LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 1/8 pp. 8-14
  • Tistaʼ Ssalvah Iż-Żwieġ Tiegħek!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tistaʼ Ssalvah Iż-Żwieġ Tiegħek!
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Tqis ir-​Rabta Tiegħek
  • Weġġaħ lill-​Persuna l-​Oħra
  • L-​Argumenti—Kemm Huma Serji?
  • “Is-​Setgħa taʼ Lsien”
  • Kif Tikkalma l-​Argumenti Jaħarqu
  • Żomm Ħarsa Realistika
  • Kif Tibni Żwieġ li Jirnexxi
    Stenbaħ!—2008
  • Kif Issaħħaħ iż-Żwieġ Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Wara l-ġurnata tat-tieġ
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • “Ħa Jkun iż-Żwieġ Onorabbli”
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2001
g01 1/8 pp. 8-14

Tistaʼ Ssalvah iż-​Żwieġ Tiegħek!

Il-​Bibbja hija miżgħuda b’pariri prattiċi li jistgħu jkunu taʼ benefiċċju kemm għall-​irġiel u kemm għan-​nisa miżżewġin. Din mhix ħaġa kbira, għax Dak li nebbaħ il-​Bibbja kien ukoll Dak li oriġina l-​arranġament taż-​żwieġ.

IL-​BIBBJA tiddeskrivi ż-​żwieġ b’mod realistiku. Din tammetti li raġel u mara miżżewġin se jkollhom “it-​taħbit,” jiġifieri wġigħ u niket. (1 Korintin 7:28) Madankollu, il-​Bibbja tgħid ukoll li ż-​żwieġ jistaʼ jagħti ferħ u estasi wkoll, u li hekk għandu jkun. (Proverbji 5:​18, 19) Dawn iż-​żewġ ħsibijiet ma jikkontradixxux lil xulxin. Sempliċement juru li minkejja li tnejn miżżewġin jistaʼ jkollhom problemi serji, xorta jistgħu jiksbu relazzjoni intima u mimlija mħabba.

Huma dawn neqsin miż-​żwieġ tiegħek? L-​uġigħ u d-​diżappunti dallmu l-​intimità u l-ferħ li xi darba kienu jidhru sew fir-​relazzjoni tagħkom? Anki jekk iż-​żwieġ tagħkom ilu snin sħaħ f’dan l-​istat fejn l-​imħabba hija nieqsa, dak li ntilef jistaʼ jerġaʼ jinstab. M’għandniex xi ngħidu, trid tkun realistiku. L-​ebda raġel u mara imperfetti ma jistaʼ jkollhom żwieġ perfett. Madankollu, hemm xi passi li tistaʼ tieħu biex treġġaʼ lura xi tendenzi negattivi.

Waqt li tkun qed taqra l-​materjal li ġej, ipprova agħraf liema punti japplikaw b’mod partikulari għaż-​żwieġ tiegħek. Minflok ma tiffoka fuq in-​nuqqasijiet tas-​sieħeb tiegħek, agħżel ftit suġġerimenti li int tistaʼ tapplikahom, u applika wkoll il-​pariri Skritturali. Għandek mnejn issib li fil-​fatt hemm iktar tama għaż-​żwieġ tiegħek milli kont qed taħseb.

Ejja niddiskutu l-​ewwel dwar l-​attitudni, għax kemm il-​mod kif tqis ir-​rabta tiegħek, u kemm is-​sentimenti tiegħek lejn il-​parti l-​oħra huma taʼ importanza kbira ferm.

Kif Tqis ir-​Rabta Tiegħek

Huwa essenzjali li jekk trid taħdem fuq iż-​żwieġ tiegħek int trid tqisu bħala rabta fit-​tul. Wara kollox, Alla ħejja l-​arranġament taż-​żwieġ biex jgħaqqad lil żewġ bnedmin b’tali mod li qatt ma jinfirdu. (Ġenesi 2:24; Mattew 19:​4, 5) Għaldaqstant, ir-​relazzjoni tiegħek fiż-​żwieġ mhix bħal xi xogħol li tistaʼ titilqu jew xi dar li tistaʼ teħles minnha billi sempliċement ittemm il-​kuntratt u toħroġ ’il barra. Minflok, meta żżewwiġt int għamilt wegħda solenni li jiġri x’jiġri se tibqaʼ mas-​sieħeb tiegħek. Ġesù Kristu qal hekk kważi 2,000 sena ilu: “Dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-​bniedem.” (Mattew 19:6) Jekk int tħoss b’mod profond li għandek rabta bħal din tkun qed timxi maʼ dan il-​kliem.

