Id-Dilemma tax-Xogħol
“Ix-xogħol—ix-xogħol! Huwa taʼ pjaċir kbir li nkunu nafu li għad fadlilna xogħol x’nagħmlu.”—Katherine Mansfield, awtriċi (1888-1923).
GĦANDEK int l-istess opinjoni dwar ix-xogħol bħal dik fl-istqarrija li għadek kif qrajt? Personalment kif tqis ix-xogħol? Tħoss li forsi x-xogħol hu bħal mina twila u mudlama bejn Sibtijiet u Ħdud kollhom divertiment? Jew tant sirt ossessjonat b’xogħlok li kważi sar vizzju?
Għall-maġġuranza min-nies, l-akbar parti mill-ġurnata tagħhom hi dedikata għax-xogħol. Ix-xogħol jistaʼ jiddetermina fejn ngħixu u liema stil taʼ ħajja għandna. Miż-żgħożija sakemm jirtiraw, ħafna jsibu li x-xogħol hu l-iktar ħaġa li tiddominalhom ħajjithom. Xi wħud minna niksbu sodisfazzjon kbir mill-ħidma tagħna. Oħrajn jikkalkulaw il-valur tax-xogħol fuq kemm jaqilgħu flus jew x’pożizzjoni għandhom, filwaqt li hemm oħrajn li jqisu x-xogħol bħala sempliċement xi ħaġa li timla l-ħin jew saħansitra taħli l-ħin.
Hemm dawk li jaħdmu biex jgħixu u dawk li jgħixu biex jaħdmu; oħrajn imutu fuq ix-xogħol jew minħabba x-xogħol. Per eżempju, skond rapport reċenti mill-Ġnus Magħquda, ix-xogħol jikkaġuna iktar uġigħ u mewt “minn gwerer jew abbuż taʼ drogi u alkoħol kollha flimkien.” Rigward dan, il-gazzetta The Guardian taʼ Londra rrapportat: “Iktar minn żewġ miljun persuna jmutu kull sena minħabba aċċidenti jew mard konness max-xogħol . . . Kuntatt mat-trab, il-kimiċi, l-istorbju u r-radjazzjoni [qed] jikkaġunaw il-kanċer, il-mard tal-qalb u l-puplesiji.” Xogħol sforzat fuq it-tfal u fuq il-kbar huma żewġ realtajiet koroh oħra konnessi max-xogħol illum.
Flimkien maʼ dan, il-psikologu Steven Berglas jispjega li hemm uħud li tant jinqerdu bix-xogħol li l-konsegwenzi jkunu katastrofiċi. Meta ddeskriva l-ħaddiem diliġenti qal li għalkemm dan laħaq il-quċċata fil-karriera tiegħu, xorta kien iħossu “beżgħan kronikament, imdejjaq, qalbu sewda jew dipress minħabba l-fatt li jemmen li hu maqbud f’xogħol, jew f’karriera, li ma jistax jaħrab minnu jew jikseb sodisfazzjon psikoloġiku.”
Xogħol Iebes Kontra Xogħol Żejjed
F’dinja fejn ħafna jaħdmu għal sigħat twal, huwa tajjeb li niddistingwu bejn uħud li jaħdmu iebes u wħud li jaħdmu żżejjed. Ħafna minn dawk li jaħdmu żżejjed iqisu l-post tax-xogħol bħala kenn f’dinja perikoluża u li ma tistax toqgħod fuqha; dawk li huma beżlin iqisu x-xogħol bħala obbligazzjoni essenzjali u kultant taʼ sodisfazzjon. Dawk li jaħdmu żżejjed iħallu x-xogħol jieħu post l-aspetti kollha l-oħra tal-ħajja; dawk li jaħdmu iebes jafu meta għandhom jitfu l-kompjuters, idawru l-attenzjoni tagħhom, u jkunu preżenti biex jiċċelebraw l-anniversarju tat-tieġ tagħhom, bħala eżempju. Dawk li jaħdmu żżejjed jiksbu sodisfazzjon emozzjonali u stimulazzjoni minn xogħolhom; dawk li jaħdmu iebes ma jesperjenzawx dan.
Is-soċjetà moderna ma tafx taqtaʼ linja bejn it-tnejn hekk kif tagħmel ix-xogħol żejjed jidher attraenti. Modems, telefons ċellulari, u pagers jistgħu jtellfu l-bilanċ bejn il-post tax-xogħol u d-dar. Meta kwalunkwe post jistaʼ jkun post tax-xogħol u kwalunkwe ħin jistaʼ jkun ħin għax-xogħol, xi wħud se jaħdmu tant iebes li jikkaġunaw ħsara lilhom infushom.
Xi wħud kif jirreaġixxu għal din l-attitudni tant taʼ ħsara? Soċjologi nnotaw tendenza li wħud li jaħdmu żżejjed u li huma stressati żżejjed qed idaħħlu l-ispiritwalità fil-post tax-xogħol u qed jgħaqqdu l-ħajja reliġjuża tagħhom mal-ħajja professjonali. Il-gazzetta San Francisco Examiner irrapportat li “l-għaqda taʼ l-ispiritwalità u x-xogħol saret xi ħaġa li qed titqies bħala fenomenu pubbliku.”
Rigward Silicon Valley, post prinċipali taʼ teknoloġija għolja fl-Istati Uniti, rapport reċenti qal: “Hekk kif id-diretturi qed jgħoddu l-postijiet vojta fejn jipparkjaw fuq ix-xogħol minħabba li l-ħaddiema dejjem jonqsu, ma tantx issib postijiet vojta fejn tipparkja biex tattendi xi studju tal-Bibbja.” Ikun xi jkun is-sinifikat taʼ dan, ħafna madwar id-dinja sabu li l-Bibbja għandha influwenza pożittiva fuq il-ħarsa tagħhom lejn ix-xogħol, u dan jirriżulta f’ħarsa iktar bilanċjata dwar kif tgħix ħajtek.
Il-Bibbja kif tistaʼ tgħinna niksbu ħarsa bilanċjata dwar ix-xogħol? Hemm xi prinċipji Skritturali li jistgħu jgħinuna niffaċċjaw l-isfidi fuq il-post tax-xogħol illum b’suċċess? L-artiklu li jmiss se jiddiskuti dawn il-mistoqsijiet.