Fittex lil Alla b’Qalbek u b’Moħħok
Il-Kristjanità vera tinkuraġġina nużaw kemm qalbna kif ukoll moħħna biex nibnu fidi li togħġob lil Alla.
FIL-FATT, Ġesù Kristu, il-fundatur tal-Kristjanità, għallem li aħna rridu nħobbu lil Alla ‘b’moħħna kollu,’ jew bl-intellett tagħna, minbarra ‘b’qalbna u b’ruħna kollha.’ (Mattew 22:37) Iva, il-qawwa tar-raġuni tagħna jrid ikollha rwol fundamentali fil-qima tagħna.
Meta kien jistieden lis-semmiegħa tiegħu biex jirriflettu fuq it-tagħlim tiegħu, Ġesù spiss kien jgħid: “Int x’jidhirlek?” (Mattew 17:25; 18:12; 21:28; 22:42) Bl-istess mod, l-appostlu Pietru kiteb lil sħabu fit-twemmin sabiex ‘iqajjem fihom il-fakultà tal-ħsieb.’ (2 Pietru 3:1, NW) L-appostlu Pawlu, l-iktar missjunarju li vvjaġġa fl-ewwel seklu, ħeġġeġ lill-Kristjani biex jużaw il-qawwa tar-raġuni tagħhom u biex ‘jagħrfu x’inhi r-rieda taʼ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.’ (Rumani 12:1, 2) Huwa biss billi jeżaminaw it-twemmin tagħhom bir-reqqa u b’attenzjoni kbira li l-Kristjani jistgħu jibnu fidi li tkun togħġob lil Alla u li biha jkunu jistgħu jiffaċċjaw b’suċċess il-provi li jħabbtu wiċċhom magħhom fil-ħajja.—Lhud 11:1, 6.
Biex jgħinu lil oħrajn jibnu fidi bħal din, l-evanġelizzaturi Kristjani tal-bidu ‘kienu jiddiskutu magħhom fuq l-Iskrittura, ifehmuhom u jipprovawlhom’ bir-referenzi l-affarijiet li kienu jgħallmuhom. (Atti 17:1-3) Dan il-metodu raġunevoli taʼ tagħlim qanqal reazzjoni mill-aħjar f’nies taʼ qalb onesta. Per eżempju, għadd taʼ nies fil-belt taʼ Berija, fil-Maċedonja, “laqgħu l-kelma [t’Alla] bil-ħeġġa kollha, u kuljum bdew iqallbu l-Iskrittura biex jaraw jekk dak li semgħu [spjegat minn Pawlu u sħabu] kienx minnu.” (Atti 17:11) Hawnhekk ikun tajjeb li ninnotaw żewġ affarijiet. L-ewwel, il-Berijani kienu ħerqanin biex jisimgħu l-Kelma t’Alla; it-tieni, m’aċċettawx b’għajnejhom magħluqa dak li semgħu, bħallikieku dan kien żgur korrett, imma rreferew għall-Iskrittura. Il-missjunarju Kristjan Luqa bl-umiltà kollha faħħar lill-Berijani għal dan, billi sejħilhom “taʼ qalb kbira.” Turi int qalb kbira bħal din fil-mod kif tħares lejn kwistjonijiet spiritwali?
Il-Moħħ u l-Qalb Jaħdmu Id f’Id
Bħalma ssemma qabel, il-qima vera tinvolvi kemm il-moħħ kif ukoll il-qalb. (Mark 12:30) Ftakar fit-tixbiha li ntużat fl-artiklu taʼ qabel dwar il-bajjâd li uża l-kuluri żbaljati meta żebaʼ dar. Kieku qagħad attent għall-istruzzjonijiet taʼ min qabbdu jiżbogħ, kien ikun jistaʼ jwettaq xogħlu b’ruħu u ġismu u kien ikollu l-fiduċja li xogħlu kien se jkun approvat minn sid id-dar. L-istess japplika għall-qima tagħna.
“Dawk li tassew jaduraw,” qal Ġesù, “jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità.” (Ġwann 4:23, korsiv tagħna.) Għaldaqstant, l-appostlu Pawlu kiteb: “Għalhekk aħna wkoll . . . ma hedejniex nitolbu għalikom, u nibqgħu nitolbu li tagħrfu sewwa [“timtlew bl-għarfien eżatt dwar,” NW] r-rieda taʼ Alla bl-għerf kollu u d-dehen spiritwali. Hekk tkunu tistgħu tgħixu sewwa kif jixraq lill-Mulej u togħġbuh f’kollox.” (Kolossin 1:9, 10) Bis-saħħa taʼ dan l-“għarfien eżatt,” individwi sinċieri jkunu jistgħu jpoġġu qalbhom u ruħhom fil-qima tagħhom b’fiduċja sħiħa għaliex huma ‘jaduraw lil dak li jafu.’—Ġwann 4:22.
Għal dawn ir-raġunijiet, ix-Xhieda taʼ Jehovah ma jgħammdux lit-trabi jew lil nies li jkunu għandhom kif bdew juru interess fil-Bibbja għax dawn ma jkunux studjaw l-Iskrittura bir-reqqa. Ġesù inkariga lis-segwaċi tiegħu: “Agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, . . . u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 28:19, 20) Huwa biss wara li jkunu kisbu għarfien eżatt dwar ir-rieda t’Alla li studenti sinċieri tal-Bibbja jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni bbażata fuq l-għarfien eżatt dwar dik li hi qima. Qiegħed int tistinka biex tikseb dan l-għarfien eżatt?
Nifhmu t-Talba tal-Missierna
Biex naraw id-differenza bejn li jkollok għarfien eżatt u li tkun taf fuq fuq dak li tgħid il-Bibbja, ejja nikkunsidraw dik li hi magħrufa kważi minn kulħadd bħala l-Missierna, jew it-Talba tal-Mulej, kif insibuha f’Mattew 6:9-13.
Meta jmorru l-knisja, miljuni sħaħ jgħidu regolarment it-talba mudell li għallimna Ġesù. Imma kemm minnhom ġew mgħallmin xi tfisser eżatt, speċjalment l-ewwel parti tat-talba li tittratta dwar l-isem u s-Saltna t’Alla? Dawn is-suġġetti tant huma importanti li Ġesù poġġiehom fl-ewwel post fit-talba.
Din tibda hekk: “Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek.” Innota li Ġesù qalilna biex nitolbu li jitqaddes l-isem t’Alla. Għal ħafna nies, dan iqajjem mill-inqas żewġ mistoqsijiet. L-ewwel, x’inhu l-isem t’Alla? U t-tieni, għala għandu bżonn jitqaddes?
Ir-risposta għall-ewwel mistoqsija nistgħu nsibuha f’iktar minn 7,000 post fil-Bibbja bil-lingwi oriġinali li bihom inkitbet. Post wieħed insibuh f’Salm 83:19 [83:18, NW]: “Biex jagħrfu li Jaħweh [jew, Jehovah] hu ismek, li int waħdek l-Għoli fuq l-art kollha.” (Korsiv tagħna.) Dwar l-isem divin, Jehovah, Eżodu 3:15 jgħid: “Dan ikun ismi għal dejjem u dan l-isem ifakkarkom fija minn nisel għal nisel.”a Imma l-isem t’Alla, li hu l-istess essenza tas-safa u l-qdusija, għala għandu bżonn jitqaddes? Għax ġie mmaqdar u malafamat mill-bidunett taʼ l-istorja tal-bniedem.
Fil-Ġnien taʼ l-Għeden, Alla qal lil Adam u Eva li jekk jieklu l-frotta projbita jmutu. (Ġenesi 2:17) Satana kkontradixxa b’mod insolenti lil Alla, billi qal lil Eva: “Le, żgur ma tmutux.” Għaldaqstant, Satana akkuża lil Alla li kien qed jigdeb. Madankollu, ma waqafx hemm. Hu kompla jmaqdar l-isem t’Alla, billi qal lil Eva li Alla kien qed iċaħħadha b’mod inġust minn għarfien siewi. “Alla jaf li dak in-nhar li tieklu [mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin] jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin.” X’malafama!—Ġenesi 3:4, 5.
Billi ħadu mill-frott projbit, Adam u Eva ħadu l-waqfa tagħhom favur Satana. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-biċċa l-kbira mill-bnedmin, kemm jekk jafu u kemm jekk ma jafux, żiedu maʼ dak it-tmaqdir oriġinali billi ċaħdu l-livelli taʼ tjieba t’Alla. (1 Ġwann 5:19) In-nies għadhom jimmalafamaw ’l Alla billi jwaħħlu fih għas-sofferenzi tagħhom, avolja dawn għandhom mnejn jiġu minħabba l-imġiba ħażina tagħhom stess. “Bi bluhatu l-bniedem jgħarraq ħajtu, u mbagħad jeħodha kontra l-Mulej,” jgħid Proverbji 19:3. Tistaʼ tifhem issa għala Ġesù, li verament ħabb lil Missieru, talab li jitqaddes Ismu?
“Tiġi Saltnatek”
Wara li talab biex jitqaddes l-isem t’Alla, Ġesù qal: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.” (Mattew 6:10) Dwar din is-silta, nistgħu nistaqsu: ‘X’inhi s-Saltna t’Alla? U l-miġja tagħha x’għandha x’taqsam maʼ li jkun li jrid Alla fuq l-art?’
Fil-Bibbja, il-kelma “saltna” tfisser bażikament “ħakma minn sultan.” B’mod loġiku, allura, is-Saltna t’Alla tirreferi għal ħakma, jew gvern, minn Alla, b’sultan magħżul minnu. Dan is-Sultan m’hu ħadd ħlief Ġesù Kristu rxoxtat—is-“Sultan tas-slaten u Sid tas-sidien.” (Apokalissi 19:16; Danjel 7:13, 14) Dwar is-Saltna Messjanika t’Alla f’idejn Ġesù Kristu, il-profeta Danjel kiteb: “Fi żmien dawn is-slaten [il-gvernijiet umani li qed jaħkmu issa], Alla tas-sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Danjel 2:44.
Iva, is-Saltna t’Alla se jkollha kontroll sħiħ taʼ l-art, se teħlisha mill-ħżiena kollha u se taħkem fuqha “għal dejjem,” jiġifieri, għall-eternità. B’dan il-mod, is-Saltna t’Alla hija l-mezz li bih Jehovah iqaddes ismu u jnaddfu minn kull tmaqdir giddieb taʼ Satana u tal-bnedmin mill-agħar.—Eżekjel 36:23.
Is-Saltna t’Alla għandha s-sudditi bħalma għandhom il-gvernijiet kollha. Min huma dawn? Twieġeb il-Bibbja: “Il-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.” (Salm 37:11) B’mod simili, Ġesù qal: “Henjin taʼ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art.” M’għandniex xi ngħidu, dawn għandhom għarfien eżatt dwar Alla, għax dan huwa meħtieġ biex jiksbu l-ħajja.—Mattew 5:5; Ġwann 17:3.
Tistaʼ int timmaġinaha l-art kollha mimlija nies ġwejdin u qalbhom ħelwa li verament iħobbu ’l Alla u lil xulxin? (1 Ġwann 4:7, 8) Ġesù għal dan talab meta qal: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.” Tifhem int għala Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu hekk? Iktar importanti, tara int kif it-twettiq taʼ din it-talba jistaʼ jeffettwak personalment?
Miljuni Qegħdin Issa Jiddiskutu fuq l-Iskrittura
Ġesù bassar kampanja globali t’edukazzjoni spiritwali li kellha tħabbar is-Saltna t’Alla li ġejja. Hu qal: “Dan l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-tmiem [tad-dinja, jew sistema, preżenti].”—Mattew 24:14.
Madwar id-dinja, xi sitt miljun Xhud taʼ Jehovah qed ixandru dan l-evanġelju lill-ġirien tagħhom. Huma jistidnuk titgħallem iktar dwar Alla u s-Saltna tiegħu billi ‘tqalleb fl-Iskrittura’ u tuża l-qawwa tar-raġuni tiegħek. Dan se jsaħħaħlek il-fidi, u għajnejk jibdew jixegħlu bit-tama taʼ ħajja fuq l-art magħmula ġenna, li se tkun “mimlija . . . bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.”—Isaija 11:6-9.
[Nota taʼ taħt]
a Xi studjużi jippreferu li jittraduċu dan l-isem bħala “Jaħweh” minflok “Jehovah.” Madankollu, il-biċċa l-kbira mit-tradutturi moderni tal-Bibbja neħħew għalkollox l-isem t’Alla mill-verżjonijiet tagħhom fi kwalunkwe forma, u minfloku poġġew it-titli “Mulej” jew “Alla.” Għal diskussjoni dettaljata dwar l-isem t’Alla, jekk jogħġbok ara l-browxer The Divine Name That Will Endure Forever, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 8]
IMITA LILL-GĦALLIEM IL-PRIM
Ġesù spiss kien jgħallem billi jiffoka fuq suġġetti Bibliċi speċifiċi. Per eżempju, wara li rxoxta, hu spjega l-irwol tiegħu fl-iskop t’Alla lil żewġ dixxipli li kienu mifxulin minħabba l-mewt tiegħu. Luqa 24:27 jgħidilna: “Beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.”
Innota kif Ġesù għażel suġġett speċifiku—‘fuqu nnifsu,’ il-Messija—u kif fid-diskussjoni tiegħu kkwota minn “kull ma kien hemm fl-Iskrittura.” Fil-fatt, Ġesù poġġa xi skritturi rilevanti flimkien bħall-biċċiet taʼ xi ġigsopażil, u bis-saħħa t’hekk id-dixxipli tiegħu setgħu jaraw ċar il-verità spiritwali. (2 Timotju 1:13) B’riżultat taʼ dan, huma ma kinux biss imdawlin imma wkoll imqanqlin profondament. Ir-rakkont jgħidilna: “Wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: ‘Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?’”—Luqa 24:32.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah jagħmlu ħilithom kollha biex jimitaw il-metodi taʼ Ġesù fil-ministeru tagħhom. Il-pubblikazzjonijiet ewlenin li jużaw għall-istudju huma l-browxer Alla X’Jirrikjedi Minna? u l-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Dawn jittrattaw għadd taʼ suġġetti Bibliċi interessanti, bħal: “Min Hu Alla?,” “Alla Għala Jippermetti s-Sofferenza?,” “Kif Tistaʼ Ssib il-Vera Reliġjon?,” “Dawn Huma L-Aħħar Jiem!,” u “Nibnu Familja Li Tonora Lil Alla.” Kull lezzjoni fiha għadd taʼ skritturi.
Int mistieden li tikkuntattja lix-Xhieda taʼ Jehovah fil-komunità tiegħek jew tikteb fl-indirizz f’paġna 2 taʼ din ir-rivista għal studju tal-Bibbja fid-dar bla ħlas fuq dawn is-suġġetti u fuq suġġetti oħrajn.
[Stampa]
Ilħaq qalb l-istudent tiegħek billi tiffoka fuq suġġetti Bibliċi speċifiċi
[Stampi f’paġna 7]
Tifhem int xi tfisser it-talba mudell li għallimna Ġesù?
“Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek . . . ”
‘Tiġi s-saltna [Messjanika] tiegħek . . . ’
“Ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art”