Meta Jkun Hemm Nuqqas taʼ Qbil fiż-Żwieġ
EBDA raġel jew mara miżżewġa li jkollha moħħha f’loku ma tieħu pjaċir b’nuqqas taʼ qbil fiż-żwieġ, imma dan huwa xi ħaġa tassew komuni. Ġeneralment, xi ħadd minnhom jgħid xi ħaġa li tniggeż lill-persuna l-oħra. Jibdew jgħollu leħinhom, jirrabjaw, u jispiċċa jqum argument jaħraq bi kliem li jweġġaʼ. Imbagħad ikun hemm silenzju kbir, u t-tnejn b’ras iebsa jirrifjutaw li jkellmu lil xulxin. Maż-żmien, ir-rabja tonqos u ssir apoloġija miż-żewġ naħat. Il-paċi terġaʼ tinkiseb—għallinqas sa l-argument li jkun imiss.
L-argumenti fiż-żwieġ huma suġġett prinċipali taʼ ċajt u stejjer bla għadd fi programmi tat-televixin, imma r-realtà xejn m’hija tad-daħq. Tabilħaqq, qawl Bibliku jgħid: “[I]t-tlablib jinfed bħal sejf.” (Qwiel 12:18, Saydon) Iva, il-kliem aħrax jistaʼ jħalli wġigħ emozzjonali li jibqaʼ jinħass sa ħafna wara li l-argument ikun spiċċa. L-argumenti jistgħu saħansitra jwasslu għall-vjolenza.—Eżodu 21:18.
M’għandniex xi ngħidu, minħabba limperfezzjoni tal-bniedem, il-problemi fiż-żwieġ kultant ma jistgħux jiġu evitati. (Ġenesi 3:16; 1 Korintin 7:28) Xorta waħda, argumenti spissi u ħorox m’għandhomx jittieħdu bħala li huma xi ħaġa normali. L-esperti nnotaw li argumenti spissi jżidu ċ-ċans li koppja tispiċċa tiddivorzja. Għalhekk, hu vitali li int u l-parti l-oħra fiż-żwieġ tieħdu ħsieb in-nuqqas taʼ qbil b’mod paċifiku.
Neżaminaw is-Sitwazzjoni
Jekk fiż-żwieġ tiegħek jinqalgħu ħafna argumenti, ipprova iddetermina għala qed jiżviluppa dan in-nuqqas taʼ qbil. Ġeneralment, x’jiġri meta jkollkom nuqqas taʼ qbil dwar xi kwistjoni? Titilfu malajr il-kontroll fuq il-konversazzjoni u tispiċċaw toffendu u takkużaw lil xulxin? Jekk inhu hekk, x’tistgħu tagħmlu?
L-ewwelnett, onestament ara kif int individwalment tistaʼ tkun qed tkabbar il-problema. Tiġi provokat malajr? Int minnek taqbad targumenta? X’tgħid dwarek il-parti l-oħra taż-żwieġ f’dan ir-rigward? Huwa importanti li tikkunsidra din l-aħħar mistoqsija, għaliex it-tnejn li intom jistaʼ jkollkom opinjonijiet differenti dwar xi jfisser li individwu jkollu tendenza li jargumenta.
Per eżempju, ejja ngħidu li l-parti l-oħra għandha t-tendenza li tkun riservata, waqt li int tgħid l-affarijiet kif tħosshom u temozzjona ruħek biex tesprimi lilek innifsek. Għandek mnejn tgħid: “Fit-trobbija tiegħi, fil-familja tiegħi kulħadd kien jitkellem b’dan il-mod. B’daqshekk mhux qed nargumenta!” U forsi għalik ma jkunx argument. Imma jistaʼ jkun li dak li int tarah bħala kliem bla kantunieri, ikun iweġġaʼ lis-sieħeb jew lis-sieħba tiegħek u jidher bħala kliem taʼ ġlied. Jekk iżżomm f’moħħok li int u l-parti l-oħra fiż-żwieġ għandkom modi differenti kif tikkomunikaw, tistaʼ tevita li tiġi mifhum ħażin.
Ftakar ukoll li l-argumenti mhux dejjem jinvolvu l-għajjat. Pawlu kiteb lill-Kristjani: “Ħa jitwarrab minnkom kull . . . twerżiq u tagħjir.” (Efesin 4:31) It-“twerżiq” jirreferi għal meta xi ħadd jgħolli leħnu, filwaqt li t-“tagħjir” jirreferi għal dak li trid twassal bi kliemek. Jekk inħarsu lejha b’dan il-mod, anki kliem minn taħt l-ilsien jistaʼ jkun argumentattiv jekk ikun iniggeż jew ibaxxi lil dak li jkun.
Żomm f’moħħok dak li għadna kif semmejna, u erġaʼ eżamina kif taġixxi meta jkollok nuqqas taʼ qbil fiż-żwieġ. Għandek it-tendenza li targumenta? Bħalma rajna, it-tweġiba vera għal din il-mistoqsija tiddependi ħafna minn kif tarak il-parti l-oħra. Minflok ma tqis il-ħarsa tal-parti l-oħra bħala li hi sensittiva żżejjed, ipprova ħares lejk innifsek kif tarak hi, u agħmel l-aġġustamenti fejn hemm bżonn. Pawlu kiteb: “Ħalli ħadd ma jibqaʼ jfittex dak li jaqbel lilu, imma dak li jaqbel lil ħaddieħor.”—1 Korintin 10:24.
“Oqogħdu Attenti Kif Tisimgħu”
Aspett ieħor taʼ kif għandna nieħdu ħsieb in-nuqqas taʼ qbil jinsab fil-kliem taʼ Ġesù: “Oqogħdu attenti kif tisimgħu.” (Luqa 8:18) Veru, Ġesù ma kienx qed jitkellem dwar il-komunikazzjoni fiż-żwieġ. Minkejja dan, il-prinċipju xorta japplika. Kemm tismagħha sew lill-parti l-oħra? Fuq kollox, tkun qed tagħti kas? Jew taqbad u tinterrompi billi toffri soluzzjoni taʼ malajr għall-problemi li għadek lanqas biss fhimt sew x’inhuma? “Min iwieġeb qabel ma jismaʼ, bluha jagħmel u mistħija jkollu,” tgħid il-Bibbja. (Proverbji 18:13) Meta jqum argument, allura, int u l-parti l-oħra tridu titkellmu dwar il-kwistjoni u tisimgħu lil xulxin sew.
Minflok ma tnaqqas l-importanza tal-ħarsa li jkollha l-parti l-oħra, stinka biex ‘tħoss’ għaliha. (1 Pietru 3:8) Fil-Grieg oriġinali, din il-kelma bażikament tfisser li tbati mal-persuna l-oħra. Jekk is-sieħeb jew is-sieħba tiegħek hija mnikkta dwar xi ħaġa, int ukoll għandek tħoss is-sentimenti tiegħu. Stinka biex tħares lejn il-kwistjoni mill-ħarsa tiegħu jew tagħha.
Jidher ċar li r-raġel twajjeb Iżakk hekk għamel. Il-Bibbja tgħidilna li martu Rebekka kienet ansjuża ferm minħabba kwistjoni familjari dwar binha Ġakobb. “Iddejjaqt minn ħajti minħabba l-bniet taʼ Ħet,” qalet hi lil Iżakk. “Jekk Ġakobb jiżżewweġ xi waħda mill-bniet taʼ Ħet bħal dawn, xi mara minn din l-art, xi tkun tiswieli ħajti?”—Ġenesi 27:46.
Veru, minħabba l-ansjetà, Rebekka probabbilment għamlithom bi kbar. Wara kollox, tassew kienet iddejqet minn ħajjitha? Kienet letteralment tippreferi tmut jekk binha jiżżewweġ waħda mill-bniet taʼ Ħet? Probabbilment le. Xorta waħda, Iżakk ma ħasibx li Rebekka kienet qed tagħmilhom bi kbar. Minflok, Iżakk ra li Rebekka kellha raġun tinkwieta, u aġixxa fi qbil maʼ dan. (Ġenesi 28:1) Agħmel l-istess id-darba li jmiss meta s-sieħeb jew is-sieħba tiegħek tkun ansjuża dwar xi ħaġa. Minflok ma tinjoraha qisu ma ġara xejn, ismaʼ lill-parti l-oħra, irrispetta l-ħarsa tiegħu jew tagħha, u wieġeb b’mogħdrija.
Is-Smigħ u d-Dehen
Proverbju Bibliku jgħid: “Bniedem bil-għaqal idum ma jagħdab, hu ġieħ għalih jagħlaq għajnejh għall-offiża.” (Proverbji 19:11) F’nofs argument jaħraq, hu tassew faċli li tirreaġixxi bla kontroll għal kull kelma iebsa li tgħid il-parti l-oħra. Però, ġeneralment, dan iservi biss biex l-argument ikompli jikber. Għalhekk, meta tismaʼ, kun determinat li tismaʼ mhux biss il-kliem li jingħad imma wkoll is-sentimenti li hemm wara dak il-kliem. Dan id-dehen se jgħinek tinsa l-affarijiet li jkunu dejquk personalment u tasal fl-għeruq tal-problema.
Per eżempju, ejja ngħidu li martek tgħidlek, “Int qatt ma tqattaʼ daqsxejn ħin miegħi!” Tistaʼ ma tiħux pjaċir bil-kumment u tiċħad dak il-kliem billi tgħid xi ħaġa kiesaħ u biered. Tistaʼ twieġeb, “Qattajt ġurnata sħiħa miegħek ix-xahar li għadda!” Imma jekk toqgħod attent kif tismaʼ, tistaʼ tinduna li fil-fatt martek mhux qed titolbok għal iktar minuti jew sigħat. Minflok, jistaʼ jkun li qed titolbok tiżguraha, li hi qed tħossha mwarrba u mhux maħbuba.
Issa ejja ngħidu li int il-mara, u żewġek jurik li jħossu inkwetat dwar xi ħaġa li għadek kif xtrajt. “Kif infaqt daqshekk flus?” jistaqsik bi stagħġib. Int għandek mnejn mingħajr ma taħsibha tiddefendi ruħek billi ssemmilu kif inhuma l-finanzi tal-familja jew billi tqabbel dak li xtrajt int maʼ xi ħaġa li jkun xtara hu. Però, id-dehen se jgħinek tara li żewġek mhux qed jitkellem sempliċement dwar in-nefqa. Minflok, hu jistaʼ jħossu mifxul minħabba li tħalla barra fid-deċiżjoni meta xtrajt xi ħaġa li tiswa iktar mis-soltu.
M’għandniex xi ngħidu, kull koppja għandha modi differenti kif tiddeċiedi kemm għandha tqattaʼ ħin flimkien u kif għandhom jinxtraw l-affarijiet. Il-punt hu li meta l-kwistjoni taqlaʼ xi ġlieda, id-dehen se jnaqqaslek ir-rabja u se jgħinek tifhem il-kwistjoni vera li hemm involuta. Minflok ma tirreaġixxi skond dak li tħoss dak il-ħin, segwi t-twissija tal-kittieb Bibliku Ġakbu biex tkun ‘ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem, tqil biex tinkorla.’—Ġakbu 1:19.
Meta mbagħad titkellem, ftakar li l-mod kif tkellem lill-parti l-oħra hu importanti. Il-Bibbja tgħid li “lsien l-għorrief idewwi.” (Proverbji 12:18) Meta int u l-parti l-oħra fiż-żwieġ tispiċċaw ma taqblux fuq xi ħaġa, kliemek iweġġaʼ jew idewwi? Joħloq ostakli, jew jiftaħ it-triq biex isolvi l-problema? Kif diġà rajna, ir-rabja u t-tweġibiet spontanji jġibu biss il-ġlied.—Proverbji 29:22.
Jekk nuqqas taʼ qbil jispiċċa fi ġlieda bil-kliem, agħmel iktar sforz biex iżżomm mal-kwistjoni prinċipali. Iffoka fuq il-kaġun tal-problema, mhux fuq l-individwu. Kun iktar konċernat dwar x’inhu tajjeb u mhux min qed jgħid it-tajjeb. Oqgħod attent li kliemek ma jżidx ir-rabja fl-argument. Il-Bibbja tgħid: “Kelma iebsa tqajjem l-għadab.” (Proverbji 15:1) Iva, dak li tgħid u kif tgħidu jistaʼ jeffettwa jekk il-parti l-oħra tikkooperax jew le.
Ipprova Solvi, Mhux Tirbaħ
Meta nittrattaw maʼ nuqqas taʼ qbil, il-mira tagħna hi li nsolvu l-kwistjoni u mhux li nieħdu r-raġun. Kif tistaʼ ssib soluzzjoni? L-iktar mod li bih tistaʼ tirnexxi hu billi tfittex il-pariri Bibliċi u tapplikahom, u l-irġiel miżżewġin b’mod speċjali għandhom jieħdu din l-inizjattiva. Minflok ma tkun ħafif biex tesprimi opinjonijiet qawwija dwar il-kwistjonijiet jew il-problemi li jkollkom, għala ma tarahomx mill-ħarsa taʼ Ġeħova? Itlob, u fittex il-paċi t’Alla li se tgħassislek qalbek u l-qawwiet mentali tiegħek. (Efesin 6:18; Filippin 4:6, 7) Agħmel kull sforz biex tfittex l-interess persunali mhux tiegħek biss imma anki tas-sieħeb jew is-sieħba tiegħek.—Filippin 2:4.
Xi ħaġa li ġeneralment iġġiegħel is-sitwazzjoni tmur għall-agħar hi li tħalli s-sentimenti taʼ wġigħ u l-emozzjonijiet mhux kontrollati jinfluwenzaw il-ħsibijiet u l-azzjonijiet tiegħek. Mill-banda l-oħra, jekk tkun lest li tħalli l-parir tal-Kelma t’Alla jaġġustak, se jkollok il-paċi, il-ftehim, u l-barka taʼ Ġeħova. (2 Korintin 13:11) Għalhekk, ħallu “l-għerf li ġej minn fuq” jiggwidakom, uru kwalitajiet divini, u aħsdu l-benefiċċji bħala wħud “li qegħdin iġibu l-paċi.”—Ġakbu 3:17, 18.
Fil-fatt, kulħadd għandu jitgħallem ikampa man-nuqqas taʼ qbil b’mod paċifiku, anki jekk dan ifisser li tissagrifika preferenzi persunali. (1 Korintin 6:7) Tabilħaqq, applika l-parir taʼ Pawlu biex twarrab ‘il-korla, ir-rabja, il-ħażen, it-tagħjir, u l-kliem oxxen minn fommok . . . Inżaʼ l-personalità l-qadima bid-drawwiet tagħha, u ilbes il-personalità l-ġdida.’—Kolossin 3:8-10.
M’għandniex xi ngħidu, kultant se tgħid xi ħaġa li wara se jiddispjaċik li tkun għedtha. (Ġakbu 3:8) Meta jiġri hekk, itlob maħfra lis-sieħeb jew lis-sieħba tiegħek. Kompli agħmel sforz. Maż-żmien, int u l-parti l-oħra fiż-żwieġ probabbilment se taraw titjib kbir fil-mod kif tkampaw man-nuqqas taʼ qbil.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 22]
Tliet Passi Kif Ittaffi Argument
• Ismaʼ lis-sieħeb jew lis-sieħba tiegħek.—Proverbji 10:19
• Irrispetta l-ħarsa tiegħu jew tagħha.—Filippin 2:4
• Wieġeb bl-imħabba.—1 Korintin 13:4-7
[Kaxxa/Stampa f’paġna 23]
X’Tistaʼ Tagħmel Issa
Staqsi lis-sieħeb jew lis-sieħba tiegħek il-mistoqsijiet li ġejjin, u ismaʼ t-tweġiba mingħajr ma tinterrompi. Imbagħad, il-parti l-oħra tistaʼ tagħmel l-istess miegħek.
• Għandi jien it-tendenza li naqbad nargumenta?
• Nisimgħek sew meta tesprimi ruħek, jew naqbad inwieġeb mingħajr ma nagħtik ċans tispiċċa?
• Ninstemaʼ jien insensittiv jew irrabjat meta nkellmek?
• X’nistgħu nagħmlu t-tnejn li aħna biex intejbu l-komunikazzjoni taʼ bejnietna—speċjalment meta ma naqblux dwar xi kwistjoni?
[Stampa f’paġna 21]
Tagħti każ x’qiegħed jingħad?
[Stampa f’paġna 22]
“Inħossni mwarrba u mhux maħbuba”
[Stampa f’paġna 22]
“Qatt ma tqattaʼ ħin miegħi!”
[Stampa f’paġna 22]
“Qattajt ġurnata sħiħa miegħek ix-xahar li għadda!”