Tgħallem it-Triqat taʼ Ġeħova
“Għallimni triqatek, biex nagħrfek.”—EŻODU 33:13.
1, 2. (a) Mosè għala rreaġixxa kif irreaġixxa meta ra Eġizzjan jimmaltratta Ebrew? (b) Sabiex ikun addattat għas-servizz taʼ Ġeħova, Mosè x’kellu jitgħallem?
MOSÈ trabba fid-dar tal-Fargħun u ġie mgħallem l-għerf li kien tant stmat min-nobbli taʼ l-Eġittu. Madankollu, Mosè kien jaf li hu ma kienx Eġizzjan. Il-ġenituri tiegħu kienu Ebrej. Meta kellu 40 sena, hu mar biex jispezzjona lil ħutu, l-ulied taʼ Iżrael. Meta ra wieħed Eġizzjan jimmaltratta wieħed mill-Ebrej, Mosè ma kienx indifferenti. Hu qatel lill-Eġizzjan. Mosè ddeċieda li jżomm man-naħa tal-poplu taʼ Ġeħova u ħaseb li Alla kien qed jużah biex iġib ħelsien għal ħutu. (Atti 7:21-25; Ebrej 11:24, 25) Meta din il-ġrajja saret magħrufa, id-dar irjali taʼ l-Eġittu qieset lil Mosè bħala ribell, u kellu jaħrab biex isalva ħajtu. (Eżodu 2:11-15) Jekk Mosè kien se jintuża minn Alla, kellu jsir jaf iktar it-triqat taʼ Ġeħova. Kien Mosè se jkun lest jitgħallem?—Salm 25:9.
2 Għall-40 sena taʼ wara Mosè għex bħala eżiljat u ragħaj. Minflok ma ħalla lilu nnifsu jimtela bl-imrar għaliex ħutu l-Ebrej donnhom ma kinux japprezzawh, Mosè ssottometta ruħu għall-eżilju li Alla ppermetta. Għalkemm għaddew ħafna snin li fihom ma rċieva ebda rikonoxximent evidenti, Mosè ħalla lil Ġeħova jsawru. Ma kienx qed jitkellem minn jeddu, imma taħt l-influwenza taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla iktar tard hu kiteb: “Mosè kien bniedem umli, l-aktar umli fost il-bnedmin li hawn fuq wiċċ l-art.” (Numri 12:3) Ġeħova uża lil Mosè b’modi li jispikkaw. Jekk aħna wkoll infittxu li nkunu umli, Ġeħova se jberikna.—Sofonija 2:3.
Ngħata Inkarigu
3, 4. (a) Ġeħova liema inkarigu tah lil Mosè? (b) Mosè liema appoġġ ngħata?
3 Ġurnata minnhom anġlu li kien qed jirrappreżenta lil Ġeħova kellem lil Mosè ħdejn il-Muntanja Ħoreb fuq il-Peniżola tas-Sinaj. Lil Mosè ntqallu: “Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom. Issa nżilt biex neħlishom minn idejn l-Eġizzjani u biex intellagħhom minn dik l-art u neħodhom f’art tajba u wiesgħa, f’art tnixxi ħalib u għasel.” (Eżodu 3:2, 7, 8) F’dan ir-rigward, Alla kellu ħafna xogħol għal Mosè, imma kellu jsir bil-mod kif ried Ġeħova.
4 L-anġlu taʼ Ġeħova kompla: “Ejja, mela, ħa nibagħtek għand il-Fargħun biex toħroġ lil ulied Iżrael, il-poplu tiegħi, mill-Eġittu.” Mosè żamm daqsxejn lura. Ma ħassux kapaċi, u bl-abbiltajiet tiegħu biss ma kienx ikun kapaċi. Però, Ġeħova assigura lil Mosè: “Jiena nkun miegħek.” (Eżodu 3:10-12) Ġeħova ta lil Mosè l-qawwa biex ikun jistaʼ jagħmel sinjali mirakolużi li kienu se jservu taʼ kredenzjali biex jagħtu prova li hu tassew kien intbagħat minn Alla. Aron, ħu Mosè, kellu jmur miegħu bħala kelliemi. Ġeħova kien se jgħallimhom x’kellhom jgħidu u jagħmlu. (Eżodu 4:1-17) Kien Mosè se jwettaq l-inkarigu bil-lealtà?
