Ix-Xogħol—Barka jew Saħta?
“M’hemmx aħjar għall-bniedem milli . . . jgawdi l-frott [“tax-xogħol iebes tiegħu,” NW].”—Koħèlet 2:24.
“EŻAWRIT wara ġurnata xogħol.” Fi stħarriġ reċenti, wieħed minn kull tliet ħaddiema qalu li spiss iħossuhom b’dan il-mod. Dan mhux taʼ sorpriża f’ambjent fejn in-nies ibatu mill-istress; jaħdmu ħinijiet itwal u jieħdu iktar xogħol id-dar—u fl-istess ħin dawk taʼ fuqhom rari juru li japprezzawhom.
Il-wasla taʼ produzzjoni bil-massa ġagħlet lil ħafna ħaddiema jħossuhom li għandhom sehem żgħir u insinifikanti f’organizzazzjoni kbira u impersonali. L-ispirazzjoni u l-kreattività spiss jinġiebu fix-xejn. Naturalment, dan jeffettwa l-attitudni tan-nies lejn ix-xogħol. Il-motivazzjoni biex dak li jkun jieħu interess persunali f’xogħlu malajr tistaʼ tmut. Ix-xewqa għall-kwalità fix-xogħol tistaʼ tintilef. Konsegwenzi bħal dawn jistgħu jipproduċu stmerrija għax-xogħol innifsu, forsi jġagħlu lil dak li jkun jobgħod ix-xogħol tiegħu.
Neżaminaw l-Attitudni Tagħna
M’għandniex xi ngħidu, mhux dejjem nistgħu nbiddlu ċ-ċirkustanzi tagħna. Madankollu, ma taqbilx li nistgħu nbiddlu l-attitudni tagħna? Jekk qed issib li sa ċertu punt int ġejt influwenzat minn attitudnijiet negattivi lejn ix-xogħol, tagħmel tajjeb jekk tikkunsidra l-ħarsa t’Alla u l-prinċipji li għandhom x’jaqsmu maʼ dan is-suġġett. (Koħèlet 5:18) Ħafna sabu li meta kkunsidraw dawn huma kisbu ċertu ferħ u kuntentizza f’xogħolhom.
Alla hu l-Aqwa Ħaddiem. Alla hu ħaddiem. Forsi ma ħsibniex dwaru b’dan il-mod, imma hu hekk introduċa lilu nnifsu l-ewwel darba fil-Bibbja. Ir-rakkont f’Ġenesi jibda b’Ġeħova joħloq is-sema u l-art. (Ġenesi 1:1) Aħseb dwar id-diversi rwoli li Alla kellu hekk kif beda joħloq—disinjatur, organizzatur, inġinier, artist, speċjalista tal-materjali, żviluppatur taʼ proġetti, spiżjar, bijologu, żoologu, programmatur, lingwist, biex insemmu xi ftit.—Proverbji 8:12, 22-31.
X’kienet il-kwalità tax-xogħol t’Alla? Il-Bibbja tgħid li kien “tajjeb,” “tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:4, 31) Tabilħaqq, il-ħolqien qed ‘ixandar il-glorja taʼ Alla,’ u aħna wkoll għandna nfaħħruh!—Salm 19:2 (19:1, NW); 148:1.
Madankollu, ix-xogħol t’Alla ma spiċċax bil-ħolqien tas-sema u l-art fiżiċi u bl-ewwel koppja umana. L-Iben taʼ Ġeħova, Ġesù Kristu, qal: “Missieri baqaʼ jaħdem s’issa.” (Ġwanni 5:17) Iva, Ġeħova jkompli jaħdem billi jipprovdi għall-ħlejjaq tiegħu, jipprovdi għall-ħolqien tiegħu, u jsalva lill-qaddejja leali tiegħu. (Neħemija 9:6; Salm 36:7 [36:6, NW]; 145:15, 16) Hu saħansitra juża xi wħud li huma “ħaddiema sħab m’Alla,” biex jgħinu f’ċerti inkarigi.—1 Korintin 3:9.
Ix-xogħol jistaʼ jkun barka. Il-Bibbja ma tgħidx li x-xogħol huwa saħta? Ġenesi 3:17-19 forsi jidher li qed jimplika li Alla kkastiga lil Adam u Eva għar-ribelljoni tagħhom billi tefaʼ t-toqol tax-xogħol fuqhom. Meta kkundanna dawk l-ewwel bnedmin, Alla qal lil Adam: “Bl-għaraq taʼ ġbinek tiekol ħobżok.” Kienet din kundanna totali fuq ix-xogħol?
Le. Minflok, minħabba n-nuqqas taʼ lealtà taʼ Adam u Eva, it-tifrix tal-Ġenna taʼ l-art fl-Għeden ma kienx se jseħħ f’dak iż-żmien. Alla tefaʼ saħta fuq l-art. Kien hemm bżonn taʼ għaraq u tbatija biex persuna taqlaʼ l-għajxien mill-ħamrija.—Rumani 8:20, 21.
Minflok ma tiddeskrivi x-xogħol bħala saħta, il-Bibbja turi li huwa barka li għandna ngħożżu. Bħalma rajna qabel, Alla nnifsu jaħdem iebes. Billi ħalaq lill-bnedmin fix-xbieha tiegħu, Ġeħova tahom l-abbiltà u l-awtorità biex jieħdu ħsieb il-ħolqien tiegħu fuq l-art. (Ġenesi 1:26, 28; 2:15) Dan l-inkarigu taʼ xogħol ngħata qabel ma Alla qal il-kliem li hemm imniżżel f’Ġenesi 3:19. Jekk ix-xogħol kien saħta u ħażin, Ġeħova qatt ma kien se jinkuraġġixxi lin-nies jieħdu sehem fih. Noè u l-familja tiegħu kellhom ħafna xogħol x’jagħmlu qabel u wara d-Dilluvju. Wara li Ġesù ġie fuq l-art, id-dixxipli tiegħu ġew imħeġġin biex jaħdmu.—1 Tessalonikin 4:11.
Minkejja dan, ilkoll nafu li x-xogħol jistaʼ jkun taʼ tbatija llum il-ġurnata. L-istress, il-perikli, id-dwejjaq, id-diżappunt, il-kompetizzjoni, il-qerq, u l-inġustizzja huma biss ftit mix-“xewk u għollieq” assoċjati miegħu. Imma x-xogħol fih innifsu mhux saħta. F’Koħèlet 3:13, il-Bibbja ssejjaħ ix-xogħol u l-frott tiegħu rigal mingħand Alla.—Ara l-kaxxa “Inkampaw maʼ l-Istress li Jiġi mix-Xogħol.”
Tistaʼ tigglorifika lil Alla b’xogħlok. Il-kwalità u l-eċċellenza fuq il-post tax-xogħol dejjem ġew imfaħħrin. Il-kwalità hija waħda miċ-ċwievet għal ħarsa Biblika lejn ix-xogħol. Alla nnifsu jagħmel xogħlu b’eċċellenza. Hu tana talenti u abbiltajiet, u jrid li nużaw il-kapaċitajiet tagħna għat-tajjeb. Per eżempju, waqt il-bini tat-tabernaklu f’Iżrael tal-qedem, lil nies bħal Beżalel u Oħolijab, Ġeħova tahom l-għerf, il-fehma, u l-għarfien, u dan għenhom iwettqu inkarigi speċifiċi li kienu artistiċi u prattiċi. (Eżodu 31:1-11) Dan juri li Alla wera interess speċjali fil-funzjoni, is-sengħa, id-disinn, u dettalji oħra taʼ xogħolhom.
Dan għandu jeffettwa bil-kbir il-mod kif aħna nħarsu lejn l-abbiltajiet persunali u d-drawwiet tax-xogħol. F’ċertu sens jgħinna narawhom bħala rigali mingħand Alla, li m’għandniex niħduhom ħafif ħafif. B’hekk, il-Kristjani huma mħeġġin biex jagħmlu xogħolhom bil-ħsieb li Alla qed jiġġudika dak li qed jagħmlu: “Kulma tagħmlu, agħmluh b’ruħkom kollha qisu għal Ġeħova, u mhux għall-bnedmin.” (Kolossin 3:23) Il-qaddejja t’Alla huma kmandati biex jagħmlu xogħol tajjeb, u b’hekk jagħmlu l-messaġġ Kristjan jidher iktar attraenti għal sħabhom tax-xogħol u oħrajn.—Ara l-kaxxa “Napplikaw Prinċipji Bibliċi fuq il-Post tax-Xogħol.”
Meta nikkunsidraw dan, nagħmlu tajjeb jekk nistaqsu lilna nfusna liema tip taʼ kwalità u diliġenza għandna f’xogħolna. Kien Alla se jkun ferħan b’xogħolna? Aħna tassew sodisfatti bil-mod li nwettqu l-inkarigi tagħna? Mela jekk le, hemm fejn nitjiebu.—Proverbji 10:4; 22:29.
Ibbilanċja x-xogħol maʼ l-ispiritwalità. Għalkemm ix-xogħol iebes hu taʼ min ifaħħru, hemm ċavetta fundamentali oħra biex tikseb is-sodisfazzjon fix-xogħol u l-ħajja. Hija l-ispiritwalità. Is-Sultan Salamun, li ħadem iebes u gawda l-għana u l-kumditajiet kollha li l-ħajja kellha x’toffri, wasal għal din il-konklużjoni: “Ħobb lil Alla u ħares il-kmandamenti tiegħu, għax f’dan jinġabar il-bniedem kollu.”—Koħèlet 12:13.
B’mod ċar, għandna nikkunsidraw ir-rieda t’Alla f’dak kollu li nagħmlu. Qegħdin naħdmu fi qbil mar-rieda tiegħu, jew forsi qed naħdmu kontriha? Qegħdin nistinkaw biex nogħġbu lil Alla, jew qed nipprovaw nogħġbu lilna nfusna? Jekk ma nagħmlux ir-rieda t’Alla, eventwalment se nsofru l-uġigħ tad-disprament, is-solitudni, u se nħossu vojt kbir.
Steven Berglas issuġġerixxa li d-diretturi eżawriti għadhom ‘isibu xi ħaġa li jieħdu gost jagħmlu u jdaħħluha f’ħajjithom.’ M’hemm ebda ħaġa li tiswa iktar milli naqdu lil dak il-Wieħed li tana l-kapaċitajiet u l-abbiltajiet biex nagħmlu xogħol taʼ siwi. Jekk nagħmlu xogħol li jogħġob lill-Ħallieq tagħna żgur se nkunu sodisfatti. Għal Ġesù, ix-xogħol li ngħata minn Ġeħova kien taʼ ġid, sodisfaċenti, u rifreskanti bħall-ikel. (Ġwanni 4:34; 5:36) U ftakar li Alla, l-Aqwa Ħaddiem, jistidinna biex insiru “ħaddiema sħab” miegħu.—1 Korintin 3:9.
Jekk naqdu lil Alla u nikbru spiritwalment dan se jippreparana għal xogħol premjanti u għal responsabbiltà. Ladarba l-post tax-xogħol spiss huwa mimli pressjonijiet, konflitti, u ansjetà, il-fidi u l-ispiritwalità tagħna li għandhom l-għeruq fis-sod jistgħu jagħtu ħafna saħħa meħtieġa hekk kif nistinkaw biex inkunu ħaddiema u mgħallmin aħjar. Mill-banda l-oħra, ir-realtajiet tal-ħajja f’din id-dinja ħażina jistgħu juruna fejn għandna bżonn insaħħu l-fidi.—1 Korintin 16:13, 14.
Meta x-Xogħol Se Jsir Barka
Dawk li issa qed jaħdmu iebes biex jaqdu lil Alla jistgħu jħarsu ’l quddiem għal żmien meta hu se jerġaʼ jbiddel din id-dinja f’Ġenna taʼ l-art u l-art se timtela b’xogħol taʼ siwi. Isaija, profeta taʼ Ġeħova, bassar dwar il-ħajja f’dak iż-żmien: “Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom, iħawwlu d-dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux biex jgħammar ħaddieħor, u ma jħawwlux biex jiekol ħaddieħor. . . . U l-magħżulin tiegħi jistgħallu xogħol idejhom.”—Isaija 65:21-23.
X’barka se jkun ix-xogħol f’dan iż-żmien! Billi titgħallem x’inhi r-rieda t’Alla għalik u taħdem fi qbil miegħu, jalla tkun fost l-uħud imberkin minn Ġeħova u dejjem ‘idduq mill-frott taʼ xogħlok.’—Koħèlet 3:13.
[Kumment f’paġna 8]
Alla hu l-Aqwa Ħaddiem: Ġenesi 1:1, 4, 31; Ġwanni 5:17
[Kumment f’paġna 8]
Ix-xogħol jistaʼ jkun barka: Ġenesi 1:28; 2:15; 1 Tessalonikin 4:11
[Kumment f’paġna 8]
Tistaʼ tigglorifika lil Alla b’xogħlok: Eżodu 31:1-11; Kolossin 3:23
[Kumment f’paġna 8]
Ibbilanċja x-xogħol maʼ l-ispiritwalità: Koħèlet 12:13; 1 Korintin 3:9
[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]
INKAMPAW MAʼ L-ISTRESS LI JIĠI MIX-XOGĦOL
Professjonisti fil-mediċina kklassifikaw l-istress mix-xogħol bħala periklu li hu konness mal-ħidma. Jistaʼ jikkaġuna ulċeri u dipressjoni u jistaʼ saħansitra jwassal għal suwiċidju. Il-Ġappuniżi għandhom terminu għalih—karoshi, “mewt minħabba xogħol żejjed.”
Diversi fatturi li għandhom x’jaqsmu max-xogħol jistgħu jikkaġunaw l-istress. Dawn jinkludu bidla fis-sigħat jew fil-kundizzjonijiet li taħdem, inkwiet maʼ dawk taʼ fuqek, bidla fir-responsabbiltajiet jew fit-tip taʼ xogħol, irtirar, u tkeċċija. Bħala reazzjoni għal dan l-istress, xi wħud jipprovaw jaħarbu billi jbiddlu x-xogħol jew l-ambjent. Oħrajn ifittxu li jirreżistu dan listress, biex imbagħad isibu li jinfirex f’oqsma oħra tal-ħajja, l-iktar fil-familja. Xi wħud saħansitra jsofru emozzjonalment, billi jaqgħu f’dipressjoni.
Il-Kristjani huma armati sew biex ikampaw maʼ l-istress li jiġi mix-xogħol. Il-Bibbja tipprovdi diversi prinċipji fundamentali li jistgħu jgħinuna fi żminijiet diffiċli u li jħallu effett pożittiv fuq is-saħħa spiritwali u emozzjonali tagħna. Per eżempju, Ġesù qal: “Qatt tkunu ansjużi dwar l-għada, għax l-għada se jkollu l-ansjetajiet tiegħu. Hu biżżejjed għal kull ġurnata l-ħażen tagħha.” L-inkuraġġiment hawnhekk hu li niffokaw fuq il-problemi taʼ llum, u mhux t’għada. B’hekk nevitaw li nkabbru l-problemi tagħna iktar milli huma, tant li jiżdied l-istress.—Mattew 6:25-34.
Huwa essenzjali li l-Kristjani jistrieħu fuq issaħħa t’Alla, u mhux tagħhom stess. Meta nħossuna li ma nifilħux iktar, Alla jistaʼ jagħtina l-paċi u l-ferħ f’qalbna u jipprovdilna l-għerf biex inkampaw maʼ kwalunkwe tbatija. L-appostlu Pawlu kiteb: “Komplu iksbu l-qawwa fil-Mulej u fis-setgħa tas-saħħa tiegħu.”—Efesin 6:10; Filippin 4:7.
Fl-aħħar mill-aħħar, anki ċirkustanzi stressanti jistgħu jipproduċu riżultati pożittivi. Il-provi jistgħu jġagħluna nduru lejn Ġeħova, billi nfittxuh u nafdaw fih. Jistgħu jqanqluna wkoll biex inkomplu nikkultivaw il-personalità Kristjana u l-abbiltà li nipperseveraw taħt pressjoni. Pawlu jħeġġiġna: “Ħa nifirħu meta nkunu f’xi tribulazzjoni, ladarba nafu li t-tribulazzjoni tipproduċi s-sabar; imbagħad, is-sabar jipproduċi l-approvazzjoni t’Alla, u l-approvazzjoni t’Alla tipproduċi t-tama.”—Rumani 5:3, 4.
B’hekk, anki l-istress jistaʼ jqanqalna biex nikbru spiritwalment minflok ma jkun sors taʼ disprament u niket.
[Kaxxa f’paġna 7]
NAPPLIKAW PRINĊIPJI BIBLIĊI FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL
L-attitudni u l-imġiba taʼ Kristjan fuq ix-xogħol jistgħu jagħmlu l-messaġġ tal-Bibbja jidher iktar attraenti għal dawk li jaħdmu miegħu u għal oħrajn. Fl-ittra tiegħu lil Titu, l-appostlu Pawlu jwissi lil dawk li huma f’sitwazzjoni simili bħal dik taʼ l-impjegati biex “ikunu sottomessi lejn [dawk taʼ fuqhom] f’kollox, u jogħġbuhom sew, ma jirrispondux, ma jisirqux, imma juru fedeltà sħiħa, sabiex isebbħu f’kollox it-tagħlim t’Alla, is-Salvatur tagħna.”—Titu 2:9, 10.
Per eżempju, ikkunsidra dak li kiteb wieħed negozjant lill-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova: “Jien qed nikteb biex nitlob permess biex inħaddem ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Nixtieq inħaddimhom għaliex naf żgur li huma onesti, sinċieri, u taʼ min jafdahom, u mhux se jqarrqu bik. L-uniċi nies li verament nafda huma xXhieda taʼ Ġeħova. Jekk jogħġobkom għinuni.”
Kyle hija Kristjana li taħdem bħala receptionist fi skola privata. Minħabba li kien hemm nuqqas taʼ ftehim, mara li taħdem magħha kellmitha ħażin quddiem xi studenti. “Kelli noqgħod attenta li ma nġibx tmaqdir fuq isem Ġeħova,” tiftakar Kyle. Għal ħamest ijiem, Kyle ħasbet dwar kif tistaʼ tapplika prinċipji Bibliċi. Wieħed minnhom li hemm f’Rumani 12:18: “Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi mal-bnedmin kollha.” Hi bagħtet e-mail lil dik li taħdem magħha u talbitha skuża għat-tensjoni li kien hemm bejniethom. Kyle stidnitha biex tibqaʼ ftit wara x-xogħol biex jitkellmu ħalli jirranġaw is-sitwazzjoni. Meta għamlu hekk, il-mara li taħdem maʼ Kyle biddlet l-attitudni tagħha u għarfet l-għerf li użat Kyle. Hi qalet lil Kyle, “Dan żgur minħabba r-reliġjon tiegħek” u għannqitha hekk kif sellmu lil xulxin. Xi kkonkludiet Kyle? “Qatt ma nistgħu niżbaljaw jekk napplikaw il-prinċipji Bibliċi.”
[Stampi f’paġna 4, 5]
Ħafna ħaddiema jħossuhom li għandhom sehem żgħir u insinifikanti f’organizzazzjoni kbira u impersonali
[Sors]
Iċ-Ċentru taʼ Informazzjoni fil-Ġappun, Konsolat Ġenerali tal-Ġappun fi New York
[Sors tal-Istampa f’paġna 8]
Globu: NASA photo