Il-Kelma taʼ Jehovah Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ l-Eżodu
DIN hija storja vera dwar il-ħelsien taʼ wħud li ġew imġagħlin “jaħdmu iebes.” (Eżodu 1:13) Huwa wkoll rakkont ħaj dwar it-twelid taʼ ġens. Mirakli taʼ l-għaġeb, leġislazzjoni mill-aqwa, u l-bini taʼ tabernaklu huma fost il-karatteristiċi affaxxinanti li nsibu fih. Bażikament, dawn huma r-rakkonti li nsibu fil-ktieb Bibliku taʼ l-Eżodu.
Il-profeta Lhudi Mosè kien il-wieħed li kiteb il-ktieb taʼ l-Eżodu, u fih naraw l-esperjenzi li għaddew minnhom l-Iżraelin f’perijodu taʼ 145 sena—mill-mewt taʼ Ġużeppi fl-1657 Q.E.K. sa ma tlesta t-tabernaklu fl-1512 Q.E.K. Madankollu, ir-rakkont huwa iktar minn sempliċement ġrajja li seħħet fl-istorja. Huwa parti mill-kelma, jew messaġġ, t’Alla għall-umanità, u għalhekk huwa ‘ħaj u qawwi.’ (Lhud 4:12) Għaldaqstant, il-ktieb taʼ l-Eżodu għandu tifsir veru għalina.
“ALLA SAMAʼ L-KRIB TAGĦHOM”
Id-dixxendenti taʼ Ġakobb li kienu joqogħdu l-Eġittu tant kibru malajr fin-numru li nħareġ mandat irjali biex isiru lsiera. Il-Fargħun saħansitra ħareġ digriet sabiex jinqatlu t-trabi subien Iżraelin kollha. Mosè, tarbija taʼ tliet xhur, irnexxielu jaħrab destin bħal dan meta ġie adottat mit-tifla tal-Fargħun. Għalkemm trabba mal-familja rjali, fl-età taʼ 40 sena Mosè żamm mal-poplu tiegħu u qatel Eġizzjan. (Atti 7:23, 24) Peress li kellu jaħrab, hu mar Midjan. Hemmhekk hu żżewweġ u għex bħala ragħaj. Ħdejn siġra li b’mod mirakoluż bdiet taqbad, Jehovah ordna lil Mosè sabiex imur lura lejn l-Eġittu u jeħles lill-Iżraelin mill-jasar. Aron, ħuh, ġie maħtur bħala l-kelliemi għal Mosè.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
3:1—Ġetro x’tip taʼ qassis kien? Fi żmien il-patrijarki, il-kap tal-familja kien jaqdi bħala qassis għall-familja tiegħu. Mid-dehra Ġetro kien il-kap patrijarkali taʼ xi tribù Midjanita. Ladarba l-Midjanin kienu d-dixxendenti t’Abraham minn Ketura, huma x’aktarx li kienu jafu dwar il-qima taʼ Jehovah.—Ġenesi 25:1, 2.
4:11—Jehovah f’liema sens “għamel l-imbikkem, it-trux, u l-agħma”? Għalkemm f’xi okkażjonijiet Jehovah ġiegħel lil xi wħud li jagħmew u jimmutaw, hu m’huwiex responsabbli għal kull każ taʼ diżabilità bħal dawn. (Ġenesi 19:11; Luqa 1:20-22, 62-64) Dawn huma r-riżultat tad-dnub li writna. (Ġob 14:4; Rumani 5:12) Madankollu, ladarba Alla ppermetta li din is-sitwazzjoni teżisti, hu jistaʼ jgħid dwaru nnifsu bħala li “għamel” il-mutu, it-trux, u l-agħma.
4:16—Mosè kif kellu ‘jkun taʼ Alla’ għal Aron? Mosè kien rappreżentant t’Alla. Għalhekk, Mosè qeda “taʼ Alla” għal Aron, li tkellem bħala rappreżentant għal Mosè.
Lezzjonijiet Għalina:
1:7, 14. Jehovah appoġġa lill-poplu tiegħu meta kien mgħakkes fl-Eġittu. Bl-istess mod, hu jsaħħaħ lix-Xhieda tiegħu llum, anki meta jiffaċċjaw persekuzzjoni ħarxa.
1:17-21. Jehovah jiftakarna “għat-tajjeb” tagħna.—Neħemija 13:31, NW.
3:7-10. Jehovah huwa sensittiv għall-krib tal-poplu tiegħu.
3:14, NW. Jehovah ma jonqosx li jwettaq l-iskopijiet tiegħu. Għalhekk, aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li t-tamiet tagħna bbażati fuq il-Bibbja se jagħmilhom realtà.