5. L-attitudni taʼ l-Iżraelin għala kienet taʼ sfida għal Mosè?
5 Għall-ewwel, l-irġiel ixjeħ taʼ Iżrael emmnu lil Mosè u lil Aron. (Eżodu 4:29-31) Madankollu, “dawk taʼ fuq il-ħaddiema minn ulied Iżrael” malajr bdew jgħidu li kien minħabba Mosè u ħuh li l-Fargħun u l-qaddejja tiegħu ‘ma setgħux iġerrħuhom.’ (Eżodu 5:19-21; 6:9) Meta l-Iżraelin kienu qed jitilqu mill-Eġittu beżgħu meta raw il-karrijiet taʼ l-Eġizzjani ġejjin warajhom. Bil-Baħar l-Aħmar quddiemhom u l-karrijiet tal-gwerra warajhom, l-Iżraelin ħassewhom maqbudin f’nassa, u waħħlu f’Mosè. Int kieku kif kont tirreaġixxi? Għalkemm l-Iżraelin ma kellhomx dgħajjes, bid-direzzjoni taʼ Ġeħova, Mosè ħeġġeġ lin-nies biex jiġbru l-affarijiet kollha tagħhom u jkunu lesti biex jitilqu. Imbagħad Alla fired l-ilmijiet tal-Baħar l-Aħmar, u qiegħ il-baħar nixef sabiex setgħu jgħaddu l-Iżraelin.—Eżodu 14:1-22.
Kwistjoni Iktar Importanti mill-Ħelsien
6. Ġeħova x’enfasizza meta inkariga lil Mosè?
6 Meta Ġeħova ta l-inkarigu lil Mosè, hu enfasizza l-importanza taʼ l-isem divin. Rispett għal dak l-isem u għall-Wieħed li kien jirrappreżenta kien vitali. Meta Mosè staqsa dwar l-isem taʼ Ġeħova, hu qallu: “Jien se nuri li nkun dak li se nuri li nkun.” (NW) Iżjed minn hekk, Mosè kellu jgħid lil ulied Iżrael: “Jaħweh, Alla taʼ missirijietkom, Alla taʼ Abraham, Alla taʼ Iżakk, Alla taʼ Ġakobb, bagħatni għandkom.” Ġeħova kompla: “Dan ikun ismi għal dejjem u dan l-isem ifakkarkom fija minn nisel għal nisel.” (Eżodu 3:13-15) Ġeħova għadu l-isem li bih Alla hu magħruf mal-qaddejja tiegħu madwar id-dinja.—Isaija 12:4, 5; 43:10-12.
7. Alla x’ħeġġu jagħmel lil Mosè minkejja l-arroganza tal-Fargħun?
7 Meta dehru quddiem il-Fargħun, Mosè u Aron taw il-messaġġ tagħhom f’isem Ġeħova. Imma l-Fargħun b’arroganza qal: “Min hu [“Ġeħova,” NW], biex jien nismaʼ minn kliemu u nħalli lil Iżrael jitlaq? [“Ġeħova,” NW] ma nafx min hu, u ’l Iżrael ma nħallihx jitlaq.” (Eżodu 5:1, 2) Il-Fargħun wera li kellu qalbu iebsa u li kien qarrieq, madankollu Ġeħova ħeġġeġ lil Mosè biex jagħtih il-messaġġ darba wara l-oħra. (Eżodu 7:14-16, 20-23; 8:1, 2, 20) Mosè setaʼ jara li l-Fargħun kien qed jiddejjaq. Kien se joħroġ xi ġid jekk jerġaʼ jikkonfrontah? L-Iżraelin kienu qed jistennew il-ħelsien bil-ħerqa. Il-Fargħun ma kienx se jbiddel fehmtu. Int kieku x’kont tagħmel?
8. Liema benefiċċju ħareġ mill-mod kif Ġeħova ttratta s-sitwazzjoni li kienet tinvolvi lill-Fargħun, u dawn il-ġrajjiet kif għandhom jeffettwaw lilna?
8 Mosè reġaʼ tah messaġġ ieħor, billi qal: “Dan jgħid [“Ġeħova,” “NW”], Alla taʼ lGħebrej: ‘Itlaq lill-poplu tiegħi biex jagħtini qima.’” Alla qal ukoll: “Kieku s’issa middejt idi, u lqatt lilek u lill-poplu tiegħek bil-pesta, kont tkun diġà meqrud mill-art. Imma għalhekk jien ħallejtek tgħix, biex nurik il-qawwa tiegħi u ismi jixxandar maʼ l-art kollha.” (Eżodu 9:13-16) Minħabba dak li kien se jsir mill-Fargħun li kellu qalbu iebsa, l-iskop taʼ Ġeħova kien li juri l-qawwa tiegħu b’mod li kien se jservi bħala twissija għal dawk kollha li jisfidawh. Dan jinkludi lil Satana x-Xitan, dak li iktar tard Ġesù Kristu sejjaħlu “l-ħakkiem tad-dinja.” (Ġwanni 14:30; Rumani 9:17-24) Bħalma ġie mbassar, l-isem taʼ Ġeħova ġie dikjarat madwar id-dinja. Is-sabar fit-tul tiegħu wassal biex l-Iżraelin jiġu salvati u biex kotra kbira ngħaqdet magħhom f’li taqdi lilu. (Eżodu 9:20, 21; 12:37, 38) Minn dak iż-żmien ’l hawn, id-dikjarazzjoni taʼ l-isem taʼ Ġeħova kienet taʼ benefiċċju għal miljuni oħra li adottaw il-qima vera.
Kellu Jittratta maʼ Poplu Diffiċli
9. In-nies taʼ Mosè stess kif urew diżrispett lejn Ġeħova?
9 L-Ebrej kienu jafu l-isem divin. Mosè uża dan l-isem meta tkellem magħhom, imma mhux dejjem urew rispett xieraq għall-Wieħed li kien iġorr dan l-isem. Ftit wara li Ġeħova ħeles lill-Iżraelin mill-Eġittu b’mod mirakoluż, x’ġara meta ma setgħux isibu ilma għax-xorb mill-ewwel? Huma gergru kontra Mosè. Imbagħad ilmentaw kontra l-ikel. Mosè wissiehom li t-tgergir tagħhom ma kienx biss kontrih u Aron imma kontra Ġeħova. (Eżodu 15:22-24; 16:2-12) Ħdejn il-Muntanja Sinaj, Ġeħova ta l-Liġi lill-Iżraelin, u flimkien maʼ dan kien hemm wiri sopranaturali. Madankollu, b’diżubbidjenza n-nies għamlu għoġol tad-deheb għall-qima u stqarrew li kienu qed jagħmlu “festa lill-Mulej.”—Eżodu 32:1-9.
10. It-talba taʼ Mosè f’Eżodu 33:13 għala hi taʼ interess speċjalment għall-indokraturi Kristjani taʼ llum?
10 Mosè kif kien se jittratta maʼ poplu li Ġeħova stess qal li kien rasu iebsa? Mosè talab lil Ġeħova: “Jekk jien tassew sibt ħniena quddiemek, għallimni triqatek, biex nagħrfek u nsib ħniena quddiemek.” (Eżodu 33:13) L-indokraturi Kristjani taʼ llum li jieħdu ħsieb lix-Xhieda taʼ Ġeħova jirgħu merħla ħafna iktar umli. Madankollu, huma jitolbu bl-istess mod: “Triqatek, Mulej, għarrafni, il-mogħdijiet tiegħek għallimni.” (Salm 25:4) Għarfien dwar it-triqat taʼ Ġeħova jgħin lill-indokraturi jkampaw maʼ sitwazzjonijiet b’manjiera li hi fi qbil mal-Kelma t’Alla u li hi konsistenti mal-personalità tiegħu.
Dak li Ġeħova Jistenna mill-Poplu Tiegħu
11. Ġeħova liema prinċipji pprovda għal Mosè, u aħna għala interessati fihom?
11 Dak li Ġeħova stenna mill-poplu tiegħu ġie rivelat bil-fomm ħdejn il-Muntanja Sinaj. Iktar tard, Mosè rċieva żewġ twavel li fuqhom kien hemm miktub l-Għaxar Kmandamenti. X’ħin niżel minn fuq il-muntanja, hu ra lill-Iżraelin iqimu għoġol magħmul minn metall imdewweb u b’rabja kbira waddab it-twavel maʼ l-art, u dawn tfarrku. Ġeħova reġaʼ tah l-Għaxar Kmandamenti fuq twavel tal-ġebel li Mosè stess kellu jnaqqax. (Eżodu 32:19; 34:1) Dawn il-kmandamenti ma kinux inbidlu mill-ewwel darba li ngħataw. Mosè kellu jaġixxi fi qbil magħhom. Alla għamilha ċara lil Mosè x’tip taʼ persuna Hu, billi wera lil Mosè kif għandu jġib ruħu bħala r-rappreżentant taʼ Ġeħova. Il-Kristjani m’humiex taħt il-Liġi Mosajka, imma dak li Ġeħova qal lil Mosè fih ħafna prinċipji bażiċi li ma nbidlux u li għadhom japplikaw għal dawk kollha li jaqdu lil Ġeħova. (Rumani 6:14; 13:8-10) Ejja nikkunsidraw ftit minn dawn.
12. Il-fatt li Ġeħova ried devozzjoni esklużiva kif kellu jeffettwa lill-Iżraelin?
12 Agħti lil Ġeħova devozzjoni esklużiva. Il-ġens taʼ Iżrael kien preżenti meta Ġeħova ddikjara li hu jitlob devozzjoni esklużiva. (Eżodu 20:2-5) L-Iżraelin kienu raw abbundanza t’evidenza li Ġeħova hu l-Alla veru. (Dewteronomju 4:33-35) Ġeħova għamilha ċara li minkejja dak li kienu qed jagħmlu ġnus oħra, hu ma kien se jittollera ebda tip taʼ idolatrija jew spiritiżmu fost il-poplu tiegħu. Id-devozzjoni tagħhom lejh ma kellhiex tkun biss xi ritwal li kellhom isegwu. Ilkoll kemm huma kellhom iħobbu lil Ġeħova b’qalbhom kollha, b’ruħhom kollha, u b’saħħithom kollha. (Dewteronomju 6:5, 6) Dan kien se jinvolvi l-kliem u l-kondotta tagħhom—tabilħaqq, kull aspett taʼ ħajjithom. (Levitiku 20:27; 24:15, 16; 26:1) Ġesù Kristu wkoll għamilha ċara li Ġeħova jitlob devozzjoni esklużiva.—Marku 12:28-30; Luqa 4:8.
13. L-Iżraelin għala kellhom jobdu lil Alla b’mod assolut, u x’għandu jqanqal lilna biex nobduh? (Koħèlet 12:13)
13 Obdi l-kmandamenti taʼ Ġeħova b’mod assolut. In-nies taʼ Iżrael kellhom bżonn jiġu mfakkrin li meta daħlu f’relazzjoni taʼ patt maʼ Ġeħova, huma wiegħdu li kienu se jobduh b’mod assolut. Huma gawdew ħafna libertà persunali, imma fi kwistjonijiet li Ġeħova kien tahom kmandamenti, kellhom jobdu b’mod assolut. Jekk jagħmlu dan kienu se jagħtu evidenza taʼ l-imħabba tagħhom għal Alla u huma u nisilhom kienu se jibbenefikaw għax il-kmandamenti kollha taʼ Ġeħova kienu għall-ġid tagħhom stess.—Eżodu 19:5-8; Dewteronomju 5:27-33; 11:22, 23.
14. Alla kif enfasizza lill-Iżraelin l-importanza taʼ li jagħtu prijorità lill-affarijiet spiritwali?
14 Agħti prijorità lill-affarijiet spiritwali. Il-ġens taʼ Iżrael ma kellux juża tant enerġija u ħin biex jieħu ħsieb affarijiet fiżiċi biex imbagħad ma jkollux enerġija u ħin għall-attivitajiet spiritwali. Il-ħajjiet taʼ l-Iżraelin ma kellhomx ikunu dedikati biss għall-ġiri wara affarijiet tad-dinja. Ġeħova warrab ħin kull ġimgħa li kellu jkun sagru, ħin li kellu jintuża biss għall-attivitajiet li kellhom x’jaqsmu mal-qima taʼ l-Alla veru. (Eżodu 35:1-3; Numri 15:32-36) Kull sena, kellu jitwarrab iktar ħin għal konvenzjonijiet qaddisin speċifiċi. (Levitiku 23:4-44) Dawn kienu se jipprovdu opportunitajiet biex jiddiskutu l-atti kbar taʼ Ġeħova, biex jiġu mfakkrin dwar it-triqat tiegħu, u biex jesprimu gratitudni lejh għat-tajjeb kollu li għamel magħhom. Hekk kif in-nies esprimew id-devozzjoni tagħhom lejn Ġeħova, il-biżaʼ u l-imħabba tagħhom għal Alla kienu se jikbru u kienu se jiġu megħjunin jimxu fit-triqat tiegħu. (Dewteronomju 10:12, 13) Il-prinċipji siewja li jinsabu f’dawn l-istruzzjonijiet jibbenefikaw lill-qaddejja taʼ Ġeħova llum.—Ebrej 10:24, 25.
Għandna Napprezzaw il-Kwalitajiet taʼ Ġeħova
15. (a) Għala kien taʼ benefiċċju għal Mosè l-fatt li kien japprezza l-kwalitajiet taʼ Ġeħova? (b) Liema mistoqsijiet jistgħu jgħinuna naħsbu dwar kull waħda mill-kwalitajiet taʼ Ġeħova?
15 L-apprezzament għall-kwalitajiet taʼ Ġeħova kien se jgħin lil Mosè wkoll biex jittratta mal-poplu. Eżodu 34:5-7 jgħid li Alla għadda minn quddiem Mosè u qal: “Jaħweh! Jaħweh! Alla [“mimli ħniena u juri l-ħlewwa,” NW]; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà. Iħares it-tjieba għal elf ġenerazzjoni u jaħfer il-ħażen, id-dnub u l-ħtija; imma ma jħalli xejn għaddej; jikkastiga l-ħażen tal-missirijiet f’uliedhom u f’ulied uliedhom sat-tielet u r-rabaʼ ġenerazzjoni.” Ħu l-ħin biex timmedita fuq dawn il-versi. Staqsi lilek innifsek ‘Xi tfisser kull kwalità? Ġeħova kif wera din il-kwalità? L-indokraturi Kristjani kif jistgħu juruha? Din il-kwalità partikulari kif għandha tinfluwenza dak li kull wieħed u waħda minna nagħmlu?’ Ikkunsidra xi ftit eżempji.
16. Kif nistgħu nkabbru l-apprezzament tagħna għall-ħniena t’Alla, u għala hu importanti li nagħmlu dan?
16 Ġeħova hu “Alla [“mimli ħniena u juri l-ħlewwa,” NW].” Jekk għandek ix-xogħol taʼ referenza Insight on the Scriptures, għala ma taqrax dak li hemm miktub taħt “Mercy” (Ħniena)? Jew tagħmel ftit riċerka fuq dan is-suġġett bl-użu tal-Watch Tower Publications Index jew il-programm tal-kompjuter Watchtower Library (CD-ROM).a Uża konkordanza biex issib skritturi li jirreferu għall-ħniena. Int se tara li l-ħniena taʼ Ġeħova mhux biss juriha billi jnaqqas xi kastig kultant, imma tinkludi wkoll mogħdrija tenera. Din tqanqal lil Alla biex jieħu passi ħalli jġib serħan għall-poplu tiegħu. Bħala evidenza taʼ dan, Alla pprovda għall-Iżraelin kemm fiżikament u kemm spiritwalment waqt il-vjaġġ tagħhom lejn l-Art Imwiegħda. (Dewteronomju 1:30-33; 8:4) Ġeħova bil-ħniena ħafer meta saru xi żbalji. Hu wera ħniena mal-poplu tiegħu tal-qedem. Kemm iktar għandhom juru mogħdrija lil xulxin il-qaddejja tiegħu llum!—Mattew 9:13; 18:21-35.
17. Il-fatt li nifhmu x’inhi l-ħlewwa li juri Ġeħova kif jistaʼ jippromwovi l-qima vera?
17 Il-ħniena taʼ Ġeħova hi marbuta mal-ħlewwa. Jekk għandek dizzjunarju, aqra dak li hemm miktub taħt il-kelma “ħlewwa.” Qabbel dan maʼ skritturi li jitkellmu dwar Ġeħova bħala wieħed li juri l-ħlewwa. Il-Bibbja turi li l-ħlewwa li juri Ġeħova tinkludi tħassib kollu mħabba għal uħud żvantaġġati fost il-poplu tiegħu. (Eżodu 22:26, 27) Fi kwalunkwe pajjiż, uħud barranin, kif ukoll oħrajn forsi jsibu lilhom infushom f’sitwazzjoni diffiċli. Meta għallem lill-poplu tiegħu biex ikun imparzjali u biex juri l-qalb tajba maʼ dawn l-uħud, Ġeħova fakkarhom li huma wkoll kienu barranin—fl-Eġittu. (Dewteronomju 24:17-22) Xi ngħidu dwar il-poplu t’Alla llum? Meta nuru l-ħlewwa nkunu qed ngħinu biex ikun hemm l-għaqda u biex niġbdu oħrajn lejn il-qima taʼ Ġeħova.—Atti 10:34, 35; Rivelazzjoni 7:9, 10.
18. X’nitgħallmu mil-limitazzjonijiet li Ġeħova għallem lill-Iżraelin rigward id-drawwiet taʼ nies minn ġnus oħra?
18 Madankollu, tħassib mill-qalb għal nies minn pajjiżi oħra ma kellux jieħu post l-imħabba taʼ Iżrael għal Ġeħova u l-livelli morali tiegħu. B’hekk, l-Iżraelin ġew mgħallmin biex ma jadottawx id-drawwiet tal-ġnus taʼ madwarhom, u biex ma jimitawx id-drawwiet reliġjużi u l-ħajjiet immorali tagħhom. (Eżodu 34:11-16; Dewteronomju 7:1-4) Dan japplika wkoll għalina llum. Aħna għandna nkunu poplu qaddis, bħalma Alla tagħna, Ġeħova, hu qaddis.—1 Pietru 1:15, 16.
19. Il-poplu taʼ Ġeħova kif jistaʼ jkun protett jekk jifhem kif Ġeħova jħares lejn il-ħażen?
19 Sabiex Mosè jifhem it-triqat Tiegħu, Ġeħova għamilha ċara li għalkemm ma japprovax id-dnub, hu jdum biex jagħdab. Hu jħalli ż-żmien biex in-nies jitgħallmu dwar dak li hu jirrikjedi u biex iġibu ħajjithom fi qbil miegħu. Meta jkun hemm l-indiema, Ġeħova jaħfer id-dnub, imma ma jżommx lura kastig mistħoqq għan-nuqqas serju. Hu wissa lil Mosè li ġenerazzjonijiet fil-futur jistgħu jiġu effettwati, għat-tajjeb jew għall-ħażin, minn dak li għamlu l-Iżraelin. Il-fatt li jkollhom apprezzament għat-triqat taʼ Ġeħova jistaʼ jgħasses lill-poplu t’Alla milli jwaħħal f’Alla għal sitwazzjonijiet li jġib b’idejh jew milli jikkonkludi li hu jdum biex jieħu azzjoni.
20. X’jistaʼ jgħinna nittrattaw lil ħutna fit-twemmin u lil dawk li niltaqgħu magħhom fil-misteru tagħna b’mod xieraq? (Salm 86:11)
20 Jekk int tixtieq tkabbar l-għarfien tiegħek dwar Ġeħova u t-triqat tiegħu, kompli agħmel riċerka u immedita meta taqra l-Bibbja. Eżamina bir-reqqa d-diversi aspetti meraviljużi tal-personalità taʼ Ġeħova. Bit-talb ikkunsidra kif tistaʼ timita lil Alla u tbiddel ħajtek biex tkun iktar fi qbil maʼ l-iskop tiegħu. Dan se jgħinek tevita sitwazzjonijiet diffiċli, biex tittratta maʼ ħutek fit-twemmin b’mod xieraq, u biex tgħin lil oħrajn isiru jafu u jħobbu l-Alla meraviljuż tagħna.
[Nota taʼ taħt]
a Kollha pubblikati mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
X’Tgħallimt?
• Għala kien importanti għal Mosè li jkun umli, u għala huwa importanti għalina?
• X’ġid ħareġ mill-fatt li l-Fargħun ġie konfrontat kemm-il darba bil-kelma taʼ Ġeħova?
• Liema huma xi prinċipji li jispikkaw mgħallmin lil Mosè u li japplikaw għalina wkoll?
• Kif nistgħu nkabbru l-fehma tagħna dwar il-kwalitajiet taʼ Ġeħova?
[Stampa f’paġna 21]
Mosè bil-lealtà wassal il-kelma taʼ Ġeħova lill-Fargħun
[Stampa f’paġna 23]
Ġeħova ta l-kmandamenti tiegħu lil Mosè
[Stampa f’paġna 24]
Immedita fuq il-kwalitajiet taʼ Ġeħova