Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Poplu Onest Iġib Tifħir lil Ġeħova
MADWAR id-dinja, ix-Xhieda taʼ Ġeħova—kbar u żgħar—huma magħrufin għall-onestà tagħhom. Ikkunsidra dawn l-eżempji minn tliet kontinenti.
Ġurnata waħda, Olusola, li għandha sbatax-il sena u li toqgħod in-Niġerja, sabet kartiera fl-art fi triqitha lura d-dar mill-iskola. Ħaditha għand is-surmast, u meta għadd il-flus dawn ammontaw għal ₦6,200 (xi Lm15). Is-surmast ta lkartiera lura lill-għalliem li kien tilifha. L-għalliem ta ₦1,000 (ftit iktar minn Lm2) lil Olusola, bħala apprezzament, u qalilha biex bihom tħallas l-istudji taʼ l-iskola. Meta l-istudenti l-oħra semgħu x’kien ġara, huma bdew iwaqqgħu għaċ-ċajt lil Olusola. Ftit ġimgħat wara, student irrapporta li flusu ġew misruqin, u għalhekk l-għalliema ġew mitluba jfittxu għand l-istudenti kollha. “Int oqgħod hawn,” qal l-għalliem lil Olusola. “Jien naf li int bħala Xhud taʼ Ġeħova, ma tistax tisraq.” Il-flus instabu għand tnejn mis-subien li kienu waqqgħu għaċ-ċajt lil Olusola, u dawn ġew kastigati bl-aħrax. Olusola tikteb: “Verament ferħana li jien magħrufa bħala waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, li qatt ma jisirqu, u għalhekk tingħata glorja lil Ġeħova.”
Darba minnhom, wara li ħareġ mid-dar, Marcelo mill-Arġentina, sab bagalja fl-art xi ftit metri ’l bogħod mill-bieb taʼ wara tad-dar tiegħu. Wara li daħħalha fid-dar, fetaħha bil-mod maʼ martu. B’sorpriża, sabu somma kbira fi flus kontanti, credit cards, u xi ċekkijiet iffirmati, wieħed minnhom taʼ miljun pesos (kważi Lm108,000). Fuq irċivuta, huma sabu numru tat-telefon. Huma ċemplu lill-proprjetarju u rranġaw ħalli jieħdu l-bagalja lura, b’dak li kien fiha, fuq il-post tax-xogħol taʼ Marcelo. Meta l-proprjetarju wasal, hu deher inkwetat. Is-sid qallu biex jikkalma għaliex Marcelo kien wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Il-proprjetarju ta biss 20 pesos (xi Lm1.72ċ) lil Marcelo biex jirringrazzjah talli sab il-bagalja. Is-sid irrabja ferm minħabba dan għaliex kien verament impressjonat bl-onestà taʼ Marcelo. Permezz t’hekk, Marcelo kellu l-opportunità biex jispjega li bħala Xhud taʼ Ġeħova jrid ikun dejjem onest.
L-esperjenza li jmiss ġejja mill-Kyrgyzstan. Rinat, tifel taʼ sitt snin, sab portmoni li kien taʼ mara toqgħod viċin tiegħu. Il-portmoni kien fih 1,100 som (xi Lm7). Meta Rinat ta lura l-portmoni mitluf lill-mara, hi għaddet il-flus u informat lil omm Rinat li sabet 200 som (xi Lm2) neqsin. Rinat qalilha li l-flus ma kienx ħadhom hu. Wara ħarġu jfittxu l-flus neqsin u sabuhom viċin il-post fejn instab il-portmoni. Il-mara baqgħet skantata. Hi rringrazzjat lil Rinat u lil ommu, l-ewwelnett minħabba li ta lura l-flus mitlufin u t-tieninett, għall-mod kif ġie mrobbi bħala Kristjan.