4:10, 13. Mosè tant wera nuqqas taʼ fiduċja fl-abbiltà tiegħu biex jitkellem li anki meta Alla stess aċċertah li kien se jkollu l-appoġġ tiegħu, hu talbu biex jibgħat lil ħaddieħor ikellem lill-Fargħun. Madankollu, Jehovah uża lil Mosè u tah l-għerf u s-saħħa li kellu bżonn sabiex iwettaq l-inkarigu tiegħu. Minflok ma noqogħdu niffokaw fuq il-limitazzjonijiet tagħna, jalla nistrieħu fuq Jehovah u nwettqu lealment l-inkarigu li għandna biex nippridkaw u ngħallmu.—Mattew 24:14; 28:19, 20.
MIRAKLI TAʼ L-GĦAĠEB ĠABU L-ĦELSIEN
Mosè u Aron dehru quddiem il-Fargħun u staqsewh biex iħalli lill-Iżraelin jiċċelebraw festa lil Jehovah fix-xagħri. Il-ħakkiem Eġizzjan irrifjuta b’arroganza. Jehovah uża lil Mosè biex iġib kastig qawwi wara l-ieħor. Kien biss wara l-għaxar kastig li l-Fargħun ħalla lill-Iżraelin jitilqu. Però, ftit wara hu u l-qawwiet militari tiegħu ħarġu jiġru kemm jifilħu għal warajhom. Imma Jehovah ipprovda rotta għal ħarba minn ġol-Baħar l-Aħmar u salva lill-poplu tiegħu. L-Eġizzjani li bdew isegwuhom għerqu hekk kif il-baħar reġaʼ lura għal fuqhom.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
6:3—Alla b’liema mod ma kienx għarraf ismu lil Abraham, Iżakk, u Ġakobb? Dawn il-patrijarki użaw l-isem divin u rċivew wegħdi mingħand Jehovah. Madankollu, huma la kienu jafu u lanqas kienu esperjenzaw kif Jehovah wettaq dawn il-wegħdi li kien wiegħed.—Ġenesi 12:1, 2; 15:7, 13-16; 26:24; 28:10-15.
7:1—Mosè kif kien qisu “Alla għall-Fargħun”? Mosè ngħata qawwa u awtorità divina fuq il-Fargħun. Għalhekk, ma kellux għalfejn jibżaʼ minn dak is-sultan.
7:22—Il-qassisin Eġizzjani minfejn kienu ġabuh l-ilma li ma kienx sar demm? Huma setgħu użaw ilma li kienu ġabu mix-Xmara Nil qabel ma seħħ dan il-kastig. Mid-dehra, ilma li ma kienx effettwat minn dan il-kastig setaʼ jittieħed ukoll billi jħaffru bjar fil-ħamrija umduża madwar ix-Xmara Nil.—Eżodu 7:24.
8:22, 23 (8:26, 27, NW)—Mosè għal liema raġuni qal li s-sagrifiċċji taʼ l-Iżraelin kienu se ‘jistkerrhuhom l-Eġizzjani’? Fl-Eġittu kienu jiġu meqjumin ħafna annimali differenti. Il-fatt li Mosè semma s-sagrifiċċji saħħaħ u ta iktar raġuni għall-insistenza tiegħu li l-Iżraelin kellhom jitħallew jitilqu u jagħmlu sagrifiċċji għal Jehovah.
12:29—Min kien meqjus bħala l-ewwel imwieled? L-ewwel imwieled inkluda biss lis-subien. (Numri 3:40-51) Il-Fargħun, li hu nnifsu kien l-ewwel imwieled, ma nqatilx. Hu kellu l-familja tiegħu. Ma kienx il-kap tal-familja li miet minħabba l-għaxar kastig imma l-ewwel tifel imwieled.
12:40—L-Iżraelin kemm damu jgħixu fl-Eġittu? L-430 sena li huma msemmijin hawnhekk jinkludu ż-żmien li wlied Iżrael qattgħu “fl-art taʼ l-Eġittu u fl-art taʼ Kangħan.”a Fl-1943 Q.E.K, meta Abraham kellu 75 sena, hu qasam ix-Xmara Ewfrat fi triqtu lejn Kangħan. (Ġenesi 12:4) Bejn dakinhar u ż-żmien li Ġakobb daħal fl-Eġittu fl-età taʼ 130 sena kienu għaddew 215-il sena. (Ġenesi 21:5; 25:26; 47:9) Dan kien ifisser li wara dan, l-Iżraelin qattgħu perijodu ndaqs taʼ 215-il sena fl-Eġittu.
15:8—Kienu l-ilmijiet tal-Baħar l-Aħmar letteralment friżati meta “għaqdu”? Il-verb Lhudi li ġie tradott bħala “għaqdu” jfisser inxtorob jew ibbies. F’Ġob 10:10, l-espressjoni tintuża dwar ħalib li għaqad. Għalhekk, l-ilmijiet li għaqdu ma jfissirx neċessarjament li ffriżaw, jew saru silġ. Li kieku r-“riħ qawwi mil-lvant” li jissemma f’Eżodu 14:21 kien daqstant kiesaħ li ffriża l-ilmijiet, żgur li kien ikun hemm referenza għall-kesħa estrema li kien hemm. Ladarba ma kien hemm xejn li kien jidher li qed iżomm l-ilmijiet, dawn dehru li kienu għaqdu, jew ibbiesu.
Lezzjonijiet Għalina:
7:14–12:30. L-Għaxar Kastigi ma kinux sempliċement kumbinazzjonijiet. Dawn tbassru u seħħew eżatt kif intqal. Kemm urew ċar il-kontroll sħiħ li l-Ħallieq għandu fuq l-ilma, id-dawl tax-xemx, l-insetti, l-annimali, u l-bnedmin! Il-kastigi juru wkoll li Alla jistaʼ jagħżel li jġib il-ħsara fuq l-għedewwa tiegħu filwaqt li jipproteġi lill-aduraturi tiegħu.
11:2; 12:36. Jehovah ibierek lill-poplu tiegħu. Mid-dehra hu għamel ċert li l-Iżraelin jitħallsu għax-xogħol li għamlu ġewwa l-Eġittu. Huma daħlu l-Eġittu bħala nies ħielsa u mhux bħala priġunieri tal-gwerra sabiex isiru lsiera.
14:30. Nistgħu nkunu żguri li Jehovah se jeħles lill-aduraturi tiegħu mit-tribulazzjoni kbira li ġejja.—Mattew 24:20-22; Apokalissi 7:9, 14.
JEHOVAH JORGANIZZA ĠENS TEOKRATIKU
Fit-tielet xahar wara li nħelsu mill-Eġittu, l-Iżraelin waqqfu t-tined tagħhom biswit il-Muntanja Sinaj. Hemmhekk huma rċivew l-Għaxar Kmandamenti u liġijiet oħrajn, daħlu f’patt maʼ Jehovah, u saru ġens teokratiku. Mosè qattaʼ 40 ġurnata fuq il-muntanja, u rċieva istruzzjonijiet rigward il-qima vera u l-bini tat-tabernaklu taʼ Jehovah, tempju li setaʼ jinġarr. Sadanittant, l-Iżraelin għamlu għoġol tad-deheb u bdew iqimuh. Meta niżel minn fuq il-muntanja, Mosè ra dan kollu u tant irrabja li kisser iż-żewġ twavel tal-ġebel li kien tah Alla. Wara li ngħata kastig xieraq lil dawk li kienu għamlu l-ħażin, Mosè reġaʼ telaʼ l-muntanja u rċieva par twavel oħra. Meta Mosè ġie lura, inbeda l-bini tat-tabernaklu. Sa l-aħħar taʼ l-ewwel sena minn meta l-Iżraelin inħelsu, din it-tinda meraviljuża u t-tagħmir kollu tagħha tlestew u twaqqfu. Imbagħad Jehovah jimla t-tinda bil-glorja tiegħu.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
20:5—Jehovah kif ‘ipatti l-ħażen tal-missirijiet’ fuq ġenerazzjonijiet futuri? Meta individwu jsir adult, hu jkun ġudikat fuq il-bażi tal-kondotta u l-attitudni tiegħu stess. Imma meta l-ġens taʼ Iżrael dar għall-idolatrija, hu sofra l-konsegwenzi matul il-ġenerazzjonijiet taʼ wara. Anki l-Iżraelin leali ħassew l-effetti tagħha għax huma sabuha diffiċli biex iżommu l-integrità minħabba d-delinkwenza reliġjuża tal-ġens.
23:19; 34:26—X’kien ifisser il-kmand li ma setgħux jgħallu gidi f’ħalib ommu? Milli jidher, parti mir-ritwali pagani kienet li jgħallu gidi (il-ferħ taʼ mogħża jew annimal ieħor) fil-ħalib t’ommu għax kienu jaħsbu li permezz t’hekk kienet tinżel ix-xita. Iktar minn hekk, ladarba l-ħalib taʼ l-omm qiegħed biex isostni liż-żgħar tagħha, jekk xi ħadd jgħalli l-wild tagħha fih ikun qed jagħmel att taʼ krudeltà. Din il-liġi għenet lill-poplu t’Alla jara li għandu juri l-mogħdrija.
23:20-23 (NW)—Min kien l-anġlu msemmi hawnhekk, u isem Jehovah kif kien “ġewwa fih”? X’aktarx li dan l-anġlu kien Ġesù meta kien għadu jgħix fis-sema. Hu kien intuża biex imexxi lill-Iżraelin fi triqithom lejn l-Art Imwiegħda. (1 Korintin 10:1-4) Isem Jehovah qiegħed “ġewwa fih” fis-sens li Ġesù huwa l-iktar wieħed li jappoġġa u jqaddes isem Missieru.
32:1-8, 25-35—Aron għala ma kienx kastigat talli għamel l-għoġol tad-deheb? Aron ma kienx jaqbel maʼ l-idolatrija li saret. Iktar tard, milli jidher hu ngħaqad maʼ sħabu l-Leviti meta żammew man-naħa t’Alla kontra dawk li opponew lil Mosè. Wara li dawk li kienu ħatja nqatlu, Mosè fakkar lin-nies li huma kienu dinbu serjament, u dan jindika li kien hemm oħrajn minbarra Aron li ġew murijin il-ħniena taʼ Jehovah.
33:11, 20—Alla kif kien jitkellem “wiċċ imbwiċċ” maʼ Mosè? Din l-espressjoni turi li kien hemm konversazzjoni mill-qrib bejniethom. Mosè tkellem mar-rappreżentant t’Alla u rċieva istruzzjonijiet bil-fomm minn Jehovah permezz tiegħu. Imma Mosè ma rax lil Jehovah, ladarba ‘ebda bniedem ma [jistaʼ] jara ’l Alla u jibqaʼ ħaj.’ Fil-fatt, Jehovah ma kellimx personalment lil Mosè. Galatin 3:19 juri li l-Liġi “kienet imxandra mill-anġli permezz taʼ medjatur.”
Lezzjonijiet Għalina:
15:25; 16:12. Jehovah jipprovdi għall-poplu tiegħu.
18:21. L-irġiel li jintgħażlu biex ikollhom pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà fil-kongregazzjoni Kristjana jridu jkunu wkoll kapaċi, jibżgħu minn Alla, taʼ min jafdahom, u mingħajr egoiżmu.
20:1–23:33. Jehovah hu l-aqwa Leġislatur. Meta l-Iżraelin obdew il-liġijiet tiegħu, huma setgħu jqimuh bl-ordni u bil-ferħ. Jehovah għandu organizzazzjoni teokratika llum. Jekk nikkooperaw magħha se jkollna l-hena u s-sigurtà.
Tifsir Veru Għalina
Il-ktieb taʼ l-Eżodu x’jurina dwar Jehovah? Dan jippreżentah bħala Dak li jipprovdi bi mħabba, il-Ħellies li ma jistaʼ jitqabbel maʼ ħadd, u Dak li jwettaq l-iskopijiet tiegħu. Hu Alla t’organizzazzjoni teokratika.
Hekk kif tkun qed tagħmel il-qari tal-Bibbja taʼ kull ġimgħa bħala preparazzjoni għall-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, bla ebda dubju int se titqanqal profondament minn dak li se titgħallem mill-ktieb taʼ l-Eżodu. Meta tikkunsidra dak li hemm miktub fis-sezzjoni “Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin,” int se jkollok iktar dehen fuq ċerti partijiet mill-Iskrittura. Il-kummenti fis-sottitlu “Lezzjonijiet Għalina” se juruk kif tistaʼ tibbenefika mill-qari tal-Bibbja taʼ kull ġimgħa.
[Nota taʼ taħt]
a Il-Pentatewku Samaritan, is-Settanta, u Ġużeppi Flavju juru li l-430 sena jingħaddu minn meta Abraham daħal fl-art taʼ Kangħan sa meta l-Iżraelin ħarġu mill-Eġittu.
[Stampa f’paġna 24 , 25]
Jehovah ordna lir-raġel umli Mosè sabiex jeħles lill-Iżraelin mill-jasar
[Stampa f’paġna 25]
L-Għaxar Kmandamenti wrew ċar il-kontroll sħiħ li l-Ħallieq għandu fuq l-ilma, id-dawl tax-xemx, l-insetti, l-annimali, u l-bnedmin
[Stampa f’paġna 26 , 27]
Permezz taʼ Mosè, Jehovah organizza lill-Iżraelin f’ġens teokratiku