Xi wħud forsi jgħidu, ‘Aħna xorta għadna flimkien. Din mhix prova li nħossuha din ir-​rabta?’ Jistaʼ jkun. Madankollu, kif rajna fil-​bidu taʼ din is-​serje, xi koppji li jibqgħu flimkien ikunu baqgħu fl-​istess ilma, maqbudin fi żwieġ nieqes mill-​imħabba. L-​għan tiegħek għandu jkun li tkun ferħan fiż-​żwieġ tiegħek, mhux sempliċement li tkun tiflaħ tissaportih. Ir-​rabta li tħoss għandha tirrifletti l-​lealtà tiegħek mhux biss lejn l-​istituzzjoni taż-​żwieġ imma wkoll lejn il-​persuna li int wegħedt li se tħobb u tgħożż.—Efesin 5:33.

Il-kliem li tgħid lill-​parti l-​oħra jistaʼ jikxef eżatt kemm hija qawwija r-​rabta tiegħek. Per eżempju, fis-​saħna taʼ xi argument, xi rġiel u nisa miżżewġin jistgħu jitfgħu kliem bl-​addoċċ bħal “Se nitilqek!” jew “Se nsib lil xi ħadd li veru japprezzani!” Anki jekk dak li jkun ma jkunx irid ifisser hekk letteralment, hu jkun qed idgħajjef ir-​rabta. Dan għaliex ikun qed jimplika li dejjem hemm il-​possibbiltà taʼ separazzjoni u li ma jsibha xejn diffiċli li jasal biex jitlaq.

Biex terġaʼ tnibbet l-​imħabba fiż-​żwieġ tiegħek, tużax dan it-​theddid fil-​konversazzjonijiet tiegħek. Wara kollox, kont int se żżejjen id-​dar tiegħek li kieku kont taf li tistaʼ titlaq minnha minn ħin għall-​ieħor? Allura kif tistaʼ tippretendi li s-​sieħeb tiegħek jagħmel sforz fi żwieġ li forsi ma tantx se jdum? Kun determinat li tipprova kemm tistaʼ biex taħdem ħalli ssib soluzzjoni.

Wara li għaddiet minn perijodu taʼ inkwiet maʼ żewġha, waħda mara miżżewġa hekk għamlet. “Għalkemm xi drabi ma kien jogħġobni assolutament xejn, qatt m’għaddieli minn moħħi li ntemm ir-​relazzjoni tagħna,” tgħid hi. “Dak kollu li kien difettuż, konna se nirranġawh b’xi mod jew ieħor. U issa, wara sentejn diffiċli ħafna, nistaʼ ngħid onestament li għal darb’oħra ninsabu ferħanin mhux ħażin flimkien.”

Iva, rabta tirrikjedi xogħol bħala tim, jiġifieri li mhux sempliċement teżistu flimkien imma li taħdmu flimkien għall-​istess għan. Madankollu, forsi tistaʼ tħossok li issa wasaltu f’punt fejn huwa biss is-​sens taʼ dmir li qed iżomm iż-​żwieġ tagħkom sħiħ. Jekk inhu hekk, tiddisprax. Jistaʼ jkun li tistaʼ terġaʼ ssib l-​imħabba. Kif?

Weġġaħ lill-​Persuna l-​Oħra

Il-​Bibbja tgħid: “Ħalli jkun iż-​żwieġ tagħkom miżmum fil-​ġieħ minn kulħadd.” (Lhud 13:4; Rumani 12:10) Xi forom tal-​kelma Griega li hawnhekk ġiet tradotta “ġieħ,” fi bnadi oħra fil-​Bibbja tingħata bħala “għażiż,” “stmat,” u “prezzjuż.” Meta nqisu xi ħaġa bħala li hi taʼ valur kbir, nagħmlu kull sforz biex nibżgħu għaliha. Forsi ġieli nnotajt kif dan huwa minnu dwar raġel li jkun għadu kif xtara karozza li tqum il-​flus. Il-​karozza prezzjuża tiegħu jżommha tleqq u f’kundizzjoni tajba. Għalih anki jekk ikun hemm girfa żgħira tkun qisha waqgħet id-​dinja! Nies oħrajn jibżgħu għal saħħithom bl-​istess mod. Għala? Għaliex saħħithom tkun għażiża għalihom, u allura jkunu jridu jieħdu ħsiebha.

Ħu ħsieb iż-​żwieġ tiegħek u pproteġieh bl-​istess mod. Il-​Bibbja tgħid li l-​imħabba “kollox tittama.” (1 Korintin 13:7) Għandek mnejn tkun qed tiskuraġġixxi li jsir titjib meta tgħid, “Qatt ma konna verament inħobbu lil xulxin,” “Konna żgħar wisq meta żżewwiġna,” jew “Ma konniex nafu x’qed nagħmlu.” Minflok ma taqtaʼ jiesek b’dan il-​mod taʼ ħsieb negattiv, għala ma tittamax għal affarijiet aħjar u tistinka biex isir titjib, waqt li tistenna bil-​paċenzja kollha għar-​riżultati? Waħda li tagħti l-​pariri lill-​miżżewġin qalet: “Nismaʼ ħafna mill-​klijenti tiegħi jgħidu, ‘Ma niflaħx iktar!’” Hi tkompli tgħid kif dawn, minflok ma jiflu r-​relazzjoni tagħhom biex jaraw fejn hemm bżonn taʼ titjib, malajr jabbandunaw l-​arranġament taż-​żwieġ għax iqisuh bħala li jinvolvi sforz kbir wisq biex jibqgħu fih. B’hekk jabbandunaw ukoll il-​valuri taʼ bejniethom, il-​ġrajjiet li jkunu għaddew minnhom flimkien, u kwalunkwe potenzjal li jistaʼ jeżisti għall-​futur.

Liema ġrajjiet għaddejtu minnhom flimkien bħala miżżewġin? Minkejja d-​diffikultajiet li hemm fiż-​żwieġ tiegħek, żgur li tistaʼ tiftakar f’mumenti sbieħ, f’dak li wettaqtu, u fl-​isfidi li ffaċċjajtu t-​tnejn flimkien. Oqgħod aħseb ftit dwar dawn l-​okkażjonijiet, u uri li int tweġġaħ iż-​żwieġ tiegħek u l-​persuna li int iżżewwiġt billi taħdem b’mod sinċier biex ittejjeb ir-​relazzjoni taʼ bejnietkom. Il-​Bibbja turi li Alla Jehovah jinteressah ħafna minn kif tnejn miżżewġin jittrattaw lil xulxin. Per eżempju, fi żmien il-​profeta Malakija, Jehovah kien jikkundanna lill-​irġiel Iżraelin li kienu jittrattaw lil marthom bil-​qerq billi jiddivorzjawhom għal xejn b’xejn. (Malakija 2:13-16) Il-​Kristjani jridu li ż-​żwieġ tagħhom jagħti ġieħ lil Alla Jehovah.

L-​Argumenti—Kemm Huma Serji?

Fattur ewlieni li jwassal għal żwiġijiet bla mħabba jidher li hu l-​fatt li raġel u mara ma jkunux jafu kif jaġixxu meta jqumu l-​argumenti. Billi l-​ebda żewġ persuni m’huma eżatt l-​istess, fiż-​żwiġijiet kollha jkun hemm xi nuqqas taʼ qbil minn żmien għall-​ieħor. Imma l-​koppji li jkunu dejjem imqabbdin f’xulxin, jistgħu jsibu li hekk kif is-​snin bdew igerbu l-​imħabba tagħhom birdet. Jistgħu saħansitra jikkonkludu li m’humiex tajbin għal xulxin għax dejjem jiġġieldu.

Madankollu, li sempliċement ikun hemm l-​argumenti ma jfissirx li ż-​żwieġ għandu jintemm. Il-​mistoqsija li tqum hi, Kif naġixxi jien meta jkollna argument? Fi żwieġ li rnexxa, ir-​raġel u l-​mara jkunu tgħallmu kif jitkellmu dwar il-​problemi tagħhom mingħajr ma jsiru, bħalma qal ċertu tabib, “għedewwa intimi.”

“Is-​Setgħa taʼ Lsien”

Int u s-​sieħeb tiegħek tafu kif titkellmu dwar il-​problemi tagħkom? It-​tnejn li intom għandkom tkunu lesti li tiddiskutuhom. Din hija verament sengħa—waħda li tistaʼ tkun taʼ sfida li titgħallimha. Għala? L-​ewwelnett, ilkoll kemm aħna ‘niżbaljaw f’dak li ngħidu’ minħabba li aħna imperfetti. (Ġakbu 3:2) Imbagħad, hemm ukoll il-​fatt li xi wħud trabbew f’familji fejn il-​ġenituri kienu regolarment jiżbroffaw f’rabja. F’ċertu sens, kienu mħarrġin minn meta kienu żgħar biex jemmnu li huwa normali li tisfoga n-​nervi u tuża kliem abbużiv. Tifel li jitrabba f’ambjent bħal dan jistaʼ jikber u jsir bniedem li “jagħdab ħafna,” wieħed li “jisbel.” (Proverbji 29:22) B’mod simili, tifla li jkollha trobbija bħal din tistaʼ ssir “mara ġellieda u [“lsienha velenuż,” The Bible in Basic English].” (Proverbji 21:19) Jistaʼ jkun diffiċli li telimina l-​mod kif wieħed ikun ilu mdorri jaħseb u jikkomunika maʼ ħaddieħor.a

Mela trid titgħallem modi ġodda kif tesprimi l-​ħsibijiet tiegħek biex taġixxi sew meta jinqalaʼ argument. Din mhix xi ħaġa li għandek tiħodha ħafif ħafif, għax proverbju fil-​Bibbja jgħid: “Fis-​setgħa taʼ lsien il-​mewt u l-​ħajja.” (Proverbji 18:21) Iva, għalkemm tidher xi ħaġa sempliċi, il-​mod kif tkellem lis-​sieħeb tiegħek jistaʼ jew jeqred ir-​relazzjoni tiegħek jew jagħtiha l-​ħajja mill-​ġdid. Proverbju Bibliku ieħor jgħid: “Min iqassas b’ilsienu jinfed bħal sejf, imma lsien l-​għorrief idewwi.”—Proverbji 12:18.

Anki jekk donnu li s-​sieħeb tiegħek għamel l-​akbar żball f’dan ir-​rigward, oqgħod aħseb dwar dak li tgħid int meta jkollkom argument. Kliemek iweġġaʼ, jew idewwi? Iqanqal ir-​rabja jew itaffiha? Il-​Bibbja tgħid: “Kelma iebsa tqajjem l-​għadab.” Mill-​banda l-​oħra, “tweġiba ħelwa ttaffi l-​korla.” (Proverbji 15:1) Kliem li jweġġaʼ—anki jekk jingħad bil-​kalma—se jagħmel is-​sitwazzjoni agħar milli tkun.

M’għandniex xi ngħidu, jekk hemm xi ħaġa li qed tinkwetak, għandek id-​dritt li tesprimi ruħek. (Ġenesi 21:​9-12) Imma dan tistaʼ tagħmlu mingħajr ma jkollok tuża sarkażmu, tgħajjir, u rimarki li jumiljaw. Poġġi limiti sodi għalik innifsek—ċerti affarijiet li se tkun determinat li qatt ma tgħidhom lis-​sieħeb (jew sieħba) tiegħek, bħal per eżempju “Nobogħdok” jew “Mank qatt ma żżewwiġna.” U għalkemm l-​appostlu Kristjan Pawlu ma kienx qed jiddiskuti ż-​żwieġ b’mod speċifiku, ikun għaqli li tevita li tinqabad fin-​nassa tal-​“ġlied fuq il-​kliem” (Saydon) u “tilwim.”b (1 Timotju 6:​4, 5) Jekk is-​sieħeb, jew sieħba, tiegħek juża metodi bħal dawn, m’għandekx għalfejn twieġeb bl-​istess mod. Sakemm ikun ġej minnek, fittex il-​paċi.—Rumani 12: 17, 18; Filippin 2:14.

Irridu nammettu li meta titlaʼ t-​tempra jkun diffiċli li tikkontrolla d-​diskors. “L-​ilsien huwa nar,” jgħid il-​kittieb tal-​Bibbja Ġakbu. “Ħadd ma għandu ħila jimmansa l-​ilsien; kollu deni, bla kwiet, mimli velenu li jġib il-​mewt.” (Ġakbu 3:​6, 8) Mela, x’tistaʼ tagħmel meta jibdew jitilgħulek? Kif tistaʼ titkellem b’manjiera li se tikkalma l-​argument minflok ma tkompli tagħtih in-​nar?

Kif Tikkalma l-​Argumenti Jaħarqu

Xi wħud sabu li jekk jenfasizzaw is-​sentimenti tagħhom minflok l-​azzjonijiet tal-​parti l-​oħra, ikun iktar faċli li jtaffu r-​rabja u jittrattaw il-​kwistjonijiet involuti li jkun hemm wara l-​argument. Per eżempju, “Inħossni muġugħ b’dak li għedtli” hija frażi iktar effettiva minn “Weġġajtni” jew “Imissek kont taf li ma kellekx tgħid hekk.” M’għandniex xi ngħidu, meta tkun qed tesprimi dak li tħoss, it-​ton taʼ leħnek ma jridx jindika ċerta rabja jew nuqqas taʼ rispett. L-​iskop tiegħek għandu jkun li tenfasizza l-​problema minflok ma tattakka lill-​persuna l-​oħra.—Ġenesi 27:46–​28:1.

Iktar minn hekk, qatt tinsa li hemm “żmien li tiskot, u żmien li titkellem.” (Koħèlet 3:7) Meta tnejn min-​nies jitkellmu f’daqqa, l-​ebda wieħed minnhom ma jkun qed jismaʼ, u ma jsir xejn. Mela meta jkun imiss lilek biex tismaʼ, kun ‘ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem.’ U daqstant importanti huwa li tkun ‘tqil biex tinkorla.’ (Ġakbu 1:19) Tiħux kull kelma iebsa li jgħidlek is-​sieħeb tiegħek b’mod letterali; ukoll “tħallix il-​korla tikbes malajr f’qalbek.” (Koħèlet 7:9) Minflok, ipprova ifhem x’qed iħoss mill-​kliem li qal. “Bniedem bil-​għaqal idum ma jagħdab, hu ġieħ għalih jagħlaq għajnejh għall-​offiża.” (Proverbji 19:11) L-​għaqal jistaʼ jgħin lil raġel jew mara biex jifhmu għala qam l-​argument.

Per eżempju, jekk mara tgerger li r-​raġel tagħha ma jqattax ħin magħha, x’aktarx li l-​kwistjoni ma tinvolvix sempliċement sigħat u minuti. Għandu mnejn li jkollu iktar x’jaqsam mal-​fatt li tħossha traskurata u mhux apprezzata. B’mod simili, jekk raġel jilmenta għax il-​mara tkun qabdet u xtrat xi ħaġa, hu probabbilment ma jkunx inkwetat minħabba li nefqet xi lira żejda. Għandu mnejn li r-​raġuni wara dan kollu tkun li hu qed iħoss li l-​mara ma involvitux fid-​deċiżjoni li għamlet. Raġel u mara li jkollhom l-​għaqal mhux se jaraw il-​problema biss minn barra imma se jmorru fil-​qalba tagħha.—Proverbji 16:23.

Hija din xi ħaġa li malajr tgħidha bil-​kliem imma biex tagħmilha hija diffiċli wisq? Assolutament, hekk hu! Xi kultant, avolja tagħmlu l-​aħjar tagħkom, se jitlgħalkom u se tgħidu kliem li jweġġaʼ. Meta tara li se jibda jiġri hekk, forsi jkollok bżonn issegwi l-​parir taʼ Proverbji 17:14: “Warrab qabel tibda xi ġlieda.” Ma fiha xejn ħażin li tħalli d-​diskussjoni għal iktar tard meta ma tkunux daqshekk imbaqbqin. Jekk ikun diffiċli li titkellmu flimkien mingħajr ma titilfu l-​kontroll, jistaʼ jkun t’għajnuna li titolbu lil ħabib matur biex joqgħod bil-​qegħda magħkom it-​tnejn u jgħinkom teżaminaw u tiċċaraw id-​differenzi taʼ bejnietkom.c

Żomm Ħarsa Realistika

Tiskuraġġix ruħek jekk iż-​żwieġ tiegħek m’huwiex bħalma ħsibt li se jkun meta kontu għarajjes. Grupp wieħed t’esperti jgħid: “Tgawdija bla tmiem ma teżistix fiż-​żwieġ tal-​biċċa l-​kbira tan-​nies. Xi kultant ikun sabiħ ferm u drabi oħra diffiċli ferm.”

Veru, iż-​żwieġ forsi ma jkunx bħal rumanz taʼ mħabba, imma lanqas m’għandu għalfejn ikun traġedja. Waqt li se jkun hemm drabi meta jkollkom sempliċement tieħdu paċenzja b’xulxin bħala miżżewġin, se jkun hemm drabi wkoll meta tistgħu tinsew id-​differenzi u tgawdu biss il-​fatt li tinsabu flimkien, li qed tieħdu gost, u li titkellmu flimkien bħala ħbieb. (Efesin 4:2; Kolossin 3:13) Dawn ikunu mumenti li fihom tkunu tistgħu tagħtu ħajja mill-​ġdid lill-​imħabba li tkun birdet.

Ftakar li żewġ bnedmin imperfetti ma jistax ikollhom żwieġ perfett. Imma jistaʼ jkollhom ħafna ferħ. Fil-​fatt, anki bid-​diffikultajiet, ir-​relazzjoni taʼ bejnek u l-​parti l-​oħra tistaʼ tkun sors taʼ sodisfazzjon taʼ l-​għaġeb. Ħaġa waħda hija ċerta: Jekk it-​tnejn li intom tagħmlu l-​isforz u tkunu lesti li tkunu flessibbli u tfittxu dak li jaqbel wieħed lill-​ieħor, għandkom għalfejn temmnu li ż-​żwieġ tagħkom jistaʼ jiġi salvat.—1 Korintin 10:24.

[Noti taʼ taħt]

a L-influwenza tal-​ġenituri ma tiskużax il-​kliem aħrax li persuna tistaʼ tgħid lis-​sieħeb tagħha. Madankollu, tistaʼ tgħin biex tispjega kif tendenza bħal din tistaʼ tidħol daqshekk fil-​fond u tkun diffiċli biex titneħħa.

b L-espressjoni oriġinali Griega li ġiet tradotta “tilwim” tistaʼ wkoll tingħata bħala “li wieħed jirrita lill-​ieħor.”

c Ix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom il-​provvediment taʼ l-​anzjani tal-​kongregazzjoni. Filwaqt li m’għandhomx jindaħlu fl-​affarijiet persunali tal-​koppji miżżewġin, l-​anzjani jistgħu jkunu għajnuna li tibni lil koppji li jkunu għaddejjin mill-​inkwiet.—Ġakbu 5:​14, 15.

[Kumment f’paġna 12]

Kliemek iweġġaʼ, jew inkella jdewwi?

[Kaxxa/Stampi f’paġna 10]

ITFAʼ L-​BALLUN BIL-​ĠENTILEZZA KOLLHA

Il-​Bibbja tgħid: “Ħa tkun dejjem il-​kelma tagħkom kollha ħlewwa, mħawwra bil-​melħ taʼ l-​għerf, biex tkunu tafu twieġbu sewwa lil kulħadd.” (Kolossin 4:6) Dan żgur li japplika għaż-​żwieġ! Biex nagħtu eżempju, meta tkun qed tilgħab logħba fejn wieħed irid jaqbad il-​ballun, int titfagħhulu b’tali mod li jkun jistaʼ jaqbdu faċilment. M’intix se twaddbu b’tant saħħa li tkorri lil min ikun qed jilgħab miegħek. Applika l-​istess prinċipju meta tkun qed titkellem mal-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ. Jekk tfajjar kliem li jweġġaʼ se tagħmel biss deni. Minflok, tkellem bil-​ġentilezza—bil-​ħlewwa—sabiex is-​sieħeb tiegħek ikun jistaʼ jaqbad xi trid tgħid.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 11]

ĠEDDED IL-​MEMORJI!

Aqra l-​ittri u l-​kartolini li kontu bgħattu lil xulxin fil-​passat. Oqgħod ara r-​ritratti. Staqsi lilek innifsek, ‘X’ġagħalni ninġibed lejn is-​sieħeb tiegħi ? Liema kwalitajiet kont nammira l-​iktar? X’konna nagħmlu flimkien? Biex konna nidħqu?’ Imbagħad tkellem dwar dawn il-​memorji mas-​sieħeb tiegħek. Konversazzjoni li tibda bil-​frażi “Tiftakar meta . . . ?” ­tistaʼ tgħin lilek u lill-​parti l-​oħra biex tqajmu mill-​ġdid is-​sentimenti li xi darba kellkom għal xulxin.

[Kaxxa f’paġna 12]

L-​ISTESS PROBLEMI AANKI MAʼ XI ĦADD IEĦOR

Xi miżżewġin li jħossuhom maqbudin fi żwieġ bla mħabba jitħajru jibdew kollox mill-​ġdid maʼ xi ħadd ieħor. Imma l-​Bibbja tikkundannah l-​adulterju, u tgħid illi wieħed li jieħu sehem f’dan id-​dnub hu “bla moħħ” u “jeqred lilu nnifsu.” (Proverbji 6:32) Fl-​aħħar mill-​aħħar, l-​adulteru li ma jindimx jitlef l-​approvazzjoni t’Alla—l-​agħar mod kif jistaʼ jiġi rovinat.—Lhud 13:4.

Il-​bluha totali taʼ ħajja adultera tintwera b’modi oħrajn ukoll. L-​ewwelnett, l-​adulteru li jiżżewweġ lil xi ħadd ieħor x’aktarx li se jiġi wiċċ imbwiċċ maʼ l-​istess problemi li kellu fl-​ewwel żwieġ tiegħu. Dr. Diane Medved issemmi fattur ieħor li jrid jiġi kunsidrat: “L-​ewwel ħaġa li s-​sieħeb il-​ġdid tiegħek tgħallem dwarek,” tgħid hi, “kienet li int lest li turi infedeltà. Hu jaf li int tistaʼ tqarraq b’xi ħadd li wegħedt li se tonora. Li tinqalaʼ ħafna għall-​iskużi. Li tistaʼ tinħeles mir-​rabta. Li l-​pjaċir tas-​sensi jew il-​gratifikazzjoni tiegħek stess huma lixka li taqaʼ għaliha. . . . It-​tieni sieħeb kif se jkun jaf li m’intix se terġaʼ titħajjar għal wara xi ħadd ieħor?”

[Kaxxa f’paġna 14]

GĦERF MILL-​PROVERBJI TAL-​BIBBJA

• Proverbji 10:19: “Il-​kliem żejjed m’hux nieqes mill-​ħtija; meqjus fi kliemu min hu bil-​għaqal.”

Meta tkun imdejjaq b’xi ħaġa, tistaʼ tgħid iktar milli jkollok f’moħħok—u mbagħad jiddispjaċik.

• Proverbji 15:18: “Min jagħdab ħafna jġib l-​inkwiet, min jimxi bis-​sabar isikket il-​ġlied.”

L-​akkużi li jniggżu x’aktarx li se jġagħlu lis-​sieħeb jiddefendi ruħu, filwaqt li jekk toqgħo tismaʼ bil-​paċenzja kollha se jgħinkom it-​tnejn biex taħdmu ħalli ssibu soluzzjoni.

• Proverbji 17:27: “Min għandu l-​għerf kliemu meqjus, min għandu l-​għaqal moħħu kalm.”

Meta tinduna li qed timtela bir-​rabja, l-​aħjar ħaġa tkun li ma tgħid xejn ħalli tevita ġlieda kbira.

• Proverbji 29:11: “L-​iblah jagħdab b’saħħtu kollha, imma l-​għaref irażżan għadbu.”

Il-​kontroll fuqek innifsek huwa vitali. Jekk tisfoga n-​nervi tiegħek billi tibda tfajjar kliem aħrax, kulma se tagħmel hu li tbiegħed minnek lis-​sieħeb tiegħek.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja