LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 5/15 pp. 26-30
  • L-Irxoxt—Huwa Reali Għalik?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Irxoxt—Huwa Reali Għalik?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Irxoxt—Ċertezza
  • Insibu l-​Faraġ fit-​Tama taʼ l-​Irxoxt
  • It-​Tama u l-​Ħajja Tiegħek Issa
  • It-Tama taʼ l-Irxoxt Hi Ċerta!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • L-Irxoxt—Tagħlim li Jeffettwak
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Il-Qawwa tat-Tama taʼ l-Irxoxt
    Qim lill-Uniku Alla Veru
  • It-Tama taʼ l-Irxoxt—Xi Tfisser Għalik?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 5/15 pp. 26-30

L-​Irxoxt​—Huwa Reali Għalik?

“Se jkun hemm irxoxt.”—ATTI 24:15.

1. Għala l-​mewt tidher li hija ħaġa ċerta?

“F’DIN id-​dinja xejn m’hu ċert ħlief il-​mewt u t-​taxxi.” Dan il-​kumment, miktub fl-​1789 minn Benjamin Franklin, politiku Amerikan, impressjona lil xi wħud. Madankollu, ħafna nies diżonesti jqarrqu bit-​taxxi. Il-​mewt hija iktar ċerta. Mingħajr għajnuna, ħadd minna ma jistaʼ jevitaha fl-​aħħar mill-​aħħar. Tiġri warajna lkoll. B’ġuħ li ma jaqtaʼ qatt, Xeol—il-​qabar komuni taʼ l-​umanità—jiblaʼ lil dawk li huma għeżież għalina. (Proverbji 27:20) Iżda kkunsidra ħsieb inkuraġġanti.

2, 3. (a) Il-mewt għala hija inqas ċerta milli jaħsbu ħafna wħud? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

2 Il-​Kelma taʼ Ġeħova tagħti t-​tama ċerta taʼ l-​irxoxt, li nerġgħu niġu mqajmin lura għall-​ħajja. Din m’hijiex sempliċi ħolma, u l-​ebda qawwa fl-​univers ma tistaʼ żżomm lil Ġeħova milli jagħmel din it-​tama realtà. Madankollu, ħafna wħud ma jirrealizzawx li għal xi wħud il-​mewt m’hijiex xi ħaġa daqstant ċerta. Għala? Minħabba li “folla kbira” li ma tistax tgħoddha se ssalva “mit-​tribulazzjoni l-​kbira” li ġejja dalwaqt. (Rivelazzjoni 7:​9, 10, 14) Huma se jibqgħu jgħixu wara bl-​eternità quddiemhom. Għalhekk, għalihom il-​mewt m’hijiex xi ħaġa li se tiġri żgur. Iktar minn hekk, “il-​mewt se tinġieb fix-​xejn.”—1 Korintin 15:26.

3 Aħna rridu nkunu ċerti mill-​irxoxt daqskemm kien l-​appostlu Pawlu li qal: “Se jkun hemm irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Ejja nikkunsidraw tliet mistoqsijiet dwar l-​irxoxt. L-​ewwel, x’jagħmel din it-​tama daqshekk ċerta? It-​tieni, kif tistaʼ tikseb il-​faraġ personalment minn din it-​tama? It-​tielet, din it-​tama kif tistaʼ teffettwa l-​ħajja tiegħek issa?

L-​Irxoxt—Ċertezza

4. L-​irxoxt kif inhu essenzjali għall-​iskop taʼ Ġeħova?

4 Hemm diversi fatturi li jagħmlu l-​irxoxt xi ħaġa ċerta. Fuq kollox, huwa essenzjali għall-​iskop taʼ Ġeħova. Ftakar, Satana daħħal lill-​umanità fid-​dnub, bil-​konsegwenza inevitabbli tiegħu, il-​mewt. Għalhekk, Ġesù qal dwar Satana: “Dan kien qattiel meta beda.” (Ġwanni 8:44) Imma Ġeħova wiegħed li l-​“mara” tiegħu, jew l-​organizzazzjoni tiegħu li hija bħala l-​mara tiegħu, kienet se tipproduċi “nisel” li kien se jisħaq ras “is-​serp oriġinali,” jiġifieri, jeqred lil Satana mill-​eżistenza. (Ġenesi 3:​1-6, 15; Rivelazzjoni 12:​9, 10; 20:10) Hekk kif Ġeħova bil-​mod il-​mod irrivela l-​iskop tiegħu li kien jinvolvi n-​Nisel Messjaniku, deher iktar biċ-​ċar li n-​Nisel kien se jagħmel iktar milli jeqred lil Satana. Il-​Kelma t’Alla tgħid: “Għalhekk intwera l-​Iben t’Alla, jiġifieri, biex ikisser l-​għemejjel tax-​Xitan.” (1 Ġwanni 3:8) Il-​mewt kaġunata mid-​dnub li writna minn Adam hija l-​iktar waħda mill-​għemejjel taʼ Satana li Ġeħova għandu l-​iskop li jelimina, jew li jkisser, permezz taʼ Ġesù Kristu. F’dan ir-​rigward, is-​sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ġesù u l-​irxoxt huma importanti ħafna.—Atti 2:​22-​24; Rumani 6:23.

5. L-​irxoxt għala se jigglorifika isem Ġeħova?

5 Ġeħova huwa determinat li jigglorifika lisem qaddis tiegħu. Satana mmalafama l-​isem t’Alla u ppromwova l-​gideb. B’gidba qal lil Adam u ’l Eva li ‘żgur ma kinux se jmutu’ jekk jieħdu mill-​frotta li Alla kien ipprojbixxa. (Ġenesi 2:​16, 17; 3:4) Minn dakinhar ’l hawn, Satana sawwar ħafna gideb, bħalma hu t-​tagħlim falz li r-​ruħ ma tmutx wara li jmut il-​ġisem. Madankollu, permezz taʼ l-​irxoxt, Ġeħova se jikxef il-​gideb kollu u juri kemm dan hu falz. Hu se jagħti prova darba għal dejjem li hu biss huwa l-​Wieħed li jippreserva u jagħti l-​ħajja.

6, 7. Ġeħova kif iħossu dwar li jerġaʼ jirxoxta lin-​nies, u kif nafu dwar is-​sentimenti tiegħu?

6 Hija l-​għaxqa taʼ Ġeħova li jwettaq l-​irxoxt. Il-​Bibbja turi ċar kif iħossu Ġeħova f’dan ir-​rigward. Per eżempju, ikkunsidra dan il-​kliem ispirat mir-​raġel leali Ġob: “Li kien jistaʼ bniedem imut u jerġaʼ għall-​ħajja, iż-​żmien kollu tas-​servizz tiegħi kont nissaporti sa ma jasal il-​waqt tal-​bidla tiegħi. Kont tgħajjatli u jiena nwieġbek, kont titgħaxxaq bl-​opra taʼ jdejk.” (Ġob 14:​14, 15) Dan il-​kliem xi jfisser?

7 Ġob kien jaf li wara li jmut, kien hemm jistennieh żmien li fih kien se jkun rieqed fil-​mewt. Hu kien iqis dan iż-​żmien bħala “servizz,” żmien li fih kien se jkun qed jistenna li jinħeles. Għalih, dan il-​ħelsien kien ċertezza. Ġob irrealizza li s-​serħan tiegħu kien se jiġi. Għala? Minħabba li hu kien jaf is-​sentimenti taʼ Ġeħova. Ġeħova kien se “jitgħaxxaq” li jerġaʼ jara l-​qaddejja leali tiegħu għal darb’oħra. Iva, Alla jixxennaq li jġib lura għall-​ħajja lil dawk kollha li huma ġusti. Ġeħova se jagħti wkoll l-​opportunità lil oħrajn li jgħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-​art. (Luqa 23:43; Ġwanni 5:​28, 29) Ladarba hija r-​rieda t’Alla li jwettaq l-​iskop tiegħu, min jistaʼ jwaqqfu?

8. Ġeħova kif “ta garanzija” għat-​tama tagħna għall-​futur?

8 It-​tama tagħna għall-​futur hija garantita mill-​irxoxt taʼ Ġesù. Meta Pawlu ta taħdita f’Ateni hu ddikjara: “[Alla] stabbilixxa jum li fih bi ħsiebu jiġġudika l-​art abitata fis-​sewwa permezz taʼ bniedem li ħatar, u ta garanzija lill-​bnedmin kollha billi rxoxtah mill-​imwiet.” (Atti 17:31) Xi wħud mill-​udjenza taʼ Pawlu waqqgħuh għaċ-​ċajt meta semgħu dwar l-​irxoxt. Madankollu, xi wħud saru kredenti. Forsi l-​ħsieb li din it-​tama hija garantita ġibdilhom l-​attenzjoni. Meta Ġeħova rxoxta lil Ġesù, Hu għamel wieħed mill-​akbar mirakli. Hu ġab lil Ibnu lura mill-​mewt għall-​ħajja bħala spirtu setgħan. (1 Pietru 3:18) Ġesù rxoxtat kien saħansitra akbar milli qatt kien qabel eżista bħala bniedem. Bħala persuna immortali u t-​tieni biss fil-​qawwa wara Ġeħova, Ġesù issa qiegħed f’pożizzjoni li jieħu kwalunkwe inkarigu meraviljuż minn Missieru. Ġesù huwa l-​mezz li bih Ġeħova jwettaq l-​irxoxt kollu​—għal ħajja fis-​sema u għal ħajja fuq l-​art. Ġesù nnifsu qal: “Jien l-​irxoxt u l-​ħajja.” (Ġwanni 5:25; 11:25) Billi rxoxta lil Ibnu, Ġeħova ta garanzija għal tamiet bħal dawn għal dawk kollha li huma leali.

9. Ir-​rakkonti tal-​Bibbja kif isaħħu r-​realtà taʼ l-​irxoxt?

9 L-​irxoxt twettaq quddiem ix-​xhieda u ġie mniżżel fil-​Kelma t’Alla. Ir-​rakkont Bibliku fih deskrizzjonijiet dettaljati taʼ tmien każijiet taʼ rxoxt taʼ nies li nġiebu lura għall-​ħajja bħala bnedmin fuq l-​art. Dawn il-​mirakli twettqu mhux fis-​sigriet imma bil-​miftuħ, ħafna drabi quddiem ix-​xhieda li raw b’għajnejhom stess. Ġesù rxoxta lil Lazzru, li kien ilu mejjet erbat ijiem, quddiem folla nies li kienu qed jibkuh—bla dubju taʼ xejn dawn kienu jinkludu l-​familja, il-​ħbieb, u l-​ġirien tar-​raġel. Din l-​evidenza li Ġesù ntbagħat minn Alla tant kienet qawwija li l-​għedewwa reliġjużi taʼ Ġesù qatt ma ċaħdu dak li ġara. Minflok, huma kkomplottaw li joqtlu mhux biss lil Ġesù imma wkoll lil Lazzru! (Ġwanni 11:​17-44, 53; 12:​9-11) Iva, nistgħu nkunu żguri li l-​irxoxt huwa ċertezza. Alla ħallielna bil-​miktub każijiet taʼ rxoxt sabiex ikun jistaʼ jfarraġna u jsaħħilna l-​fidi.

Insibu l-​Faraġ fit-​Tama taʼ l-​Irxoxt

10. X’se jgħinna niksbu faraġ mir-​rakkonti Bibliċi dwar l-​irxoxt?

10 Tixxennaq int għall-​faraġ mill-​mewt? Sors veru għall-​faraġ jistaʼ jinstab fir-​rakkonti Bibliċi dwar l-​irxoxt. Meta taqra dwar rakkonti bħal dawn, timmedita fuqhom, u ġġib quddiem għajnejk il-​ġrajjiet tistaʼ tagħmel it-​tama tiegħek iktar reali. (Rumani 15:4) Dawn m’humiex sempliċement stejjer. Dawn ġraw lil nies reali bħalna, li kienu jgħixu fi żmien reali u f’post reali. Ejja niffokaw ftit fuq eżempju minnhom—l-​ewwel irxoxt imniżżel fil-​Bibbja.

11, 12. (a) Liema traġedja laqtet lill-​armla taʼ Sarefta, u kif irreaġixxiet għall-​ewwel? (b) Iddeskrivi x’għamel Elija għall-​armla bil-​qawwa li tah Ġeħova.

11 Immaġina x-​xena. Il-​profeta Elija ilu joqgħod għand armla minn Sarefta għal xi ftit ġimgħat, jgħix f’għorfa fuq il-​bejt tagħha. Huwa żmien ikrah. Ir-​reġjun huwa milqut minn nixfa u ġuħ. Ħafna qed imutu. Ġeħova kien diġà uża lil Elija biex iwettaq miraklu li kien ilu għaddej għal ċertu tul taʼ żmien sabiex jippremja l-​fidi taʼ din l-​armla umli. Hi u binha kienu kważi spiċċaw bil-​ġuħ, kulma kellhom kien l-​aħħar ikla, meta Alla ta l-​qawwa lil Elija biex iwettaq miraklu sabiex il-​provvista taʼ dqiq u żejt tibqaʼ ma tispiċċax. Però issa tolqotha traġedja. Marda taħkem lit-​tifel tagħha, u f’daqqa waħda jieqaf jieħu n-​nifs. Kemm hi mnikkta l-​armla! Huwa diġà diffiċli biex tgħix mingħajr is-​saħħa u l-​appoġġ taʼ żewġha, imma issa tilfet lill-​uniku iben tagħha. Fin-​niket tagħha, hi saħansitra twaħħal f’Elija u f’Ġeħova, Alla tiegħu! X’kien se jagħmel il-​profeta?

12 Elija ma widdibhiex lill-​armla għall-​akkuża falza. Minflok, hu qal: “Agħtini lil ibnek.” Wara li ġarr lit-​tifel il-​mejjet lejn l-​għorfa, Elija talab ripetutament biex it-​tifel terġaʼ tingħatalu ħajtu lura. Fl-​aħħar, Ġeħova jaġixxi! Immaġina l-​ferħ fuq wiċċ Elija hekk kif ra t-​tifel jieħu nifsijiet qawwijin. Il-​kpiepel t’għajnejn it-​tifel jinfetħu, u għajnejh jibdew ileqqu bil-​ħajja. Elija jġib lit-​tifel għand ommu u jgħid: “Ara, ibnek ħaj.” Il-​ferħ tagħha lanqas jistaʼ jiġi deskritt. Hi tgħid: “Issa naf li int bniedem taʼ Alla, u l-​kelma tal-​Mulej fuq fommok hi s-​sewwa.” (1 Slaten 17:​8-24) Il-​fidi tagħha f’Ġeħova u r-​rappreżentant tiegħu hija iktar b’saħħitha minn qatt qabel.

13. Ir-​rakkont dwar meta Elija qajjem iben l-​armla għala huwa taʼ faraġ għalina llum?

13 Jekk timmedita fuq rakkonti bħal dawn żgur li se tikseb ħafna faraġ. Kemm hu ċar li Ġeħova huwa kapaċi jirbaħ lill-​għadu tagħna l-​mewt! Immaġina ftit il-​ġurnata meta l-​ferħ taʼ l-​armla jiġi esperjenzat minn eluf taʼ nies meta jseħħ l-​irxoxt ġenerali tal-​mejtin! Il-​ferħ fis-​sema se jkun kbir ukoll hekk kif Ġeħova jitgħaxxaq f’li jidderieġi lil Ibnu sabiex iwettaq l-​irxoxt fuq skala globali. (Ġwanni 5:​28, 29) Ħaditlek il-​mewt lil xi ħadd għażiż għalik? Kemm hu taʼ l-​għaġeb li tkun taf li Ġeħova jistaʼ u se jġib lill-​mejtin lura għall-​ħajja!

It-​Tama u l-​Ħajja Tiegħek Issa

14. It-​tama taʼ l-​irxoxt kif teffettwalek ħajtek?

14 Kif tistaʼ t-​tama taʼ l-​irxoxt teffettwa l-​mod kif tgħix issa? Int tistaʼ tissaħħaħ permezz taʼ din it-​tama meta tiffaċċja tbatijiet, sfidi, persekuzzjoni, jew periklu. Satana jridek tant tibżaʼ mill-​mewt li tkun lest li tpartat l-​integrità tiegħek maʼ xi wegħda fiergħa taʼ sigurtà. Ftakar li Satana qal lil Ġeħova: “Il-​bniedem jagħti kull ma jkollu għal ħajtu!” (Ġob 2:4) Meta għamel din l-​istqarrija, Satana mmalafama lilna lkoll, inkluż lilek. Huwa veru li int kieku tieqaf taqdi lil Alla jekk tiffaċċja periklu? Jekk taħseb fuq it-​tama taʼ l-​irxoxt, int tistaʼ tissoda d-​determinazzjoni tiegħek biex tibqaʼ tagħmel ir-​rieda taʼ Missierek tas-​sema.

15. Il-​kliem taʼ Ġesù mniżżel f’Mattew 10:28 kif jistaʼ jkun taʼ faraġ għalina meta niffaċċjaw xi periklu?

15 Ġesù qal: “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-​ġisem imma ma jistgħux joqtlu r-​ruħ; imma minflok ibżgħu minn dak li jistaʼ jeqred kemm ir-​ruħ u kemm il-​ġisem f’Geħenna.” (Mattew 10:28) M’għandniex għalfejn nibżgħu minn Satana u l-​aġenti umani tiegħu. Veru, xi wħud ikollhom il-​qawwa li jikkaġunaw il-​ħsara, saħansitra l-​mewt. Madankollu, l-​agħar affarijiet li jistgħu jagħmlu huma biss temporanji. Ġeħova jistaʼ, u hekk se jagħmel, ineħħi kwalunkwe ħsara li saret lill-​qaddejja leali tiegħu, saħansitra jirxoxtahom. Ġeħova biss jistħoqqlu l-​biżaʼ, ir-​riverenza u r-​rispett profond tagħna. Hu biss għandu l-​qawwa li jieħu l-​ħajja u l-​prospetti kollha għall-​ħajja fil-​futur, billi jeqred kemm lill-​ġisem u kemm lir-​ruħ f’Geħenna. B’ferħ, Ġeħova ma jixtieqx li jiġrilek hekk. (2 Pietru 3:9) Minħabba t-​tama taʼ l-​irxoxt, aħna bħala l-​qaddejja t’Alla nistgħu nkunu dejjem ċerti li ninsabu fis-​sigurtà. Il-​ħajja taʼ dejjem tkun quddiemna jekk kemm-il darba nibqgħu leali, u m’hemm xejn li Satana jew dawk li jappoġġawh jistgħu jagħmlu dwar dan.—Salm 118:6; Ebrej 13:6.

