Ħabta u Sabta Sseħħ Traġedja
OWEN, tifel taʼ sentejn u nofs, kien qed jilgħab fil-kamra tal-banju fid-dar tiegħu. Irnexxielu jilħaq fejn kienu jżommu l-mediċina, post li l-ġenituri tiegħu ħasbu li ma setax jilħqu. Fost l-affarijiet li kien hemm, hu sab flixkun li qajjimlu l-kurżità. Fetaħ il-flixkun u xorob il-kontenut. Ħabta u sabta seħħet traġedja.
Il-flixkun kien fih aċidu perikoluż, u b’dispjaċir, iċ-ċkejken Owen miet. Il-ġenituri tiegħu kellhom qalbhom maqsuma. Missieru, Percy, fittex il-faraġ mill-knisja li kien jattendi. “Dan għala ġara?” staqsa hu. Il-qassis wieġeb, “Alla ried anġlu żgħir ieħor fis-sema.” Maħkum min-niket, missier Owen ħass li dan kien nuqqas taʼ ġustizzja. Huwa minnu li Alla ried li sseħħ traġedja bħal din? Percy kien diżappuntat ħafna bil-knisja u ddeċieda li ma jibqax jassoċja magħha.
Meta kien qed jirrifletti fuq dak li ġara, Percy staqsa: ‘It-tifel ċkejken tiegħi għadu jħoss l-uġigħ? Qatt se nerġaʼ narah?’
Int ukoll forsi ħsibt dwar x’jiġri meta xi ħadd imut u jekk hux possibbli li fil-futur terġaʼ tingħaqad mal-maħbubin li mietu. Il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, tagħti tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet. Il-paġni tagħha fihom tweġibiet ċari taʼ faraġ għal dawk kollha li ffaċċjaw traġedji simili. Iżjed minn hekk, tikxef prospett glorjuż li wiegħed Alla—l-irxoxt.
Jekk jogħġbok aqra l-artiklu li jmiss biex titgħallem iktar dwar din it-tama meraviljuża.