“Henjin Dawk li Huma Konxji tal-Bżonn Spiritwali Tagħhom”
META l-għasafar iqumu fil-għodu, huma spiss ipespsu għal ftit ħin u mbagħad itiru biex ifittxu l-ikel. Fil-għaxija, imorru lura fil-bejtiet tagħhom, ipespsu ftit ieħor, u jmorru jorqdu. F’ċerti staġuni huma jitgħammru, ibidu l-bajd, u jrabbu liċ-ċkejknin tagħhom. Annimali oħra għandhom stil taʼ ħajja simili li tistaʼ tbassru minn qabel.
Aħna l-bnedmin differenti. Veru, aħna nieklu, norqdu, ikollna t-tfal, imma ħafna minna m’aħniex kuntenti biss b’dawn l-affarijiet. Irridu nkunu nafu għala qegħdin hawn. Infittxu skop għal ħajjitna. Nixtiequ wkoll tama għall-futur. Dawn il-bżonnijiet iktar profondi jippontaw lejn kwalità li hi unika għall-bnedmin—l-ispiritwalità, jew il-bżonn u l-potenzjal għal affarijiet spiritwali.
Magħmulin fuq Xbihat Alla
Il-Bibbja tispjega r-raġuni għala l-bniedem għandu bżonn ġewwieni għall-ispiritwalità, billi tgħid: “Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom.” (Ġenesi 1:27) Il-fatt li aħna maħluqin “fuq xbihat Alla” jfisser li avolja ġejna mtebbgħin bid-dnub u l-imperfezzjoni, aħna għandna l-abbiltà li nirriflettu ċerti kwalitajiet li għandu Alla. (Rumani 5:12) Per eżempju, nistgħu nkunu kreattivi. Għandna wkoll ammont taʼ għerf, sens taʼ ġustizzja, u l-abbiltà li nħobbu tant li lesti nagħmlu sagrifiċċju persunali għal xulxin. Iktar minn hekk, nistgħu nirriflettu fuq il-passat u nippjanaw għall-futur.—Proverbji 4:7; Koħèlet 3:1, 11; Mikea 6:8; Ġwanni 13:34; 1 Ġwanni 4:8.
Il-potenzjal għall-ispiritwalità tagħna jidher b’mod tassew ċar mix-xewqa naturali li għandna biex inqimu lil Alla. Jekk ma nissodisfawx kif suppost dan il-bżonn li nkunu f’kuntatt mal-Ħallieq, ma nistgħux insibu ferħ veru u dejjiemi. “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom,” qal Ġesù. (Mattew 5:3) Però, irridu noqogħdu attenti li nissodisfaw dan il-bżonn bil-verità spiritwali—fatti dwar Alla, il-livelli tiegħu, u l-iskop tiegħu għall-umanità. Fejn nistgħu nsibu l-verità spiritwali? Fil-Bibbja.
“Kelmtek Hi l-Verità”
L-appostlu Pawlu kiteb: “L-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa biex tgħallem, twiddeb, tikkoreġi, tiddixxiplina fis-sewwa.” (2 Timotju 3:16) Il-kliem taʼ Pawlu hu fi qbil maʼ dak taʼ Ġesù, li qal fit-talb lil Alla: “Kelmtek hi l-verità.” Illum, aħna nafu dik il-Kelma bħala l-Bibbja Mqaddsa, u nkunu għaqlin meta niċċekkjaw jekk it-twemmin u l-livelli tagħna jaqblux magħha.—Ġwanni 17:17.
Meta nqabblu t-twemmin tagħna mal-Kelma t’Alla, inkunu qed nimitaw lin-nies taʼ Berea tal-qedem, li aċċertaw ruħhom li t-tagħlim taʼ Pawlu kien fi qbil maʼ l-Iskrittura. Minflok ma kkritika lil Bereani, Luqa faħħarhom għall-attitudni tagħhom. Huma “laqgħu l-kelma bl-akbar ħeġġa u kienu jeżaminaw bir-reqqa l-Iskrittura kuljum biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu.” (Atti 17:11) Meta tqis kemm hu abbundanti t-tagħlim reliġjuż u morali kontradittorju llum, huwa importanti li aħna nimitaw l-eżempju tal-Bereani li kellhom moħħ nobbli.
Mod ieħor kif nidentifikaw il-verità spiritwali hu billi naraw kif din tinfluwenza l-ħajjiet tan-nies. (Mattew 7:17) Per eżempju, jekk ngħixu skond il-verità tal-Bibbja għandna nkunu rġiel miżżewġin aħjar, missirijiet aħjar, nisa miżżewġin aħjar, jew ommijiet aħjar, u għalhekk inżidu l-hena tal-familja u l-hena persunali. “Henjin dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jħarsuha,” qal Ġesù.—Luqa 11:28.
Il-kliem taʼ Ġesù jfakkarna f’dak taʼ Missieru tas-sema, li qal lill-Iżraelin tal-qedem: “Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-ġid tiegħek, u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi. Li kieku tajt widen għall-kmandamenti tiegħi, kien ikun bħal xmara sliemek, u sedqek bħal mewġ tal-baħar.” (Isaija 48:17, 18) Kulmin iħobb it-tjieba u s-sewwa żgur li jitqanqal minn dan l-appell kollu mħabba!
Xi Wħud Jippreferu li “Jgħarrxulhom Widnejhom”
Alla għamel dan l-appell mill-qalb lill-Iżraelin għaliex kienu qed jiġu żvijati minn gideb reliġjuż. (Salm 106:35-40) Aħna wkoll irridu noqogħdu attenti minn affarijiet li m’humiex minnhom. Dwar dawk li jriduha taʼ Kristjani, Pawlu kiteb: “Ikun hemm perijodu taʼ żmien meta ma jittollerawx it-tagħlim mimli saħħa, imma, fi qbil max-xewqat tagħhom, jiġbru għalliema madwarhom biex jgħarrxulhom widnejhom; u jbiegħdu widnejhom mill-verità, u jduru lejn stejjer foloz.”—2 Timotju 4:3, 4.
Il-mexxejja reliġjużi jgħarrxu widnejn in-nies billi jagħlqu għajnejhom għal prattiċi li jissodisfaw xewqat ħżiena, bħas-sess barra ż-żwieġ, l-omosesswalità, u s-sokor. Il-Bibbja tgħid ċar u tond li dawk li japprovaw dawn l-affarijiet u li jipprattikawhom “ma jirtux is-saltna t’Alla.”—1 Korintin 6:9, 10; Rumani 1:24-32.
M’għandniex xi ngħidu, trid il-kuraġġ biex tgħix skond il-livelli tal-Bibbja, speċjalment meta tiġi ridikolat, imma dan hu possibbli. Fost ix-Xhieda taʼ Ġeħova hemm ħafna wħud li kienu drogati, sakranazzi, żienja, ġellieda, ħallelin, u giddieba. Però, huma ħadu l-Kelma t’Alla bis-serjetà u bl-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis għamlu bidliet f’ħajjithom biex ‘jimxu kif jixraq lil Ġeħova.’ (Kolossin 1:9, 10; 1 Korintin 6:11) Ladarba għamlu paċi m’Alla, huma kisbu wkoll il-paċi ġewwinija u, kif se naraw, kisbu tama ġenwina għall-futur.
It-Tama tas-Saltna
It-tama li toffri l-Bibbja taʼ paċi dejjiema għall-bnedmin se titwettaq permezz tas-Saltna t’Alla. “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (Mattew 6:10) Iva, is-Saltna t’Alla biss tistaʼ tiżgura li r-rieda t’Alla sseħħ fuq l-art. Għala? Għaliex dik is-Saltna tas-sema—gvern f’idejn Ġesù Kristu—hija l-mezz t’Alla biex jeżerċita d-dritt li għandu għas-sovranità Tiegħu fuq l-art.—Salm 2:7-12; Danjel 7:13, 14.
Bħala s-Sultan taʼ dik is-Saltna tas-sema, Ġesù Kristu se jeħles lill-bnedmin ubbidjenti minn kull forma taʼ jasar, inkluż il-ħakma persistenti tad-dnub taʼ Adam u l-konsegwenzi tal-mard u l-mewt li ġab miegħu. Rivelazzjoni 21:3, 4 jgħid: “Ara! It-tinda t’Alla hi mal-bnedmin . . . U [Alla Ġeħova] jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”
Il-paċi dejjiema se tirrenja madwar l-art kollha. Għala nistgħu nkunu ċerti dwar dan? Ir-raġuni hija rivelata f’Isaija 11:9, li jgħid: “[Is-sudditi tas-Saltna] ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.” Iva, kull bniedem fuq l-art se jkollu għarfien eżatt dwar Alla u se jkun ubbidjenti lejh. Iqawwilek qalbek dan il-prospett? Jekk iva, issa hu ż-żmien li tibda tieħu l-“għarfien tal-Mulej” li hu tant prezzjuż.
Se Tagħti Kas il-Messaġġ tas-Saltna?
Permezz tas-Saltna, Alla se jreġġaʼ lura lgħemejjel taʼ Satana u se jgħallem lin-nies dwar il-mogħdijiet ġusti Tiegħu. Għalhekk, mhux taʼ b’xejn li s-Saltna kienet is-suġġett prinċipali fit-tagħlim taʼ Ġesù. “Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.” (Luqa 4:43) Kristu kkmanda lid-dixxipli tiegħu biex jaqsmu dan l-istess messaġġ m’oħrajn. (Mattew 28:19, 20) “Din l-aħbar tajba tas-saltna,” bassar hu, “tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14) Dan it-tmiem ġej b’ħeffa kbira. Kemm hu importanti, mela, li nies taʼ qalb onesta jagħtu kas l-aħbar tajba li ssalva l-ħajjiet!
Albert, li ssemma fl-artiklu taʼ qabel, semaʼ l-messaġġ tas-Saltna meta martu u ibnu bdew jistudjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Għall-ewwel Albert kien xettiku. Hu saħansitra staqsa lil xi ħadd mill-kleru lokali biex iżur lil martu u lil ibnu sabiex jikxef il-fatti dwar ix-Xhieda. Imma dan il-membru tal-kleru ma riedx jindaħal. Allura Albert iddeċieda li jismaʼ d-diskussjoni Biblika ħalli jipprova jsib l-iżbalji hu stess. Wara biss sessjoni waħda, hu ngħaqad fl-istudju, ħerqan biex jitgħallem iktar. Iktar tard spjega għala l-attitudni tiegħu nbidlet. “Dan hu eżatt dak li dejjem kont qed infittex,” qal hu.
Fl-aħħar, Albert beda jissodisfa l-bżonn spiritwali tiegħu, u qatt ma ddispjaċieh. Il-verità tal-Bibbja tagħtu dak li kien ilu jfittex ħajtu kollha—is-soluzzjoni għall-inġustizzja u l-korruzzjoni mifruxa fis-soċjetà, u tama għall-futur. Il-verità tal-Bibbja tatu l-paċi ġewwinija. Int qed tissodisfa l-bżonn spiritwali tiegħek? Għala ma tiħux ftit ħin biex taqra l-mistoqsijiet imniżżlin fil-kaxxa f’paġna 6? Jekk tixtieq iktar informazzjoni, ix-Xhieda taʼ Ġeħova se jieħdu pjaċir jgħinuk.
[kaxxa/Stampi f’paġna 6]
QED TISSODISFA L-BŻONN SPIRITWALI TIEGĦEK?
Tħossok sodisfatt bl-ikel spiritwali li qed tingħata? Nistidnuk taqra l-mistoqsijiet li ġejjin u timmarka dawk li taf tweġibhom sew.
□ Min hu Alla, u x’jismu?
□ Min hu Ġesù Kristu? Għalfejn kellu jmut? Kif tistaʼ tibbenefika mill-mewt tiegħu?
□ Ix-Xitan jeżisti? Jekk iva, minfejn ġie?
□ X’jiġrilna meta mmutu?
□ X’inhu l-iskop t’Alla għall-art u għall-umanità?
□ X’inhi s-Saltna t’Alla?
□ X’inhuma l-livelli t’Alla dwar il-moralità?
□ Fil-familja, Alla liema rwol jagħtihom lir-raġel u l-mara? Liema huma xi prinċipji Bibliċi li jġibu l-hena fil-familja?
Jekk m’intix ċert dwar it-tweġibiet taʼ xi wħud mill-mistoqsijiet, tistaʼ titlob kopja tal-browxer Alla X’Jirrikjedi Minna? Dan il-browxer, li hu pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova fi kważi 300 lingwa, jiddiskuti 16-il suġġett bażiku mill-Bibbja u jipprovdi tweġiba Skritturali għall-mistoqsijiet kollha mniżżlin hawn fuq.
[Stampi f’paġna 4]
Kuntrarju għall-annimali, il-bnedmin għandhom bżonn spiritwali
[Stampa f’paġna 5]
“Jiġbru għalliema madwarhom biex jgħarrxulhom widnejhom.”—2 Timotju 4:3
[Stampa f’paġna 7]
Il-paċi dejjiema se tiġi permezz tas-Saltna Messjanika t’Alla