16. Il-​ħarsa tiegħek dwar l-​irxoxt kif teffettwa l-​mod kif tagħmel il-​prijoritajiet tiegħek?

16 Jekk it-​tama taʼ l-​irxoxt hija reali għalina din tistaʼ ssawwar l-​attitudni tagħna lejn il-​ħajja. Aħna nirrealizzaw li “kemm jekk ngħixu u kemm jekk immutu, aħna taʼ Ġeħova.” (Rumani 14:​7, 8) Meta nagħmlu l-​prijoritajiet aħna napplikaw il-​parir taʼ Pawlu: “Tibqgħux magħġunin skond din is-​sistema, imma inbidlu billi ġġeddu moħħkom, biex tagħtu prova lilkom infuskom dwar x’inhi r-​rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.” (Rumani 12:2) Ħafna nies jiġru b’mod sfrenat wara li jissodisfaw kull xewqa, kull ambizzjoni, u kull impuls. Minħabba li jqisu l-​ħajja bħala li hi qasira, huma jidhru daqslikieku qed jiġru b’mod iddisprat wara l-​pjaċiri, u jekk għandhom xi tip taʼ qima, din żgur m’hijiex fi qbil mar-​‘rieda perfetta t’Alla.’

17, 18. (a) Il-Kelma taʼ Ġeħova kif tirrikonoxxi l-​fatt li l-​ħajja umana hija qasira, imma Alla xi jrid għalina? (b) Aħna għala niġu mqanqlin biex infaħħru lil Ġeħova kuljum?

17 Veru, il-​ħajja hija qasira. ‘Malajr tgħaddi, u aħna mmorru magħha,’ forsi fi żmien 70 jew 80 sena. (Salm 90:10) Il-​bnedmin jiġu u jmorru bħall-​ħaxix, bħad-​dell li jgħaddi, bħan-​nifs. (Salm 103:15; 144:​3, 4) Imma Alla ma kellux l-​iskop li nqattgħu ftit għaxriet taʼ snin nikbru u niksbu l-​għerf u l-​esperjenza, biex imbagħad inqattgħu l-​għaxriet taʼ snin li jkun imiss niddeterjoraw u finalment nimirdu u mmutu. Ġeħova ħalaq lill-​bnedmin bix-​xewqa li jgħixu għal dejjem. Il-​Bibbja tgħid: “Poġġielhom f’qalbhom l-​eternità.” (Koħèlet 3:​11, NW) Huwa Alla krudil, billi l-​ewwel joħloq fina xewqa bħal din u mbagħad jagħmilhielna impossibbli biex inwettquha? Dażgur li le għax “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:8) Hu se juża l-​irxoxt sabiex ikun jistaʼ jagħmel il-​ħajja taʼ dejjem possibbli għan-​nies li mietu.

18 Grazzi għat-​tama taʼ l-​irxoxt, aħna jistaʼ jkollna futur sigur. M’għandniex għalfejn niġru b’mod sfrenat biex niżviluppaw il-​potenzjal kollu tagħna issa. M’għandniex għalfejn nużaw din id-​dinja li qed tmut “bis-​sħiħ.” (1 Korintin 7:​29-31; 1 Ġwanni 2:17) Kuntrarju għal dawk li m’għandhomx tama vera, aħna għandna r-​rigal meraviljuż taʼ li nafu li jekk nibqgħu leali lejn Alla Ġeħova se jkollna l-​eternità kollha biex infaħħruh u ngawdu l-​ħajja. Mela allura ejja nfaħħru lil Ġeħova kuljum, il-​wieħed li jagħmel it-​tama tagħna ċerta!

Int Kif Twieġeb?

• Kif għandna nħossuna dwar l-​irxoxt?

• Liema fatturi jagħmlu t-​tama taʼ l-​irxoxt xi ħaġa ċerta?

• Kif tistaʼ tikseb il-​faraġ mit-​tama taʼ l-​irxoxt?

• Liema effett jistaʼ jkollha t-​tama taʼ l-​irxoxt fuq il-​mod kif tgħix?

[Stampa f’paġna 28]

Ġob kien jaf li Ġeħova jixxennaq li jqajjem lil dawk li huma ġusti

[Stampa f’paġna 29]

“Ara, ibnek ħaj”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja