LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 5/1 pp. 4-7
  • L-Irxoxt—Prospett Glorjuż

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Irxoxt—Prospett Glorjuż
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Konfużjoni dwar it-​Tagħlim taʼ l-​Irxoxt
  • “Xi Nisa Rċivew il-​Mejtin Tagħhom bl-​Irxoxt”
  • L-​Irxoxt Waqt il-​Ministeru taʼ Ġesù
  • Nerġgħu Ningħaqdu mal-​Maħbubin —Prospett Glorjuż
  • It-Tama taʼ l-Irxoxt Hi Ċerta!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • L-Irxoxt—Huwa Reali Għalik?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Neżerċitaw Fidi għall-Ħajja taʼ Dejjem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • “Naf li jqum”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 5/1 pp. 4-7

L-​Irxoxt—Prospett Glorjuż

IT-​TWEMMIN fi rxoxt hu komuni ħafna. Il-​ktieb qaddis taʼ l-​Islam, il-​Koran, fih kapitlu sħiħ dedikat għall-​irxoxt. Parti minn Sûra 75 jgħid: “Naħlef jien b’jum il-​qawmien . . . Jaħseb il-​bniedem li għadmu m’għandniex ħila [n]iġimgħuh? . . . Jistaqsi: ‘U meta jum il-​qawmien?’ M’għandux, jewwilla, is-​setgħa li jaħji lill-​mejtin?”​—Sûra 75:​1-6, 40.

“Fiż-​Żoroastrijaniżmu,” tosserva The New Encyclopædia Britannica, “hemm it-​tagħlim li l-​Ħażen se jinġieb fix-​xejn, li se jkun hemm irxoxt ġenerali, Ġudizzju taʼ l-​Aħħar, u r-​restawrazzjoni taʼ dinja mnaddfa għall-​ġusti.”

L-​Encyclopaedia Judaica tispjega l-​irxoxt bħala “t-​twemmin li fl-​aħħar mill-​aħħar il-​mejtin se jiġu rxoxtati fil-​ġisem fiżiku tagħhom u se jerġgħu jgħixu hawn fuq l-​art.” L-​istess xogħol taʼ referenza jikkummenta wkoll li t-​twemmin li daħal fil-​Ġudaiżmu, li l-​bnedmin għandhom ruħ immortali, iqajjem dilemma. Tammetti: “Bażikament it-​twemmin fl-​irxoxt u fl-​immortalità tar-​ruħ jikkontradixxu lil xulxin.”

Il-​Ħinduiżmu jgħallem li l-​bnedmin jgħaddu minn twelid mill-​ġdid, jew riinkarnazzjoni, għal darba wara l-​oħra. Sabiex dan ikun veru, il-​bniedem irid ikollu ruħ li tibqaʼ tgħix wara l-​mewt. Il-​ktieb qaddis tal-​Ħindu Bhagavad Gita jistqarr: “[Ir-ruħ] li tinsab f’kull parti tal-​ġisem ma tistax tinqered. Ħadd ma jistaʼ jeqred ir-​ruħ li ma tmutx.”

Il-​Buddiżmu hu differenti mill-​Ħinduiżmu fis-​sens li jiċħad l-​eżistenza taʼ ruħ immortali. Minkejja dan, illum ħafna Buddisti fil-​Lvant Imbiegħed jemmnu fit-​trasmigrazzjoni taʼ ruħ immortali.a

Konfużjoni dwar it-​Tagħlim taʼ l-​Irxoxt

Fil-​funerali li jikkonduċi, il-​Kristjaneżmu spiss jirreferi kemm għar-​ruħ immortali li tibqaʼ wara l-​mewt u kemm għall-​irxoxt. Per eżempju, membri tal-​kleru Anglikan ġeneralment jgħidu dan il-​kliem: “Ladarba kienet ir-​rieda t’Alla li Jistaʼ Kollox bil-​ħniena kbira tiegħu li jieħu r-​ruħ taʼ dan ħuna għażiż li ħalliena, allura aħna nerħu ġismu lejn l-​art; ħamrija terġaʼ ssir ħamrija, irmied jerġaʼ jsir irmied, trab jerġaʼ jsir trab; bit-​tama ċerta fl-​Irxoxt għal ħajja eterna, permezz tal-​Mulej tagħna Ġesù Kristu.”​—The Book of Common Prayer.

Din l-​istqarrija tistaʼ ġġiegħel lil dak li jkun jaħseb jekk il-​Bibbja tgħallimx dwar l-​irxoxt jew id-​duttrina taʼ ruħ immortali. Madankollu, innota l-​kumment tal-​Professur Protestant Franċiż Oscar Cullmann. Hu kiteb fil-​ktieb tiegħu Immortality of the Soul or Resurrection of the Dead?: “Hemm differenza kbira bejn it-​twemmin Kristjan taʼ l-​irxoxt tal-​mejtin u t-​twemmin Grieg fl-​immortalità tar-​ruħ. . . . Għalkemm il-​Kristjanità iktar tard rabtet dawn l-​ideat flimkien, u llum bosta Kristjani jħawduhom kompletament, ma narax għala għandi naħbi dak li jien u l-​maġġuranza taʼ studjużi oħra nikkunsidraw bħala l-​verità. . . . It-​tema prinċipali tat-​Testment il-​Ġdid tiċċentra kompletament fuq fidi fl-​irxoxt. . . . Il-​bniedem kollu kemm hu, li jkun tabilħaqq mejjet, jerġaʼ jingħata l-​ħajja b’att taʼ ħolqien ġdid t’Alla.”

Mela mhux taʼ b’xejn li n-​nies in ġenerali huma konfużi dwar il-​mewt u l-​irxoxt. Sabiex nirranġaw il-​konfużjoni, irridu nfittxu fil-​Bibbja, li tippreżenta veritajiet rivelati mill-​Ħallieq tal-​bnedmin, Alla Ġeħova. Il-​Bibbja ssemmi numru t’okkażjonijiet taʼ l-​irxoxt. Ejja neżaminaw erbgħa minn dawn ir-​rakkonti u nikkunsidraw x’jirrivelaw.

“Xi Nisa Rċivew il-​Mejtin Tagħhom bl-​Irxoxt”

Fl-​ittra tiegħu lil-​Lhud li kienu saru Kristjani, l-​appostlu Pawlu qal li xi nisa taʼ fidi kienu “rċivew il-​mejtin tagħhom bl-​irxoxt.” (Ebrej 11:35) Waħda minn dawn in-​nisa kienet tgħix f’Sarefta, belt Feniċja ħdejn Sidon mal-​Kosta tal-​Mediterran. Kienet armla li b’mod ospitabbli laqgħet lill-​profeta t’Alla Elija u tatu x’jiekol anki waqt żmien taʼ ġuħ kbir. B’dispjaċir, it-​tifel taʼ din il-​mara marad u miet. Elija mill-​ewwel tellgħu fl-​għorfa fejn kien jgħammar il-​profeta u talab lil Ġeħova biex jerġaʼ jagħti l-​ħajja lit-​tifel. Seħħ miraklu, u t-​tifel “ħa l-​ħajja.” Elija reġaʼ tah lil ommu u qal: “Ara, ibnek ħaj.” Hi kif irreaġixxiet? B’ferħ, hi qalet: “Issa naf li int bniedem taʼ Alla, u l-​kelma tal-​Mulej fuq fommok hi s-​sewwa.”​—1 Slaten 17:​22-​24.

Kważi 100 kilometru fin-​nofsinhar taʼ Sarefta kien hemm koppja ġeneruża li ħadet ħsieb is-​suċċessur t’Elija, il-​profeta Eliżew. Il-​mara kienet prominenti fil-​belt taʼ fejn kienet toqgħod, Sunem. Hi u r-​raġel tagħha qablu li lil Eliżew iħalluh jgħix fl-​għorfa tagħhom. In-​niket tagħhom minħabba li ma kellhomx tfal inbidel f’ferħ meta l-​mara wildet tifel. Hekk kif it-​tifel kiber, hu kien jgħin lill-​ħassada biex ikun maʼ missieru fl-​għalqa. Ġurnata minnhom seħħet traġedja ħabta u sabta. It-​tifel għajjat li kienet qed tuġgħu rasu. Wieħed mill-​qaddejja ħadu malajr lura d-​dar. Ommu ħaddnitu f’ħoġorha, imma bil-​mod il-​mod it-​tifel miet. L-​omm imnikkta ddeċidiet li ssejjaħ lil Eliżew għall-​għajnuna. Hi vvjaġġat maʼ wieħed mill-​qaddejja lejn il-​majjistral ħdejn il-​Muntanja Karmel, fejn kien qed joqgħod Eliżew.

Billi wieġeb għat-​talba tagħha, il-​profeta bagħat lill-​qaddej tiegħu, Geħażi, qabilhom, u sab li t-​tifel kien miet tassew. Eliżew u l-​mara waslu warajh, imma x’ġara meta finalment waslu Sunem? Ir-​rakkont fit-​2 Slaten 4:​32-​37 jgħid: “Mbagħad daħal Eliżew, il-​profeta, u ara, it-​tifel kien mimdud mejjet fuq friexu. Daħal, għalaq il-​bieb warajhom it-​tnejn, u beda jitlob lill-​Mulej. Mbagħad talaʼ, u mtedd fuq it-​tifel, qiegħed fommu fuq fommu, għajnejh fuq għajnejh, u jdejh fuq idejh, u, kif kien mixħut fuqu, ġisem it-​tifel beda jisħon. Eliżew raġaʼ qabad jimxi ’l hawn u ’l hemm mad-​dar, u għal darba oħra mar u mtedd fuq it-​tifel; u dan għatas sebaʼ darbiet, u bexxaq għajnejh. Eliżew imbagħad sejjaħ lil Geħażi, u qallu: ‘Sejjħilha ’l din is-​Sunamija.’ Sejjħilha, u daħlet ħdejh. ‘Ħudu lil ibnek,’ qalilha. Hi resqet u nxteħtet f’riġlejh wiċċha fl-​art, mbagħad qabdet lil binha u ħarġet ’il barra.”

Bħall-armla taʼ Sarefta, il-​mara minn Sunem kienet taf li dak li kien ġara kien riżultat tal-​qawwa t’Alla. Dawn iż-​żewġ nisa esperjenzaw ferħ kbir hekk kif Alla reġaʼ ta l-​ħajja lil uliedhom l-​għeżież.

L-​Irxoxt Waqt il-​Ministeru taʼ Ġesù

Xi 900 sena wara, seħħ irxoxt ftit ’il bogħod mit-​tramuntana taʼ Sunem ħdejn ir-​raħal taʼ Najn. Hekk kif Ġesù Kristu u d-​dixxipli tiegħu kienu qed jivvjaġġaw minn Kafarnahum u qorbu lejn bieb il-​belt taʼ Najn, huma ltaqgħu maʼ grupp li kien sejjer għad-​dfin, u Ġesù ra armla li kienet tilfet lill-​uniku tifel tagħha. Ġesù qalilha biex ma tibqax tibki. It-​tabib Luqa ddeskriva x’ġara: “Imbagħad [Ġesù] resaq lejn il-​katalett u messu, u r-​reffiegħa waqfu. Imbagħad qal: ‘Żagħżugħ, ngħidlek, Qum!’ U l-​mejjet qam bil-​qiegħda u beda jitkellem; u tah lil ommu.” (Luqa 7:​14, 15) Dawk li raw dan il-​miraklu gglorifikaw lil Alla. L-​aħbar taʼ l-​irxoxt infirxet man-​nofsinhar tal-​Lhudija u d-​distrett taʼ madwar. Taʼ interess, id-​dixxipli taʼ Ġwanni l-​Għammied semgħu dwar dak li ġara u qalu lil Ġwanni dwar il-​miraklu. Hu, imbagħad, bagħathom biex isibu lil Ġesù u jistaqsuh jekk Hu kienx il-​Messija mistenni. Ġesù qalilhom: “Morru u għidu lil Ġwanni dak li rajtu u smajtu: l-​għomja qed jingħataw id-​dawl, iz-​zopop qed jimxu, l-​imġiddmin qed jiġu mnaddfin u t-​torox qed jisimgħu, il-​mejtin qed jitqajmu, il-​foqra qed tintqalilhom l-​aħbar tajba.”​—Luqa 7:22.

L-​iktar miraklu taʼ l-​irxoxt magħruf li wettaq Ġesù kien dak tal-​ħabib tal-​qalb tiegħu Lazzru. F’dan il-​każ, kien hemm perijodu taʼ ftit jiem bejn il-​mewt taʼ Lazzru u l-​wasla taʼ Ġesù fid-​dar tal-​familja tiegħu. Meta Ġesù finalment wasal Betanja, Lazzru kien ilu mejjet erbat ijiem. Meta Ġesù ta istruzzjoni biex titneħħa l-​ġebla minn quddiem il-​qabar tat-​tifkira, Marta oġġezzjonat u qalet: “Mulej, s’issa żgur niten għax ilu erbat ijiem.” (Ġwanni 11:39) Madankollu, kwalunkwe deterjorazzjoni tal-​ġisem taʼ Lazzru ma tellfitx milli jsir l-​irxoxt. Mal-​kmand taʼ Ġesù, “dak li qabel kien mejjet ħareġ b’saqajh u b’idejh infaxxati, u wiċċu kien mgħotti b’ċarruta.” L-​azzjonijiet taʼ l-​għedewwa taʼ Ġesù iktar tard urew biċ-​ċar li verament kien Lazzru li ġie rxoxtat.​—Ġwanni 11:​43, 44; 12:​1, 9-​11.

X’nikkonkludu minn dawn l-​erbaʼ rakkonti taʼ l-​irxoxt? Kull individwu li ġie rxoxtat irritorna għall-​ħajja bħala l-​istess persuna. Ilkoll intgħarfu, anki mill-​qraba tagħhom. Ħadd minn dawk li ġew irxoxtati ma tkellem dwar dak li seħħ waqt il-​perijodu qasir li dam mejjet. Ħadd minnhom ma tkellem dwar vjaġġ lejn dinja oħra. Milli jidher, kollha rritornaw b’saħħa tajba. Għalihom kienu qishom raqdu ftit u mbagħad qamu, eżatt bħalma indika Ġesù. (Ġwanni 11:11) Minkejja dan, wara ftit taż-​żmien dawn kollha reġgħu mietu.

Nerġgħu Ningħaqdu mal-​Maħbubin —Prospett Glorjuż

Ftit taż-​żmien wara l-​mewta traġika t’Owen, imsemmi fl-​artiklu taʼ qabel, missieru żar lil wieħed mill-​ġirien tiegħu. Hemmhekk, fuq mejda ra fuljett li kien qed jirreklama taħdita pubblika organizzata mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. It-​tema tagħha, “Fejn Jinsabu Dawk li Mietu?,” laqtitu. Din kienet eżatt il-​mistoqsija li kienet qed tberren f’moħħu. Hu attenda għat-​taħdita u sab faraġ veru mill-​Bibbja. Tgħallem li dawk li mietu ma jsofrux. Minflok ma jesperjenzaw turment fin-​nar taʼ l-​infern jew jittieħdu minn Alla biex isiru anġli fis-​smewwiet, il-​mejtin, inkluż Owen, jistennew fil-​qabar sakemm jasal il-​waqt li jqumu fl-​irxoxt.​—Koħèlet 9:​5, 10; Eżekjel 18:4.

Seħħet xi traġedja fil-​familja tiegħek? Bħal missier Owen, titħasseb int fejn jinsabu l-​maħbubin tiegħek li mietu u x’possibbiltà hemm li terġaʼ tarahom? Jekk iva, aħna nistidnuk biex tikkunsidra x’tgħallem iktar il-​Bibbja dwar l-​irxoxt. Forsi int tistaqsi: ‘Meta se jseħħ l-​irxoxt? Min eżattament se jibbenefika minnu?’ Jekk jogħġbok aqra l-​artikli li jmiss li se jiddiskutu dawn il-​mistoqsijiet u oħrajn.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​ktieb Mankind’s Search for God, paġni 150-4, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Stampa f’paġna 5]

Ġeħova uża lil Eliżew biex jirxoxta lill-​iben tal-​mara Sunamija

[Stampa f’paġna 5]

Elija talab lil Ġeħova biex jerġaʼ jagħti l-​ħajja lil wieħed tifel

[Stampa f’paġna 6]

Ġesù rxoxta lill-​iben taʼ l-​armla taʼ Najn

[Stampa f’paġna 7]

L-​irxoxt se jerġaʼ jgħaqqad lill-​qraba mal-​maħbubin tagħhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja