LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 9/15 pp. 4-7
  • Kif Issaħħaħ iż-Żwieġ Tiegħek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Issaħħaħ iż-Żwieġ Tiegħek
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Impenn Jinvolvi l-​Obbligu
  • Ħidma Id f’Id Issaħħaħ l-​Impenn fiż-​Żwieġ
  • Meta Ma Tkunx Egoist Tinkuraġġixxi l-​Impenn fiż-​Żwieġ
  • Ħarsa għal Rabta Dejjiema Hija Essenzjali
  • Żomm l-Impenn fiż-Żwieġ Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • 1 Kunu determinati li tibqgħu fiż-żwieġ
    Stenbaħ!—2018
  • Tistaʼ Ssalvah Iż-Żwieġ Tiegħek!
    Stenbaħ!—2001
  • Nippreparaw Għal Żwieġ Li Jirnexxi
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 9/15 pp. 4-7

Kif Issaħħaħ iż-​Żwieġ Tiegħek

IMMAĠINA dar li tant spiċċat fi stat ħażin li għandha bżonn ħafna manutenzjoni. Iż-​żebgħa qed titqaxxar, is-​saqaf bil-​ħsara, u l-​ġnien mimli ħaxix ħażin. Barra minn hekk, dan il-​bini ġratlu ħafna ħsara minħabba l-​maltempati qalila li ġarrab matul is-​snin, u għax ġie traskurat. Għandha din id-​dar titwaqqaʼ? Mhux bilfors. Jekk il-​pedament għadu b’saħħtu u l-​bini għadu stabbli, id-​dar wisq probabbli tistaʼ tiġi restawrata.

Il-kundizzjoni taʼ din id-​dar tfakkrek fiż-​żwieġ tiegħek? Matul is-​snin, maltempati qalila, biex ngħidu hekk, forsi kellhom effett ħażin fuq ir-​relazzjoni tiegħek fiż-​żwieġ. Jistaʼ jkun hemm ċertu ammont taʼ traskuraġni min-​naħa tiegħek jew tat-​tnejn li intom. Forsi qed tħossok bħalma ħassitha Sandy. Wara 15-il sena taʼ żwieġ, hi qalet: “Ma konna naqblu f’xejn ħlief li konna miżżewġin lil xulxin, u dan ma kienx biżżejjed.”

Anki jekk iż-​żwieġ tiegħek wasal f’dan l-​istat, taqbadx u tikkonkludi li għandek ittemmu. Probabbilment, iż-​żwieġ tiegħek jistaʼ jitranġa. Ħafna jiddependi minn kemm jeżisti impenn bejnietkom it-​tnejn fiż-​żwieġ. L-​impenn jistaʼ jgħin biex jagħti stabbilità liż-​żwieġ fi żmien taʼ inkwiet. Imma x’inhu l-​impenn? U l-​Bibbja kif tistaʼ tgħinek biex issaħħu?

L-​Impenn Jinvolvi l-​Obbligu

Skond dizzjunarju wieħed, l-​impenn jirreferi għall-​“istat taʼ li wieħed ikun obbligat jew imġiegħel mis-​sentimenti tiegħu.” Xi drabi, din il-​kelma tiġi applikata għal xi ħaġa li m’għandha x’taqsam m’ebda persuna partikulari, bħal xi kuntratt taʼ negozju. Per eżempju, bennej jistaʼ jħossu obbligat li jwettaq dak li jitlob minnu l-​kuntratt li jkun iffirma biex jibni dar. Għandu mnejn li hu ma jkunx jaf personalment lil min ikun qabbdu x-​xogħol. Imma, xorta jħossu obbligat li jżomm kelmtu.

Għalkemm iż-​żwieġ m’huwiex xi biċċa negozju, l-​impenn li hemm involut fih jinkludi l-​obbligu. It-​tnejn li intom għamiltu wegħda solenni quddiem Alla u l-​bniedem li se tibqgħu flimkien, jiġri x’jiġri. Ġesù qal: “Sa mill-​bidu l-​Ħallieq għamilhom raġel u mara, u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad maʼ martu.’” Ġesù żied jgħid: “Dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-​bniedem.” (Mattew 19:​4-6) Għalhekk, meta jitfaċċaw il-​problemi, it-​tnejn li intom tridu tkunu deċiżi bis-​sħiħ li żżommu l-​impenn li dħaltu għalih.a Waħda mara miżżewġa tgħid: “Kien biss wara li ma bqajniex nikkunsidraw id-​divorzju bħala soluzzjoni li l-​affarijiet bdew imorru għall-​aħjar.”

Però, fl-​impenn taż-​żwieġ m’hemmx biss l-​obbligu involut. X’hemm involut iktar?

Ħidma Id f’Id Issaħħaħ l-​Impenn fiż-​Żwieġ

L-​impenn fiż-​żwieġ ma jfissirx li l-​imseħbin fiż-​żwieġ qatt m’hu se jkollhom nuqqas taʼ qbil. F’każ taʼ nuqqas taʼ qbil, bil-​ħerqa kollha għandu jkollok xewqa biex tirranġa l-​kwistjoni mhux biss minħabba li tkun obbligat mill-​wegħda li tkun għamilt, imma wkoll minħabba r-​rabta sentimentali. Dwar ir-​raġel u l-​mara, Ġesù qal: “M’humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed.”

Xi jfisser li t-​tnejn li intom tkunu “ġisem wieħed”? L-​appostlu Pawlu kiteb li “l-​irġiel [għandhom] iħobbu n-​nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess.” (Efesin 5:​28, 29) Mela, parti mit-​tifsira taʼ li tkun “ġisem wieħed” tinvolvi li tkun konċernat dwar il-​ġid tal-​parti l-​oħra daqskemm tkun dwarek innifsek. Il-​miżżewġin iridu jibdlu l-​mod taʼ ħsieb tagħhom minn “tiegħi” għal “tagħna”, minn “jien” għal “aħna.” Waħda li tagħti l-​pariri kitbet: “Iż-​żewġ imseħbin fiż-​żwieġ m’għandhomx jibqgħu ġuvintur u xebbiet f’qalbhom, imma għandhom isiru miżżewġin f’qalbhom.”

Qegħdin intom tħossukom “miżżewġin f’qalbkom”? Jistaʼ jkun li tnejn ikunu ilhom flimkien għal ħafna snin u jkunu għadhom ma sarux “ġisem wieħed” f’dan is-​sens. Iva, dan jistaʼ jiġri, imma l-​ktieb Giving Time a Chance jgħid: “Iż-​żwieġ ifisser li taqsam ħajtek maʼ ħaddieħor, u iktar ma żewġ persuni jagħmlu affarijiet flimkien, iktar se jkollhom ħajja miżżewġa sabiħa.”

Xi koppji li ma jkunux ferħanin jibqgħu flimkien minħabba t-​tfal tagħhom jew minħabba s-​sigurtà finanzjarja. Oħrajn jissaportu minħabba li l-​morali għoljin tagħhom iżommuhom milli jiddivorzjaw jew inkella għax jibżgħu minn dak li ħaddieħor jaħseb fuqhom jekk jisseparaw. Filwaqt li hija xi ħaġa taʼ min ifaħħarha li dawn iż-​żwiġijiet ma jinħallux, ftakar li l-​mira tiegħek għandha tkun li jkollok relazzjoni taʼ mħabba, u mhux sempliċement waħda li ddum.

Meta Ma Tkunx Egoist Tinkuraġġixxi l-​Impenn fiż-​Żwieġ

Il-​Bibbja bassret li matul l-​“aħħar jiem,” in-​nies “se jkunu jħobbu lilhom infushom.” (2 Timotju 3:​1, 2, NW) Bħalma turi sewwa din il-​profezija, illum l-​enfasi tidher li hi fuq li wieħed jagħti ġieħ u jogħġob lilu nnifsu. F’ħafna żwiġijiet, li tagħti minnek innifsek mingħajr garanzija li tieħu xi ħaġa lura jidher bħala sinjal taʼ dgħjufija. Madankollu, fi żwieġ b’saħħtu, iż-​żewġ imseħbin juru spirtu taʼ li jissagrifikaw lilhom infushom għal xulxin. Int kif tistaʼ tagħmel dan?

Minflok ma toqgħod thewden fuq il-​mistoqsija, ‘X’qiegħed nakkwista minn din ir-​relazzjoni?’ staqsi lilek innifsek, ‘X’qed nagħmel jien personalment biex insaħħaħ iż-​żwieġ tiegħi?’ Il-​Bibbja tgħid li ħadd mill-​Kristjani “ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor.” (Filippin 2:4) Filwaqt li taħseb sew dwar dan il-​prinċipju, ifli l-​imġiba tiegħek matul din l-​aħħar ġimgħa. Kemm-il darba għamilt xi ġest kollu mħabba esklużivament għall-​ġid tal-​parti l-​oħra? Meta l-​parti l-​oħra kellha bżonn titkellem, qgħadt tismaʼ​—anki jekk forsi ma tantx kellek aptit? Kemm għamilt affarijiet li interessaw iktar lill-​parti l-​oħra milli lilek?

Inti u teżamina dawn il-​mistoqsijiet, toqgħodx tinkwieta li t-​tajjeb li għamilt m’huwiex se jiġi notat jew premjat. “F’ħafna relazzjonijiet,” jgħid xogħol wieħed taʼ referenza, “imġiba pożittiva titpatta lura; għalhekk agħmel l-​aħjar li tistaʼ biex tinkuraġġixxi lill-​parti l-​oħra biex taġixxi b’mod iktar pożittiv billi l-​ewwel taġixxi hekk inti stess.” Meta tissagrifika lilek innifsek issaħħaħ iż-​żwieġ tiegħek u dan juri li int tgħożż iż-​żwieġ tiegħek u trid tħarsu.

Ħarsa għal Rabta Dejjiema Hija Essenzjali

F’għajnejn Alla Jehovah, il-​lealtà tiswa ħafna. Fil-​fatt, il-​Bibbja tistqarr: “Maʼ min hu leali int [Jehovah] se taġixxi bil-​lealtà.” (2 Samwel 22:​26, NW) Il-​lealtà lejn Alla tinvolvi li nibqgħu leali lejn l-​arranġament li waqqaf hu.—Ġenesi 2:24.

Jekk it-​tnejn li intom tkunu leali lejn xulxin, se tħossu li l-​għaqda li hemm bejnietkom hija dejjiema u dan jgħinkom tkunu ferħanin. Meta taħseb dwar ix-​xhur, is-​snin, u l-​għaxriet taʼ snin li ġejjin, se tara lilkom it-​tnejn flimkien. Il-​ħsieb li ma tkunux miżżewġin lil xulxin lanqas biss jgħaddilek minn moħħok, u din il-​ħarsa ġġib is-​sigurtà fir-​relazzjoni tagħkom. Waħda mara miżżewġa tgħid: “Anki meta nkun verament irrabjata [maʼ żewġi] u nkun vera diżappuntata dwar dak li jkun qed jiġrilna, ma noqgħodx ninkwieta li ż-​żwieġ tagħna se jispiċċa fix-​xejn. Inkun inkwetata dwar kif se nerġgħu lura għal li konna. Lanqas ikolli l-​iċken dubju li se nerġgħu lura għal li konna—biss dak il-​ħin ma nkunx naf kif.”

Ħarsa għal rabta dejjiema hija parti essenzjali mill-​impenn taʼ bejn il-​miżżewġin, imma b’sogħba din hija nieqsa minn ħafna żwiġijiet. Waqt argumenti sħan, xi ħadd minnhom jistaʼ jgħid, “Se nitilqek!” jew, “Issa nsib lil xi ħadd li jaf japprezzani!” Ovvjament, ħafna drabi ma tkunx trid tfisser dak li tkun għedt. Però, il-​Bibbja tgħid li l-​ilsien jistaʼ jkun “mimli velenu li jġib il-​mewt.” (Ġakbu 3:8) It-​theddid kif ukoll xi ultimatum jagħtu dan il-​messaġġ: ‘Jien ma nħarisx lejn iż-​żwieġ tagħna bħala xi ħaġa permanenti. Nistaʼ nitlaq x’ħin irrid.’ Kliem bħal dan jistaʼ jfarrak iż-​żwieġ.

Meta jkollok ħarsa għal rabta dejjiema, int tistenna li t-​tnejn li intom tibqgħu flimkien kemm fil-​bnazzi kif ukoll fil-​maltemp. Dan għandu l-​benefiċċju tiegħu. Se jkun iktar faċli għalikom it-​tnejn li taċċettaw id-​dgħjufijiet u l-​iżbalji u tkomplu tistabru b’xulxin u taħfru lil xulxin. (Kolossin 3:13) “Fi żwieġ b’saħħtu,” jgħid ktejjeb wieħed, “hemm lok għat-​tnejn li intom biex tiżbaljaw, u biex iż-​żwieġ jibqaʼ magħqud minkejja dan.”

Fil-ġurnata tat-​tieġ tiegħek, int għamilt wegħda sinċiera, mhux lill-​istituzzjoni taż-​żwieġ, imma lil persuna ħajja​—is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek. Dan il-​fatt għandu jeffettwa profondament il-​mod kif int taħseb u ġġib ruħek issa bħala persuna miżżewġa. Ma taqbilx li int għandek tibqaʼ mal-​parti l-​oħra mhux biss għax temmen fil-​qdusija taż-​żwieġ imma wkoll għax tħobb lill-​persuna li żżewwiġt?

[Nota taʼ taħt]

a F’każi estremi, għandu mnejn ikun hemm raġuni valida biex koppja miżżewġa tissepara. (1 Korintin 7:​10, 11; ara Is-​Sigriet Taʼ L-​Hena Fil-​Familja, paġni 159-161, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.) Iżjed minn hekk, il-​Bibbja tippermetti d-​divorzju fuq il-​bażi taʼ fornikazzjoni (immoralità sesswali).​—Mattew 19:​9, NW.

[Kaxxa /Stampa f’paġna 5]

X’Tistaʼ Tagħmel Issa

Kemm int determinat u tassew tixtieq li ż-​żwieġ tiegħek jissaħħaħ u jibqaʼ għal dejjem? Forsi qed tara li hemm fejn jistaʼ jitjieb. Biex issaħħaħ l-​impenn tiegħek, ipprova dan li ġej:

● Eżamina lilek innifsek. Staqsi lilek innifsek: ‘Jien tassew persuna miżżewġa f’qalbi, jew għadni naħsibha bħal ma kont qabel ma żżewwiġt?’ Ara kif taħsibha l-​parti l-​oħra dwar dan.

● Aqraw dan l-​artiku flimkien. Imbagħad, bil-​kalma, iddiskutu xi modi kif intom tistgħu ssaħħu l-​impenn tagħkom fiż-​żwieġ.

● It-​tnejn flimkien, ħudu sehem f’attivitajiet li jsaħħu l-​impenn tagħkom. Per eżempju: Ħarsu lejn ir-​ritratti taż-​żwieġ tagħkom u ġrajjiet memorabbli oħra. Agħmlu affarijiet li kontu tħobbu tagħmlu waqt l-​għerusija u fl-​ewwel snin taż-​żwieġ tagħkom. Studjaw flimkien artikli bbażati minn fuq il-​Bibbja li jitkellmu dwar iż-​żwieġ misjuba fit-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ!

[Kaxxa /Stampa f’paġna 6]

Fiż-​Żwieġ, l-​Impenn Jinvolvi . . .

● L-​Obbligu “Dak li twiegħed qis li tagħmlu. Aħjar ma twiegħed xejn milli ma żżommx dak li twiegħed.”​—Koħèlet 5:​3, 4 (5:​4, 5, NW).

● Ħidma Id f’Id “Tnejn min-​nies aħjar minn wieħed waħdu . . . Jekk jaqaʼ wieħed, l-​ieħor jistaʼ jqajjmu.”​—Koħèlet 4:​9, 10.

● Li Tagħti Minnek Innifsek “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.”​—Atti 20:35.

● Ħarsa Dejjiema “L-​imħabba . . . kollox tissaporti.”​—1 Korintin 13:​4, 7.

[Stampi f’paġna 7]

Meta l-​parti l-​oħra tkun trid titkellem, toqgħod tismagħha?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja