LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jr kap. 8 pp. 92-102
  • Se ‘Tibqaʼ Ħaj’ Bħal Ġeremija?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Se ‘Tibqaʼ Ħaj’ Bħal Ġeremija?
  • Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • KMAND MHUX TAS-​SOLTU
  • TGĦALLEM MINN ĠEREMIJA, LI BAQAʼ MA ŻŻEWWIĠX
  • KUN TAʼ SERĦAN U JKOLLOK SERĦAN
  • Mhux Miżżewġin imma Kuntenti fis-Servizz taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Parir Għaqli lill-Miżżewġin u lil Dawk li Mhumiex
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Iċ-Ċelibat—Bieb Għal Attività Mingħajr Distrazzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • “Jien Poġġejtlek Kliemi f’Fommok”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
Ara Iżjed
Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
jr kap. 8 pp. 92-102

Kapitlu Tmienja

Se ‘Tibqaʼ Ħaj’ Bħal Ġeremija?

1, 2. Għala jagħmel sens li tingħata attenzjoni kemm lill-​individwu u kemm lill-​familja?

WARA li Ġożwè ħeġġeġ lill-​Iżraelin jagħżlu ’l min kienu se jaqdu, hu qal: “Ngħid għalija u għan-​nies taʼ dari, aħna se naqdu lil Ġeħova.” (Ġoż. 24:15) Ġożwè kien determinat li jkun leali lejn Alla, u kien ċert li familtu wkoll kienu se jkunu leali. Ħafna żmien wara, hekk kif qorbot il-​qerda taʼ Ġerusalemm, Ġeremija qal lis-​Sultan Sedekija li jekk jissottometti ruħu għall-​Babiloniżi, “int u n-​nies taʼ darek tibqgħu ħajjin.” (Ġer. 38:17) L-​għażla ħażina tas-​sultan effettwat lilu, lin-​nisa tiegħu, u lil uliedu. Hu ra lil uliedu jiġu maqtulin; imbagħad il-​Babiloniżi għamewh u ħaduh fil-​jasar f’Babilonja.—Ġer. 38:18-​23; 39:6, 7.

2 F’kull waħda minn dawn iż-​żewġ frażijiet bil-​korsiv, individwu wieħed kien involut direttament. Imma l-​familja tiegħu wkoll issemmiet. Dan jagħmel sens. Kull adult hu responsabbli quddiem Alla. Madanakollu, il-​biċċa l-​kbira tal-​Iżraelin kienu parti minn familja. Il-​familja hija importanti għall-​Kristjani wkoll. Dan narawh minn dak li naqraw fil-​Bibbja u minn dak li nikkunsidraw fil-​laqgħat Kristjani dwar iż-​żwieġ, it-​trobbija tat-​tfal, u r-​rispett għall-​membri tal-​familja.—1 Kor. 7:36-​39; 1 Tim. 5:8.

KMAND MHUX TAS-​SOLTU

3, 4. Is-​sitwazzjoni taʼ Ġeremija b’liema modi kienet differenti minn dik tal-​maġġuranza tan-​nies, u kif ibbenefika minn dan?

3 Ġeremija kien wieħed li rnexxielu ‘jibqaʼ ħaj’ fi żmienu. Hu salva mill-​qerda taʼ Ġerusalemm, imma s-​sitwazzjoni persunali tiegħu kienet differenti minn dik tal-​maġġuranza tan-​nies. (Ġer. 21:9; 40:1-​4) Alla kien qallu biex la jiżżewweġ, la jkollu tfal, u lanqas ma jinvolvi ruħu f’xi aspetti komuni oħrajn tal-​ħajja Lhudija taʼ dak iż-​żmien.—Aqra Ġeremija 16:1-​4.

4 Fil-​kultura u fiż-​żmien taʼ Ġeremija, kien normali li wieħed jiżżewweġ u jkollu t-​tfal. Il-​biċċa l-​kbira tal-​irġiel Lhud hekk għamlu, u b’hekk żammew l-​art tal-​antenati fit-​tribù u fil-​familja.a (Dt. 7:14) Allura, Ġeremija għala ma kellux jagħmel dan? Minħabba dak li kien ġej, Alla qallu biex ma jiħux sehem f’okkażjonijiet normali taʼ niket jew ferħ. Ma kellux ifarraġ lil dawk li mitilhom xi ħadd jew jiekol magħhom wara xi funeral; lanqas ma kellu jattendi okkażjonijiet taʼ festa bħal tiġijiet Lhud. Dawn il-​festi u ferħ dalwaqt kienu se jispiċċaw għal kulħadd. (Ġer. 7:33; 16:5-​9) L-​azzjonijiet taʼ Ġeremija setgħu jgħinu lil oħrajn biex jemmnu l-​messaġġ tiegħu u enfasizzaw kemm kien serju l-​ġudizzju li kien ġej. Eventwalment, dan il-​gwaj wasal. Tistaʼ int timmaġina kif ħassewhom dawk li waslu biex jaqgħu għall-​kannibaliżmu jew dawk li raw lill-​maħbubin tagħhom isiru sempliċement iġsma mejtin? (Aqra Ġeremija 14:16; Lam. 2:20.) B’hekk, in-​nies ma kellhomx għalfejn jitħassru lil Ġeremija għax ma kienx miżżewweġ. Għalkemm l-​assedju taʼ 18-​il xahar u l-​qtil kienu se jwasslu għall-​qerda taʼ familji sħaħ, Ġeremija kien se jiskansa t-​telfien taʼ sieħba jew taʼ tfal.

5. Id-​direzzjonijiet misjubin f’Ġeremija 16:5-​9 kif jeffettwaw lill-​Kristjani?

5 Iżda, jistaʼ jingħad li Ġeremija 16:5-​9 japplika għalina? Le. Il-​Kristjani huma mħeġġin ‘ifarrġu lil dawk li jkunu f’kull xorta taʼ tribulazzjoni’ u ‘jifirħu maʼ min jifraħ.’ (2 Kor. 1:4; Rum. 12:15) Ġesù mar tieġ u żied mal-​ferħ li kien hemm. Xorta waħda, dak li hemm lest għal din is-​sistema huwa serju. Il-​Kristjani jistgħu saħansitra jiffaċċjaw it-​tbatija u n-​nuqqas t’affarijiet. Ġesù enfasizza l-​ħtieġa li nkunu lesti nagħmlu dak li hemm bżonn biex nissaportu u nibqgħu leali, l-​istess kif għamlu ħutna li ħarbu minn Ġuda fl-​ewwel seklu. Għalhekk, taʼ min jaħsibha sew jekk wieħed jibqax ġuvni jew xebba, jiżżewwiġx, jew ikollux tfal.—Aqra Mattew 24:17, 18.

Stampa f’paġna 94

6. Min jistaʼ jibbenefika jekk jirrifletti fuq id-​direzzjoni li Alla ta lil Ġeremija?

6 X’nistgħu nitgħallmu mill-​kmand t’Alla biex Ġeremija ma jiżżewwiġx u ma jkollux tfal? Illum, xi Kristjani leali mhumiex miżżewġin jew m’għandhomx tfal. X’għandhom mnejn jitgħallmu mill-​każ taʼ Ġeremija? U għala anke Kristjani li huma miżżewġin u bit-​tfal għandhom jagħtu kas dan l-​aspett tal-​ħajja taʼ Ġeremija?

7. Il-​fatt li Ġeremija kellu jibqaʼ bla tfal jistħoqqlu liema konsiderazzjoni llum?

7 L-​ewwel ikkunsidra l-​fatt li Ġeremija kellu jibqaʼ bla tfal. Ġesù ma kkmandax lis-​segwaċi tiegħu biex iżommu lura milli jkollhom it-​tfal. Però, taʼ min jinnota li hu ħabbar “gwaj” għan-​nisa tqal jew li kellhom tfal żgħar meta ġiet it-​tribulazzjoni fuq Ġerusalemm fis-​snin 66-​70 E.K. Dan kien se jkun żmien partikolarment diffiċli għalihom meta tqis is-​sitwazzjoni tagħhom. (Mt. 24:19) Aħna issa niffaċċjaw tribulazzjoni akbar. Koppji Kristjani li qed jiddeċiedu jekk hux se jkollhom it-​tfal għandhom jaħsbuha sew. Ma taqbilx li donnu qed isir iktar u iktar diffiċli biex tkampa maʼ dawn iż-​żminijiet kritiċi? U xi koppji ammettew li kienet tassew sfida li trabbi tfal li se ‘jibqgħu ħajjin’ matul it-​tmiem tas-​sistema preżenti. Waqt li kull koppja għandha tiddeċiedi għaliha jekk hux se jkollha t-​tfal, il-​każ taʼ Ġeremija huwa taʼ min jaħseb dwaru. Imma xi ngħidu għall-​kmand t’Alla li lanqas biss ma kellu jiżżewweġ?

Ġeremija rċieva liema kmand mhux tas-​soltu, u dan x’għandu jqanqalna nikkunsidraw?

TGĦALLEM MINN ĠEREMIJA, LI BAQAʼ MA ŻŻEWWIĠX

8. Għala nistgħu ngħidu li ż-​żwieġ mhuwiex neċessarju biex togħġob lil Alla?

8 Meta qal lil Ġeremija biex ma jiżżewwiġx, Alla ma kienx qed jagħmel xi regola li l-​qaddejja tiegħu kollha kellhom isegwu. M’hemm xejn ħażin f’li wieħed jiżżewweġ. Ġeħova ta bidu għaż-​żwieġ uman biex jimla l-​art bin-​nies u biex dan ikun sors taʼ sodisfazzjon u għaxqa abbundanti. (Prov. 5:18) Xorta waħda, mhux kulħadd kien miżżewweġ fi żmien Ġeremija. Setaʼ kien hemm xi ewnuċi li assoċjaw man-​nies t’Alla waqt li Ġeremija kien qed jipprofetizza.b Minbarra dan, tistaʼ tkun ċert li kien hemm romol irġiel u nisa. Allura Ġeremija ma kienx l-​uniku aduratur veru li ma kellux sieħba. Ovvjament, kellu raġuni l-​għala baqaʼ ġuvni, u l-​istess għandhom xi Kristjani llum.

9. X’parir imnebbaħ dwar iż-​żwieġ għandna nikkunsidraw bis-​serjetà?

9 Huwa veru li ħafna Kristjani jiżżewġu, imma mhux kollha. Int taf li Ġesù m’għamilx dan, u hu qal li xi dixxipli kien se jkollhom l-​għotja taʼ li ‘jagħmlu l-​wisaʼ’ f’moħħhom u f’qalbhom biex ma jiżżewġux. Hu ħeġġeġ lil dawk li setgħu biex jagħmlu dan. (Aqra Mattew 19:11, 12.) Għalhekk, ikun xieraq li nfaħħru, u mhux ninku, lil wieħed li jibqaʼ ma jiżżewwiġx sabiex jagħmel iktar fis-​servizz t’Alla. Veru, xi Kristjani mhumiex miżżewġin minħabba ċ-​ċirkustanzi, għall-​inqas għal xi żmien. Pereżempju, setgħu ma sabux sieħeb Kristjan adattat u huma taʼ min ifaħħarhom għax determinati li jżommu mal-​livell t’Alla biex jiżżewġu “biss fil-​Mulej.” (1 Kor. 7:39) U, naturalment, xi qaddejja t’Alla mhumiex miżżewġin għax romlu.c Qatt m’għandhom jinsew li Alla (u Ġesù) ilu juri tħassib għal uħud mhux miżżewġin bħal dawn.—Ġer. 22:3; aqra l-​1 Korintin 7:8, 9.

10, 11. (a) X’għen lil Ġeremija jibqaʼ ġuvni u jżomm il-​ferħ tiegħu? (b) Esperjenzi moderni kif jikkonfermaw li dawk li jibqgħu ġuvintur u xebbiet jistgħu jkollhom ħajja premjanti?

10 Għalhekk, filwaqt li Ġeremija baqaʼ ma żżewwiġx hu setaʼ jistrieħ fuq Alla għall-​appoġġ. Kif? Ftakar li Ġeremija tgħaxxaq bil-​kelma taʼ Ġeħova. Dan żgur li kien sors taʼ saħħa u rassiguranza għal Ġeremija matul l-​għaxriet taʼ snin hekk kif iffoka fuq il-​ministeru tiegħu li kien mogħti minn Alla. Barra minn hekk, qagħad attent li jevita s-​sħubija maʼ dawk li setgħu jwaqqgħuh għaċ-​ċajt għax ma kienx miżżewweġ. Hu kien lest li ‘jpoġġi bil-​qiegħda waħdu’ minflok ma jkun maʼ dawk li kellhom tendenzi simili.—Aqra Ġeremija 15:17.

11 Ħafna Kristjani mhux miżżewġin—irġiel u nisa, kemm żgħar u kemm kbar—qed isegwu l-​eżempju tajjeb taʼ Ġeremija. L-​esperjenzi juru kemm hu t’għajnuna kbira li tkun medhi fis-​servizz t’Alla, li jkollok sehem kbir f’attivitajiet spiritwali importanti. Pereżempju, Xhud li qed taqdi f’kongregazzjoni tal-​lingwa Ċiniża tgħid: “Ix-​xogħol taʼ pijunier jagħti direzzjoni lil ħajti. Bħala oħt mhix miżżewġa għandi ħajja mimlija u attiva u din tgħinni biex ma nħossnix waħdi. Fl-​aħħar taʼ kull ġurnata nħossni sodisfatta għax nistaʼ nara li l-​ministeru tiegħi tassew jgħin lin-​nies. Dan iġibli ħafna ferħ.” Pijuniera li għandha 38 sena tgħid: “Jien naħseb li s-​sigriet għall-​hena hu li tkun kapaċi tgawdi l-​aspetti pożittivi taʼ kwalunkwe sitwazzjoni li ssib ruħek fiha.” Kristjana mhix miżżewġa fl-​Ewropa tan-​Nofsinhar bis-​sinċerità kollha tgħid: “Vera, ħajti forsi ma żvolġietx eżatt kif ippjanajt, imma jiena ferħana u hekk se nibqaʼ nkun.”

Stampa f’paġna 97

12, 13. (a) X’ħarsa realistika hemm kemm f’li tkun miżżewweġ u kemm f’li ma tkunx? (b) Il-​ħajja u l-​parir taʼ Pawlu x’jenfasizzaw dwar li wieħed jibqaʼ ma jiżżewwiġx?

12 Jistaʼ jagħti l-​każ li Ġeremija ra li ħajtu ma kinitx żvolġiet kif kien ippjana waqt li kien qed jikber? Imma b’għaqal setaʼ jara li dan setaʼ jingħad ukoll għal ħafna li żżewġu u kellhom it-​tfal. Pijuniera fi Spanja taqsam magħna dan il-​ħsieb: “Jien naf uħud miżżewġin li huma ferħanin u naf oħrajn li mhumiex. Din ir-​realtà tikkonvinċini li l-​ferħ tiegħi ma jiddependix minn jekk niżżewwiġx fil-​futur jew le.” Mingħajr dubju, l-​esperjenza taʼ Ġeremija—waħda minn eluf—turi li ħajja mimlija, premjanti, u ferħana hija possibbli għal min mhuwiex miżżewweġ. Għandna prova aktar taʼ dan mill-​appostlu Pawlu, li ktieb: “Lil dawk li m’humiex miżżewġin u lir-​romol ngħidilhom li jkun sewwa għalihom li jibqgħu bħali.” (1 Kor. 7:8) Pawlu setaʼ kien armel. Kien x’kien, ma kienx miżżewweġ meta għamel daqstant fis-​servizz missjunarju. (1 Kor. 9:5) Mhuwiex raġunevoli li nikkonkludu li l-​fatt li ma kienx miżżewweġ kien taʼ vantaġġ? Għalih fisser li kien jistaʼ ‘jaqdi lill-​Mulej il-​ħin kollu u mingħajr distrazzjoni,’ u b’hekk wettaq ħafna ġid.—1 Kor. 7:35.

“Il-​mumenti li nkun waħdi huma fost l-​iktar prezzjużi. Nistaʼ nitkellem maʼ Ġeħova permezz tat-​talb. Nistaʼ ngawdi l-​meditazzjoni u l-​istudju persunali mingħajr ma jkolli xi jtellifni. . . . Il-​fatt li m’iniex miżżewġa żied mhux ftit mal-​ferħ tiegħi.”—Babette

13 Pawlu kien imnebbaħ iżid xi ħaġ’oħra: “Dawk li jiżżewġu jkollhom tribulazzjoni f’laħamhom.” Alla qabbad lil Pawlu jinkludi din il-​verità profonda: “Jekk xi ħadd ikun determinat f’qalbu . . . li jibqaʼ ma jiżżewwiġx, jagħmel sewwa. Għaldaqstant, min jiżżewweġ jagħmel sewwa, imma min ma jiżżewwiġx jagħmel aħjar.” (1 Kor. 7:28, 37, 38) Ġeremija qatt ma qara dan il-​kliem, imma l-​fatt li ma kienx miżżewweġ għal għaxriet taʼ snin jagħti prova li m’hemmx għalfejn tkun miżżewweġ biex ikollok ħajja sodisfaċenti fis-​servizz t’Alla. Infatti, dan jistaʼ jikkontribwixxi bil-​kbir għal ħajja tassew sinifikanti li tiffoka fuq il-​qima vera. Għalkemm kien miżżewweġ, is-​Sultan Sedekija ma ħax il-​parir taʼ Ġeremija, u b’hekk ma ‘baqax ħaj’; iżda l-​profeta mhux miżżewweġ aġixxa b’tali mod li ppermetta li ‘jibqaʼ ħaj.

X’tistaʼ titgħallem mill-​eżempju taʼ Ġeremija dwar li wieħed jibqaʼ ma jiżżewwiġx għal għaxriet taʼ snin?

KUN TAʼ SERĦAN U JKOLLOK SERĦAN

14. X’tenfasizza r-​relazzjoni bejn il-​familja t’Akwila u Pawlu?

14 Bħalma ssemma qabel, il-​biċċa l-​kbira mill-​irġiel u n-​nisa fi żmien Ġeremija żżewġu u kellhom familja. Kien simili fi żmien Pawlu. Bla dubju, il-​maġġuranza tal-​Kristjani bil-​familja ma setgħux jieħdu sehem fil-​ministeru barra minn pajjiżhom kif għamel Pawlu, imma kellhom ħafna x’jagħmlu fl-​inħawi fejn għexu. Dan inkluda li jkunu barka għall-​aħwa li ma kinux miżżewġin. Ftakar li meta Pawlu wasal Korintu, Akwila u Prixilla laqgħuh f’darhom u ħadmu miegħu fis-​sengħa li kellhom. Imma kien hemm iktar involut minn dan. Il-​ħbiberija li l-​familja t’Akwila offriet lil Pawlu żgur li kienet taʼ serħan. Aħseb dwar l-​ikliet pjaċevoli li kellhom flimkien u l-​okkażjonijiet oħrajn taʼ sħubija li ssaħħaħ il-​qalb. Ġeremija bbenefika minn assoċjazzjoni simili? Hu kien qed juża l-​fatt li ma kienx miżżewweġ fis-​servizz t’Alla, imma m’għandniex għalfejn naħsbu li kien xi eremit. Hu setaʼ gawda sħubija li tibni maʼ familji taʼ qaddejja devoti t’Alla, forsi dik taʼ Baruk, Għebed-​melek, jew oħrajn.—Rum. 16:3; aqra Atti 18:1-​3.

15. Familji Kristjani kif jistgħu jkunu t’għajnuna kbira għal Kristjani mhux miżżewġin?

15 Illum, Kristjani mhux miżżewġin bl-​istess mod jibbenefikaw minn sħubija li tibni bħal dik li offriet il-​familja t’Akwila lil Pawlu. Jekk għandek familja, tagħmilha mira li tipprovdi sħubija għal dawk li mhumiex miżżewġin? Oħt fetħet qalbha b’dan il-​mod: “Jien tlaqt id-​dinja u ma nixtieqx immur lura fiha. Madanakollu, xorta għandi bżonn min jimpurtah minni u jħobbni. Nitlob li Ġeħova jipprovdi iktar ikel spiritwali u inkuraġġiment għalina l-​Kristjani mhux miżżewġin. M’aħniex inviżibbli, u mhux kollha ħerqanin biex niżżewġu. Imma sa ċertu punt qisu m’hawn ħadd biex jgħinna. Veru li dejjem nistgħu nduru lejn Ġeħova imma meta jkollna bżonn kuntatt uman, nistgħu aħna nitkellmu mal-​familja spiritwali tagħna?” Eluf t’aħwa nisa u rġiel li mhumiex miżżewġin jistgħu bl-​onestà kollha jwieġbu iva. Huma tassew igawdu assoċjazzjoni bħal din fil-​kongregazzjoni tagħhom. Il-​ħbieb tagħhom mhumiex limitati għal aħwa tamparhom biss. Peress li huma dħulin, igawdu ħbiberiji maʼ dawk t’etajiet differenti, inkluż dawk avanzati fl-​età jew iż-​żgħażagħ fil-​familji Kristjani tal-​lokal.

Stampa f’paġna 100

16. Liema affarijiet sempliċi għandek mnejn tagħmel biex tkun taʼ serħan għal Kristjani mhux miżżewġin fil-​kongregazzjoni tiegħek?

16 B’daqsxejn ħsieb minn qabel, int tistaʼ tkun sors taʼ serħan għal dawk mhux miżżewġin billi xi kultant tinkludihom fl-​attivitajiet tal-​familja tiegħek, pereżempju fil-​lejla tal-​Qima tal-​Familja. Li taqsam ikla tal-​familja maʼ xi ħu jew oħt mhix miżżewġa jistaʼ jfisser ħafna iktar minn sempliċi platt ikel tajjeb. Tistaʼ int tieħu l-​inizjattiva biex tagħmel appuntament ħalli tieħdu sehem fil-​ministeru flimkien? Xi ngħidu għal li tistieden Kristjan mhux miżżewweġ biex jaħdem fuq proġett taʼ manutenzjoni taʼ Sala tas-​Saltna flimkien mal-​familja tiegħek jew kultant tmorru tixtru flimkien? U xi familji stiednu lil xi armla, armel, jew pijunier mhux miżżewweġ biex jingħaqad magħhom ħalli jmorru konvenzjoni jew f’xi post taʼ vaganza. Sħubija bħal din uriet li hi taʼ serħan għal kulħadd.

17-19. (a) Għala hemm bżonn taʼ bilanċ bl-​imħabba min-​naħa tat-​tfal meta jirranġaw dwar min se jieħu ħsieb il-​ġenituri xjuħ jew morda? (b) X’lezzjoni prattika nistgħu nisiltu minn dak li għamel Ġesù dwar li jieħu ħsieb ommu?

17 Qasam ieħor taʼ min jikkunsidrah fejn jidħlu l-​aħwa mhux miżżewġin għandu x’jaqsam mal-​ħarsien taʼ ġenituri avanzati fl-​età. Fi żmien Ġesù, xi Lhud prominenti b’makakkerija evitaw li jieħdu ħsieb lil missierhom u ’l ommhom. Huma sostnew li l-​obbligi reliġjużi li huma stess poġġew kienu jiġu qabel l-​obbligi mingħand Alla lejn il-​ġenituri tagħhom. (Mk. 7:9-​13) Dan m’għandux ikun il-​każ fil-​familji Kristjani.—1 Tim. 5:3-​8.

18 Iżda, xi ngħidu jekk il-​ġenituri mdaħħlin fiż-​żmien għandhom numru taʼ wlied Kristjani? Jekk waħda mit-​tfal mhijiex miżżewġa, bilfors li din il-​persuna trid tkun il-​waħda li tieħu ħsieb il-​ġenituri? Oħt mill-​Ġappun tikteb: “Jiena nixtieq niżżewweġ, imma peress li għandi r-​responsabbiltà li nieħu ħsieb il-​ġenituri tiegħi, ma nistax niżżewweġ. Jiena ċerta li Ġeħova jifhem l-​istress li jiġi milli tieħu ħsieb il-​ġenituri u l-​uġigħ taʼ qalb li jħossu dawk mhux miżżewġin.” Jistaʼ jagħti l-​każ li għandha ħutha miżżewġin li ddeċidew, mingħajr ma tkellmu magħha, li trid tkun hi li tieħu ħsieb il-​ġenituri? F’każijiet bħal dawn, taʼ min jinnota li Ġeremija kellu ħutu li ma ttrattawhx sew.—Aqra Ġeremija 12:6.

19 Ġeħova jifhem lil dawk mhux miżżewġin u jħoss għal min qed jesperjenza ċirkustanzi diffiċli. (Salm 103:11-​14) Madanakollu, ġenituri xjuħ jew morda huma l-​ġenituri tat-​tfal kollha tagħhom, u mhux biss taʼ dawk li mhumiex miżżewġin. M’għandniex xi ngħidu, xi wħud mit-​tfal jistgħu jkunu miżżewġin u jkollhom it-​tfal tagħhom stess. Però, issa dan ma jfissirx li r-​rabtiet t’affezzjoni naturali li għandhom mal-​ġenituri nħallu, lanqas ma jfisser li issa m’għandhomx id-​dmir Kristjan li jgħinu meta jkun hemm bżonn. Aħna niftakru li anke meta Ġesù kien qrib il-​mewt fuq iz-​zokk, hu ħass il-​bżonn li jaġixxi biex ommu jkollha min jieħu ħsiebha. (Ġw. 19:25-​27) Il-​Bibbja ma tagħtix regoli dettaljati dwar kif għandha tinqasam ir-​responsabbiltà taʼ min jieħu ħsieb il-​ġenituri xjuħ jew morda; lanqas ma tagħti x’tifhem li t-​tfal mhux miżżewġin huma awtomatikament iktar responsabbli għalihom. Rigward dan is-​suġġett sensittiv, hemm bżonn li d-​deċiżjonijiet jittieħdu b’mod raġunevoli u b’konsiderazzjoni min-​naħa taʼ kull min hu involut, filwaqt li nżommu f’moħħna l-​eżempju li ta Ġesù f’li jieħu ħsieb ommu.

20. Kif tħossok dwar is-​sħubija maʼ dawk mhux miżżewġin fil-​kongregazzjoni tiegħek?

20 Ġeremija ġie mnebbaħ ibassar: “Ma jibqgħux jgħallmu kull wieħed lil sieħbu, u kull wieħed lil ħuh, billi jgħidu, ‘Kunu afu lil Ġeħova!’ għax kollha jkunu jafuni.” (Ġer. 31:34) Bażikament, aħna diġà qed ingawdu sħubija li tispikka bħal din fil-​kongregazzjoni Kristjana, inkluż is-​sħubija li għandna m’aħwa rġiel u nisa mhux miżżewġin. Mingħajr ebda dubju, ilkoll kemm aħna rridu nkunu taʼ serħan għalihom u niksbu serħan mingħandhom u naraw lil uħud mhux miżżewġin bħal dawn ‘jibqgħu ħajjin.”

X’tistaʼ tagħmel iżjed biex tkun taʼ serħan għal xi aħwa rġiel u nisa mhux miżżewġin u tikseb serħan mingħandhom?

a Fl-​Iskrittura Ebrajka m’hemmx kelma għal “għażeb.”

b Isaija b’mod profetiku kellem lill-​ewnuċi letterali fi żmienu, li kellhom sehem limitat fil-​qima Iżraelija. Hu bassar li permezz tal-​ubbidjenza, l-​ewnuċi kienu se jiksbu “xi ħaġa aħjar minn ulied subien u bniet,” u jingħataw “isem għal żmien indefinit” fid-​dar t’Alla.—Is. 56:4, 5.

c Oħrajn għandhom mnejn ikunu qed jgħixu waħedhom għax is-​sieħeb jew is-​sieħba, forsi mhix tal-​istess twemmin, isseparat minnhom jew kisbet divorzju legali.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja