) Madankollu, il-mara Filistea kienet ‘togħġbu’ lil Sansun. Sansun “kien qiegħed ifittex” opportunità biex “jeħodha mal-Filistin,” u l-mara kienet togħġbu għal dan l-iskop. Alla appoġġa lil Sansun permezz taʼ l-ispirtu Tiegħu. (Mħallfin 13:25; 14:3, 4, 6)—3/15, paġna 26.
• Għandu Kristjan jagħti tipp jew xi tip taʼ rigal lil impjegat tal-gvern għas-servizzi tiegħu?
Huwa ħażin li xxaħħam uffiċjal, li tagħtih xi ħaġa taʼ valur sabiex jagħmel xi ħaġa illegali, ma jobdix il-liġi, jew jittrattak bil-preferenzi. Imma ma tkunx qed ixxaħħam jekk tagħti tipp jew rigal lil uffiċjal pubbliku meta jagħmel dmiru jew biex tikseb servizz leġittimu jew tevita li tiġi trattat b’mod inġust.—4/1, paġna 29.