“L-Għajnuna Tiegħi Ġejja Mingħand Ġeħova”
Mhux Miżżewġin imma Kuntenti fis-Servizz taʼ Ġeħova
“ĦAFNA minna verament ferħanin avolja m’aħniex miżżewġin,” qalet waħda mara Kristjana minn Spanja. X’inhi r-raġuni għall-kuntentizza tagħha? “Aħna nieħdu pjaċir bil-fatt li meħlusin minn ħafna ansjetajiet għax b’hekk nistgħu naqdu lil Alla tagħna, Ġeħova, iktar bis-sħiħ.”
Sentimenti bħal dawn huma fi qbil maʼ dak li l-Kelma t’Alla tgħid dwar l-istat taʼ li ma tkunx miżżewweġ. Meta l-appostlu Pawlu ddiskuta l-kwistjonijiet li jinvolvu ż-żwieġ, hu offra dan id-dehen ispirat: “Lil dawk li m’humiex miżżewġin u lir-romol ngħidilhom li jkun sewwa għalihom li jibqgħu bħali.” Pawlu nnifsu ma kienx miżżewweġ. Imma x’kienet ir-raġuni li ħeġġiġhom biex ma jiżżewġux? Hu qal li individwu li hu miżżewweġ huwa maqsum, filwaqt li raġel jew mara li m’hijiex miżżewġa hi “ansjuża għal dak li hu tal-Mulej.” (1 Korintin 7:8, 32-34) Il-fattur prinċipali li jagħmel lil dawn l-individwi mhux miżżewġin ferħanin hu li huma jaqdu lil Ġeħova.
Ma Jiżżewġux għal Skop Nobbli
Il-kummenti taʼ Pawlu għandhom mnejn iħawdu li xi wħud speċjalment meta fil-kultura tagħhom issir enfasi kbira fuq li tiżżewweġ u jkollok familja. Madankollu, Ġesù Kristu—li hu stess ma kienx miżżewweġ imma ferħan u kuntent—semma l-iskop nobbli tal-Kristjani li m’humiex miżżewġin. Hu qal: “Hemm ewnuki li għamlu lilhom infushom ewnuki minħabba s-saltna tas-smewwiet. Min jistaʼ, ħa jagħmel il-wisaʼ għal dan.”—Mattew 19:12.
Fi qbil maʼ dan, ħafna sabu li l-fatt li m’humiex miżżewġin jagħtihom l-opportunità li jaqdu lil Alla mingħajr tfixkil li huwa tant komuni fil-ħajja miżżewġa. (1 Korintin 7:35) Eluf taʼ Kristjani huma ferħanin jaqdu lil Ġeħova mingħajr sieħeb jew sieħba fiż-żwieġ, u huma jsibu ferħ kbir f’li jgħinu lil oħrajn b’mod attiv.a
Ħafna Kristjani li m’humiex miżżewġin jirrealizzaw li mhux uħud miżżewġin biss jesperjenzaw il-ferħ, u li individwi li m’humiex miżżewġin m’humiex imdejqin. Xi wħud fiż-żewġ gruppi kultant jesperjenzaw kemm ferħ u kemm niket. Fil-fatt, il-Bibbja b’mod realistiku tgħid li ż-żwieġ fih innifsu jġib ‘tribulazzjoni fil-laħam.’—1 Korintin 7:28.
Mhux Miżżewġin Minħabba ċ-Ċirkustanzi
Ħafna m’humiex miżżewġin mhux għax għażlu li ma jiżżewġux imma minħabba ċ-ċirkustanzi. Huma għandhom mnejn jixtiequ l-imħabba, il-kumpanija, u l-affezzjoni li tistaʼ ssib fl-arranġament taż-żwieġ. Madankollu, xi wħud minħabba problemi finanzjarji u tħassib ieħor għalissa jkollhom jipposponu ż-żwieġ. Xi Kristjani—li ħafna minnhom huma l-għeżież ħutna nnisa—huma determinati li jibqgħu waħedhom minħabba li huma determinati li jibqgħu jobdu l-parir tal-Bibbja li jiżżewġu “biss fil-Mulej.” (1 Korintin 7:39) Huma bil-lealtà kollha jfittxu sieħeb jew sieħba fost l-aduraturi dedikati u mgħammdin taʼ Ġeħova.
Kultant, xi wħud minn dawn l-individwi jħossuhom waħedhom. Wara li stqarret li tħossha b’dan il-mod, Kristjana li m’hijiex miżżewġa qalet: “Aħna nafu x’inhi l-liġi taʼ Ġeħova u ma rridu nagħmlu xejn li nweġġgħu lil Ġeħova biha. Għandu mnejn li nkunu rridu l-kumpanija taʼ sieħeb, imma minkejja li n-nies fid-dinja spiss ikunu jridu ‘jqabbduna maʼ xi ħadd,’ aħna nżommu sodi. Lanqas biss irridu nissieħbu maʼ rġiel u nisa li ma jemmnux.” Kristjani bħal dawn huma taʼ min ifaħħarhom talli japplikaw il-pariri tal-Bibbja u jżommu livelli morali għoljin sabiex ikunu jistgħu jogħġbu lil Ġeħova minkejja n-niket emozzjonali li għandhom mnejn jiffaċċjaw.
Ġeħova Jipprovdi Ħafna Għajnuna
Ġeħova hu leali maʼ dawk li huma leali lejh fi kwistjonijiet bħalma huma li jirrifjutaw li jiżżewġu wħud li ma jaqduhx. Mill-esperjenza persunali, is-Sultan David setaʼ jixhed: “Maʼ xi ħadd leali int [Ġeħova] se taġixxi b’lealtà.” (Salm 18:25, NW) U lil dawk li jobduh b’lealtà, Ġeħova jwegħedhom: “Żgur ma nitilqikx u żgur ma nabbandunakx.” (Ebrej 13:5) Billi nkunu qed nimitaw lil Ġeħova, nistgħu nfaħħru lill-Kristjani taʼ kull età li m’humiex miżżewġin u li lealment jibqgħu jżommu mal-Kelma t’Alla. Nistgħu nitolbu wkoll lil Ġeħova sabiex isaħħaħhom ħalli jkunu jistgħu jegħlbu l-isfidi tagħhom.—Mħallfin 11:30-40.
Ħafna Kristjani li m’humiex miżżewġin sabu li jekk jieħdu sehem bis-sħiħ fix-xogħol t’edukazzjoni mill-Bibbja, il-ħajja tagħhom se jkollha iktar sinifikat. Per eżempju, ikkunsidra lil Patricia, pijuniera, jew evanġelizzatriċi full-time, li għandha ’l fuq minn 30 sena u li m’hijiex miżżewġa. Hi tgħid: “Għalkemm il-fatt li ma tkunx miżżewweġ iġib ċerti provi, dan tani l-opportunità li nsir pijuniera regulari. Ladarba jien m’iniex miżżewġa, l-iskeda tiegħi hija iktar flessibbli, u dan iħallili iktar ħin biex nistudja. Tgħallimt ukoll nistrieħ iktar fuq Ġeħova, speċjalment meta nkun għaddejja mill-provi.”
Sentimenti bħal dawn huma bbażati fuq il-wegħda rassiguranti li nsibu fil-Bibbja: “Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek, afda fih, u [“hu nnifsu se jaġixxi,” NW].” (Salm 37:5) Tabilħaqq, l-aduraturi kollha taʼ Ġeħova, miżżewġin u m’humiex, jistgħu jsibu l-faraġ u s-saħħa fil-kliem ispirat: “L-għajnuna tiegħi ġejja mingħand Ġeħova.”—Salm 121:2, NW.
[Nota taʼ taħt]
a Ara t-2005 Calendar of Jehovah’s Witnesses, Lulju/Awissu.
[Kumment f’paġna 9]
“Ir-raġel mhux miżżewweġ hu ansjuż għal dak li hu tal-Mulej, kif jikseb l-approvazzjoni tal-Mulej.”—1 KORINTIN 7:32
[Kaxxa f’paġna 8]
AGĦMEL IL-ĦAJJA MHUX MIŻŻEWĠA TIEGĦEK PREMJANTI
Ġesù, li qatt ma żżewweġ, qal: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda taʼ dak li bagħatni u li ntemm xogħlu.”—Ġwanni 4:34.
L-erbaʼ xebbiet taʼ Filippu baqgħu jħabirku fix-xogħol taʼ l-‘ipprofetizzar.’—Atti 21:8, 9.
Nisa Kristjani mhux miżżewġin li jħabbru l-messaġġ tas-Saltna huma parti minn ‘armata kbira ħafna taʼ nisa li qed ixandru l-aħbar tajba.’—Salm 68:11, NW.