LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 4/15 pp. 8-12
  • Qed tara “lil Dak li hu inviżibbli”?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Qed tara “lil Dak li hu inviżibbli”?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • HU “MA BEŻAX MIR-​RABJA TAS-​SULTAN”
  • HU KELLU FIDI FIL-​WEGĦDI T’ALLA
  • “GĦADDEW MILL-​BAĦAR L-​AĦMAR”
  • Imita l-fidi taʼ Mosè
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Tgħallem it-Triqat taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Mosè—Raġel taʼ Fidi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Alla Jeħles lil Ulied Israel
    Il-Bibbja—X’Inhu l-Messaġġ Tagħha?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 4/15 pp. 8-12
1. Iżraelin iroxxu d-​demm fuq id-​daħla taʼ bieb; 2. Mosè qed iħares fiss bħallikieku qed jara lil Dak li hu inviżibbli; 3. Omm Eġizzjana qed iżżomm lil binha li hu mejjet

Qed tara “lil Dak li hu inviżibbli”?

“Baqaʼ sod bħallikieku qed jara lil Dak li hu inviżibbli.”​—EBR. 11:27.

IL-​FATT LI TARA “LIL DAK LI HU INVIŻIBBLI” KIF . . .

  • jipproteġik mill-​biżaʼ tal-​bniedem?

  • jimmotivak biex ikollok sehem sħiħ fil-​ministeru tal-​għalqa?

  • jgħinek iżżomm sod waqt it-​tribulazzjoni l-​kbira?

1, 2. (a) Spjega għala Mosè deher li kien fil-​periklu. (Ara l-​ewwel stampa.) (b) Mosè għala ma beżax mir-​rabja tas-​sultan?

IL-​Fargħun kien ħakkiem setgħan, u l-​Eġizzjani qimuh bħala alla. Ktieb dwar il-​ħakma tal-​Eġittu jgħid li għall-​Eġizzjani, hu kien akbar minn kwalunkwe ħliqa oħra fuq l-​art “fl-​għerf u fil-​qawwa.” (When Egypt Ruled the East) Il-​Fargħun ried li l-​Eġizzjani jibżgħu minnu, allura kien jilbes kuruna bix-​xbieha taʼ kobra lesta biex tattakka. Din ix-​xbieha kienet tfakkira li l-​għedewwa tas-​sultan malajr kienu se jinqerdu. Mela immaġina kif ħassu Mosè meta Ġeħova qallu: “Ħalli nibagħtek għand il-​Fargħun, u toħroġ il-​poplu tiegħi wlied Israel mill-​Eġittu.”​—Eżo. 3:10.

2 Mosè mar l-​Eġittu, ħabbar il-​messaġġ t’Alla, u ġibed fuqu l-​qilla tal-​Fargħun. Wara li l-​Eġittu kien milqut minn disaʼ kastigi, il-​Fargħun wissa lil Mosè: “Tipprovax terġaʼ tara ’l wiċċi, għaliex dakinhar li tara ’l wiċċi tmut.” (Eżo. 10:28) Qabel ma Mosè telaq minn quddiem il-​Fargħun, hu pprofetizza li l-​ewwel iben imwieled tas-​sultan kien se jmut. (Eżo. 11:4-​8) Fl-​aħħar, Mosè qal lil kull familja Iżraelija biex joqtlu ħaruf min-​nagħaġ jew mill-​mogħoż—annimal sagru għall-​alla Eġizzjan Ra—u biex iroxxu d-​demm tiegħu fuq id-​daħla tal-​bieb tagħhom. (Eżo. 12:5-​7) Il-​Fargħun kif kien se jirreaġixxi? Mosè ma beżax. Għala le? Bil-​fidi hu obda lil Ġeħova, “ma beżax mir-​rabja tas-​sultan, imma baqaʼ sod bħallikieku qed jara lil Dak li hu inviżibbli.”​—Aqra Ebrej 11:27, 28.

3. X’se neżaminaw dwar il-​fidi taʼ Mosè f’“Dak li hu inviżibbli”?

3 Hija l-​fidi tiegħek tant b’saħħitha li bħallikieku tistaʼ ‘tara lil Alla’? (Mt. 5:8) Biex insaħħu l-​fidi tagħna ħalli nkunu nistgħu naraw “lil Dak li hu inviżibbli,” ejja nikkunsidraw l-​eżempju taʼ Mosè. Il-​fidi tiegħu f’Ġeħova kif ipproteġietu mill-​biżaʼ tal-​bniedem? Kif wera li verament kien jemmen fil-​wegħdi t’Alla? U l-​abbiltà taʼ Mosè li jara “lil Dak li hu inviżibbli” kif saħħitu meta hu u l-​poplu tiegħu kienu fil-​periklu?

HU “MA BEŻAX MIR-​RABJA TAS-​SULTAN”

4. Meta Mosè deher quddiem il-​Fargħun, dawk bla fidi x’għandhom mnejn ħasbu?

4 Dawk bla fidi għandhom mnejn ħasbu li Mosè ma setax iħabbatha mal-​Fargħun setgħan. Il-​ħajja u l-​futur taʼ Mosè donnhom kienu f’idejn il-​Fargħun. Mosè nnifsu kien staqsa lil Ġeħova: “Jien min jien biex immur għand il-​Fargħun u noħroġ lil ulied Israel mill-​Eġittu?” (Eżo. 3:11) Xi 40 sena qabel, Mosè kien ħarab mill-​Eġittu. Hu forsi ħaseb, ‘Huwa verament għaqli li mmur lura l-​Eġittu u nissogra li nqanqal ir-​rabja tas-​sultan?’

5, 6. X’għen lil Mosè jibżaʼ minn Ġeħova, u mhux mill-​Fargħun?

5 Alla għallem lil Mosè lezzjoni importanti qabel ma mar lura l-​Eġittu. Mosè iktar tard kiteb dwar din il-​lezzjoni fil-​ktieb taʼ Ġob: “Il-​biżaʼ taʼ Ġeħova—dak hu l-​għerf.” (Ġob 28:28) Biex jgħin lil Mosè jkollu biżaʼ xieraq u jaġixxi b’mod għaqli, Ġeħova qabbel lill-​bnedmin miegħu nnifsu, l-​Alla li Jistaʼ Kollox. Hu staqsa: “Min għamel fomm il-​bniedem jew min jagħmel li xi ħadd ikun mutu jew trux jew jara ċar jew agħma? Mhux jien, Ġeħova?”​—Eżo. 4:11.

6 X’kienet il-​lezzjoni? Mosè ma kellux għalfejn jibżaʼ. Hu kien intbagħat minn Ġeħova, li kien se jagħti lil Mosè kulma kellu bżonn biex iwassal il-​messaġġ t’Alla lill-​Fargħun. Barra minn dan, il-​Fargħun ma kienx iħabbatha maʼ Ġeħova. Wara kollox, din ma kinitx l-​ewwel darba li l-​qaddejja t’Alla kienu fil-​periklu taħt il-​ħakma tal-​Eġizzjani. Forsi Mosè mmedita fuq kif Ġeħova kien ipproteġa lil Abraham, lil Ġużeppi, u saħansitra lilu nnifsu matul il-​ħakma taʼ Fargħunijiet tal-​passat. (Ġen. 12:17-​19; 41:14, 39-​41; Eżo. 1:22–2:10) B’fidi f’Ġeħova, “Dak li hu inviżibbli,” Mosè b’kuraġġ deher quddiem il-​Fargħun u qallu kull kelma li Ġeħova kien ikkmandah biex jgħid.

7. Il-​fidi f’Ġeħova kif ipproteġiet lil waħda oħt?

7 Il-​fidi f’Ġeħova bl-​istess mod ipproteġiet lil oħt jisimha Ella milli ċċedi għall-​biżaʼ mill-​bniedem. Fl-​1949, Ella ġiet arrestata fl-​Estonja mill-​KGB, ġiet imneżżgħa, u mbagħad il-​pulizija żgħażagħ qagħdu jiċċassaw lejha. “Ħassejtni umiljata,” qalet hi. “Però, wara li tlabt lil Ġeħova, f’qalbi ħassejt paċi u trankwillità.” Imbagħad, Ella tħalliet waħedha f’ċella żgħira u mudlama għal tlett ijiem. Hi tirrakkonta: “Il-​fizzjali għajtu: ‘Aħna se naraw li saħansitra l-​isem Ġeħova ma jibqax jissemma fl-​Estonja! Int sejra f’kamp, u l-​oħrajn sejrin is-​Siberja!’ Bit-​tmaqdir, komplew jgħidu, ‘Fejn hu Ġeħova tiegħek?’” Kienet Ella se tibżaʼ mill-​bniedem jew minn Ġeħova? Meta interrogawha, hi tkellmet bla biżaʼ, u qalet lil dawk li maqdruha: “Ħsibt ħafna dwar dan, u nippreferi ngħix il-​ħabs bir-​relazzjoni tiegħi m’Alla soda milli nkun ħielsa u nitlef l-​approvazzjoni tiegħu.” Għal Ella, Ġeħova kien reali daqskemm kienu l-​irġiel li kienu weqfin quddiemha. Hi baqgħet leali lejn Ġeħova minħabba l-​fidi li kellha fih.

8, 9. (a) X’għandek bżonn biex ma tibżax mill-​bniedem? (b) Jekk titħajjar iċċedi għall-​biżaʼ mill-​bniedem, x’għandek iżżomm ċar f’moħħok?

8 Il-​fidi f’Ġeħova se tgħinek tegħleb il-​biżaʼ tiegħek. Jekk fizzjali setgħanin jipprovaw iwaqqfuk milli tqim lil Alla, forsi jkun jidher li l-​ħajja u l-​futur tiegħek qegħdin f’idejn umani. Għandek mnejn saħansitra taħseb jekk hux għaqli li tkompli taqdi lil Ġeħova u tqanqal ir-​rabja tal-​awtoritajiet. Ftakar: Biex ma tibżax mill-​bniedem għandek bżonn fidi f’Alla. (Aqra Proverbji 29:25.) Ġeħova jistaqsi: “Min int biex tibżaʼ minn bniedem mortali li se jmut, u minn bin il-​bniedem li jintgħamel bħall-​ħaxix aħdar?”​—Is. 51:12, 13.

9 Żomm lil Missierek li jistaʼ kollox ċar f’moħħok. Hu jara lil dawk li jbatu minħabba ħakkiema inġusti, iħoss għalihom, u jaġixxi għall-​ġid tagħhom. (Eżo. 3:7-​10) Anki jekk ikollok tiddefendi l-​fidi tiegħek quddiem fizzjali setgħanin, ‘tkunx ansjuż dwar x’se tgħid jew kif se tgħidu; għax dak li għandek tgħid se jingħatalek dak il-​ħin.’ (Mt. 10:18-​20) Ħakkiema umani u uffiċjali tal-​gvern ma jistgħux iħabbtuha maʼ Ġeħova. Billi ssaħħaħ il-​fidi tiegħek issa, tistaʼ tara lil Ġeħova bħala Persuna reali, xi ħadd li hu ħerqan biex jgħinek.

HU KELLU FIDI FIL-​WEGĦDI T’ALLA

10. (a) Ġeħova liema istruzzjonijiet ta lill-​Iżraelin fix-​xahar taʼ Nisan tas-​sena 1513 QEK? (b) Mosè għala obda l-​istruzzjonijiet t’Alla?

10 Fix-​xahar taʼ Nisan tas-​sena 1513 QEK, Ġeħova qal lil Mosè u Aron biex jagħtu lill-​Iżraelin dawn l-​istruzzjonijiet li dehru strambi: Agħżlu ħaruf f’saħħtu tan-​nagħaġ jew tal-​mogħoż, oqtluh, u roxxu d-​demm tiegħu fuq id-​daħla tal-​bieb tagħkom. (Eżo. 12:3-​7) Mosè kif wieġeb? L-​appostlu Pawlu iktar tard kiteb hekk dwaru: “Bil-​fidi ċċelebra l-​Qbiż u t-​traxxix tad-​demm, biex il-​qerried ma jmissilhomx lill-​ewwel imweldin.” (Ebr. 11:28) Mosè kien jaf li Ġeħova hu taʼ min jafdah, u kellu fidi li l-​ewwel imweldin kollha fost l-​ulied subien fl-​Eġittu kienu se jmutu.

11. Mosè għala wissa lil oħrajn?

11 Mosè kien iħobb lill-​bnedmin sħabu. Hu b’ubbidjenza wissa lill-​familji Iżraelin l-​oħrajn li l-​ewwel imweldin tagħhom kienu fil-​periklu, avolja l-​ulied taʼ Mosè milli jidher kienu f’Midjan, ’il bogħod u protetti. (Eżo. 18:1-​6) Biex isalvalhom ħajjithom mill-​“qerried,” Mosè “minnufih sejjaħ lix-​xjuħ kollha taʼ Israel u qalilhom: . . . ‘Oqtlu l-​vittma tal-​Qbiż.’”​—Eżo. 12:21.a

12. Ġeħova liema messaġġ importanti qalilna biex nippritkaw?

12 Bl-​għajnuna tal-​anġli, il-​poplu taʼ Ġeħova qed iħabbar dan il-​messaġġ importanti: “Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja, għax waslet is-​siegħa biex jagħmel il-​ġudizzju, u għalhekk qimu lil Dak li għamel is-​sema u l-​art u l-​baħar u l-​għejun taʼ l-​ilmijiet.” (Riv. 14:7) Issa hu ż-​żmien li nippritkaw dan il-​messaġġ. Irridu nwissu lill-​ġirien tagħna biex joħorġu minn Babilonja l-​Kbira, ħalli ma ‘jirċivux parti mill-​kastigi tagħha.’ (Riv. 18:4) Kristjani midlukin, bl-​għajnuna tan-​“nagħaġ oħrajn,” jitolbu lin-​nies bil-​ħrara biex isiru ħbieb m’Alla.​—Ġw. 10:16; 2 Kor. 5:20.

Waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova qed tlesti biex toħroġ tipprietka hekk kif timmaġina l-​anġli jżommu lura l-​irjieħ qerrieda

Jekk ikollok fidi f’Ġeħova, ix-​xewqa tiegħek biex tipprietka l-​aħbar tajba se tikber (Ara paragrafu 13)

13. X’se jgħinek tkabbar ix-​xewqa tiegħek biex tipprietka l-​aħbar tajba?

13 Aħna konvinti li “s-​siegħa biex jagħmel il-​ġudizzju” waslet. Fiduċjużi wkoll li Ġeħova m’esaġerax l-​urġenza tax-​xogħol tagħna tal-​ippritkar u taʼ li nagħmlu dixxipli. F’viżjoni, l-​appostlu Ġwanni ra “erbaʼ anġli weqfin fl-​erbaʼ rokniet taʼ l-​art, iżommu sew l-​erbat irjieħ taʼ l-​art.” (Riv. 7:1) Bil-​fidi, qed tara lil dawn l-​anġli lesti biex jitilqu l-​irjieħ qerrieda tat-​tribulazzjoni l-​kbira fuq din id-​dinja? Jekk tara lil dawn l-​anġli bl-​għajnejn tal-​fidi, m’intix se żżomm lura milli tipprietka l-​aħbar tajba.

14. Xi jqanqalna biex ‘inwissu lill-​ħażin dwar triqtu l-​ħażina’?

14 Il-​Kristjani veri diġà jgawdu ħbiberija maʼ Ġeħova u tama taʼ ħajja eterna. Però, aħna nirrikonoxxu li għandna r-​responsabbiltà li ‘nwissu lill-​ħażin dwar triqtu l-​ħażina biex inżommuh ħaj.’ (Aqra Eżekjel 3:17-​19.) M’għandniex xi ngħidu, ma nippritkawx sempliċement biex ma nkunux ħatjin tad-​demm. Aħna nħobbu lil Ġeħova u nħobbu lill-​proxxmu tagħna. Fit-​tixbiha tiegħu tas-​Samaritan, Ġesù għallimna xi jfisser verament li nuru mħabba u ħniena. Forsi nistaqsu lilna nfusna, ‘Jien bħas-​Samaritan jew bħall-​qassis u l-​Levita? Dejjem inkun lest biex nagħti xhieda, jew inġib l-​iskużi biex ma nippritkax lil oħrajn?’ (Lq. 10:25-​37) Fidi fil-​wegħdi t’Alla u mħabba għall-​proxxmu se jqanqluna biex ikollna sehem sħiħ fil-​ministeru qabel ma jkun tard wisq.

“GĦADDEW MILL-​BAĦAR L-​AĦMAR”

15. L-​Iżraelin għala ħassewhom maqbudin f’nassa?

15 Il-​fidi taʼ Mosè f’“Dak li hu inviżibbli” għenitu meta l-​Iżraelin kienu fil-​periklu wara li telqu mill-​Eġittu. Il-​Bibbja tgħid: “Ulied Israel refgħu għajnejhom, u, ara, l-​Eġizzjani kienu ġejjin warajhom; u wlied Israel beżgħu mhux ftit u bdew jgħajtu lil Ġeħova.” (Eżo. 14:10-​12) L-​Iżraelin imisshom stennew din is-​sitwazzjoni għax Ġeħova kien bassar: “Se nħalli lill-​Fargħun iwebbes qalbu, u hu jitlaq għal warajhom u jien nikseb il-​glorja għalija permezz tal-​Fargħun u l-​qawwiet militari kollha tiegħu; u l-​Eġizzjani żgur li se jkunu jafu li jien Ġeħova.” (Eżo. 14:4) Minkejja t-​twissija taʼ Ġeħova, l-​Iżraelin ma kellhomx fidi. Bdew jaraw biss il-​Baħar l-​Aħmar jagħlqilhom it-​triq quddiemhom, il-​karrijiet tal-​gwerra tal-​Fargħun resqin bil-​ħeffa warajhom, u ragħaj taʼ 80 sena jmexxihom! Ħassewhom maqbudin f’nassa.

16. Il-​fidi kif saħħet lil Mosè ħdejn il-​Baħar l-​Aħmar?

16 Madankollu, Mosè ma beżax. Għala le? Għax l-​għajnejn tal-​fidi tiegħu raw xi ħaġa ħafna iktar setgħana minn baħar jew armata. Hu setaʼ ‘jara kif Ġeħova kien se jsalvahom,’ u kien jaf li Ġeħova kien se jiġġieled għall-​Iżraelin. (Aqra Eżodu 14:13, 14.) Il-​fidi taʼ Mosè saħħet u inkuraġġiet lill-​poplu t’Alla. “Bil-​fidi għaddew mill-​Baħar l-​Aħmar qisu fuq art niexfa,” tgħid il-​Bibbja, “imma malli l-​Eġizzjani ssograw jgħaddu, inbelgħu.” (Ebr. 11:29) Għalhekk, “in-​nies bdew jibżgħu minn Ġeħova u jpoġġu l-​fidi f’Ġeħova u f’Mosè l-​qaddej tiegħu.”​—Eżo. 14:31.

17. Liema ġrajja fil-​futur se tgħaddi l-​fidi tagħna minn prova?

17 Dalwaqt, il-​ħajja tagħna se tkun tidher li hi fil-​periklu. Sal-​quċċata tat-​tribulazzjoni l-​kbira, il-​gvernijiet taʼ din id-​dinja se jkunu qerdu għalkollox organizzazzjonijiet reliġjużi li kienu ħafna iktar b’saħħithom minn tagħna. (Riv. 17:16) Fi profezija, Ġeħova jgħid li aħna se nkunu bla difiża bħal ‘pajjiż li jinsab f’kampanja miftuħa mingħajr swar, staneg, u bibien.’ (Eżek. 38:10-​12, 14-​16) Bl-​għajnejn fiżiċi tagħna se jkun jidher li hu impossibbli li nsalvaw. Int kif se tirreaġixxi?

18. Spjega għala nistgħu nżommu sod matul it-​tribulazzjoni l-​kbira.

18 M’għandniex għalfejn nibżgħu. Għala le? Għax Ġeħova bassar dan l-​attakk fuq il-​poplu tiegħu. Hu bassar ukoll li kien se jsalvahom. “‘Irid iseħħ f’dak il-​jum, fil-​jum meta Gog jidħol fuq l-​art taʼ Israel,’ hija l-​kelma tal-​Mulej Sovran Ġeħova, ‘li l-​korla tiegħi titlaʼ fi mnieħri. U fil-​ħeġġa tiegħi, fin-​nar tal-​qilla tiegħi, se jkolli nitkellem.’” (Eżek. 38:18-​23) Alla mbagħad se jeqred lil dawk kollha li jridu jweġġgħu lill-​poplu tiegħu. Jekk għandek fidi li Ġeħova se jipproteġik matul “il-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova, jum li jqanqal il-​biżaʼ,” se tkun tistaʼ ‘tara kif Ġeħova se jsalvak’ u żżomm sod.​—Ġoel 2:31, 32.

19. (a) Kif kienet ir-​relazzjoni bejn Ġeħova u Mosè? (b) Jekk tobdi lil Ġeħova “fil-​mogħdijiet tiegħek kollha,” liema barkiet se jkollok?

19 Ipprepara issa għal dawn il-​ġrajjiet eċċitanti billi ‘tibqaʼ sod bħallikieku qed tara lil Dak li hu inviżibbli’! Saħħaħ il-​ħbiberija tiegħek m’Alla Ġeħova permezz taʼ studju u talb regulari. Mosè tant kellu ħbiberija mill-​qrib maʼ Ġeħova u ntuża minnu b’mod tant setgħan li l-​Bibbja tgħid li Ġeħova kien jaf lil Mosè “wiċċ imbwiċċ.” (Dt. 34:10) Mosè kien profeta straordinarju. Jekk għandek il-​fidi, anki int jistaʼ jkollok ħbiberija tant mill-​qrib maʼ Ġeħova li se jkun bħallikieku tistaʼ tarah verament. Jekk tobdih “fil-​mogħdijiet tiegħek kollha,” kif tinkuraġġik tagħmel il-​Kelma t’Alla, “hu jiddrittalek triqatek.”​—Prov. 3:6.

a Ġeħova bagħat lill-​anġli biex joqtlu l-​ewwel imweldin tal-​Eġizzjani.—Salm 78:49-​51.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja